Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/326226
22 illum | Ħadd 08 ta' Ġunju 2014 Aktar ma niltaqa' ma' gladjaturi, aktar ninnota kemm hawn persuni f 'din in- naqra ta' gżira li lesti joffru ħajjithom għal ħaddieħor. Il-Gladjatur li qed inlaqqagħkom miegħu llum hu saċerdot avventuruż li fil-bidu tal-ħajja tiegħu qatt ma ħolom li jsir saċerdot. Għex Londra fis-sittinijiet, kien għarus biex jiżżewweġ u kellu ħolma li xi darba jsir missier ta' familja. Iżda d-destin ħejjielu triq oħra. Dun Manwel Cordina ma kellu jkun qatt missier bijoloġiku ta' xi tarbija iżda spiċċa missier ta' ħafna wlied u żgur li l-kelma Father toqgħodlu ħafna aktar minn oħrajn li naf DUN Manwel Cordina twieled il-Fontana, Għawdex 65 sena ilu. Ilu saċerdot għal dawn l-aħħar 34 sena u 24 sena ilu ħoloq fondazzjoni biex tiġġieled bis-sħiħ kontra l-abbuż tad- droga u l-alkoħol, l-Oasi. Smajt ħafna drabi b'Dun Manwel iżda personalment ma kontx nafu. Għalhekk meta mit-taraġ xirfet ras b'xuxa bajda tgħidli biex nitla', ħsibt li kellu segretarju biex iwassalni fl-uffiċċju tiegħu. Iżda kif dħalt sibt li dak kien Dun Manwel innifsu. Persuna fabbli, mimli serenità, bi tbissima naturali u mimli għerf li ġabar mill-ħajja avventuruża tiegħu. Il-ħajt tal-uffiċċju ta' Dun Manwel mimli b'biċċiet tal-arti u ritratti artistiċi u malli rani ndur magħhom dment qalli, "Il-bniedem idawwar lilu nnifsu b'dak li jħobb u dan ifisser li jien inħobb l-arti." Laqatni ritratt kbir ta' żagħżugħ idejh miftuħa salib iħares lejn id-dawl. "Dak ir-ritratt jismu 'uncrucified' għax il-persuna hu maqlugħ mis-salib wara li ra d-dawl u qed jieħu nifs ta' ħajja ġdida. Dan hu x-xogħol tagħna hawnhekk, ngħinu lil dawk il-persuni jinżlu minn fuq is-salib tad-droga u alkoħol isibu d-dawl. Għax aħna nemmnu li kull bniedem jista' jinbidel mingħajr eċċezzjoni." Saċerdot modern, li jemmen fi knisja li tmur tiġbor in- nagħaġ tagħha, saċerdot mimli spiritwalità iżda mhux fanatiżmu reliġjuż, saċerdot mimli avventura fejn minn tfulitu dejjem kien kontroversjali, ribelluż u dejjem f 'konfront mas-soċjetà . "Kont għarus naħseb biex niżżewweġ, iżda meta bdejt nara l-għira tal-għarusa tiegħi meta niċċajta ma' xi ħadd jew nħares lejn xi ħadd indunajt li dik ma kinitx il-ħajja tiegħi. Sifirt Londra fi żmien il-ħajja kollha taħwid Ingliża għax jien dejjem fittixt dinja barra Għawdex. U kien hawn li ddeċidejt li ridt nagħmel xi ħaġa aħjar b'ħajti. Iddeċidejt li nibda l-ħajja tas- saċerdozju. L-uniku dispjaċir kien li dejjem xtaqt li nkun missier ta' familja u din il-ħolma spiċċat meta ddeċidejt li nsir qassis. Iżda l-Mulej anke hawn ħaseb fija għax mhux talli m'għamilnix missier iżda tani ħafna tfal x'nieħu ħsieb." Għal min ma jafx Dun Manwel għal ħafna żmien kien jieħu ħsieb ukoll id-dar ta' San Ġużepp f 'Għajnsielem (iżda dik storja oħra). "Jien għext il-faqar fi tfuliti iżda moħħi kien dejjem għatxan għat-tagħlim. Moħħi kien dejjem jiffantasizza fuq avventuri li jmorru kontra l-kurrent filwaqt li kont l-uniku wieħed mill-familja li komplejt l-istudji, jien ma niġġudikax, inħobb niddiskuti ma' min ma jaqbilx miegħi." Anke bħala saċerdot Dun Manwel baqa' kontroversjali u dak li joħlom kien jagħmlu. "Kont l-ewwel saċerdot li f 'Għawdex ftaħt ċentru għaż- żgħażagħ imħallat, tfajliet u ġuvintur u ħloqt għagħa sħiħa f 'din il-gżira. Kont nitlob biss li ma jmurx toħroġ xi tifla tqila minn dawn iċ-ċentri għax ħoll xagħrek u ġib iż-żejt kieku." Il-filosofija ta' Dun Manwel hi waħda li tħallik imsaħħar tismagħha u taħseb fuqha. Dwar kollox isib loġika, dwar kollox għandu xi ħaġa xi jgħid għax kollox hu importanti fil-ħajja tiegħu. "Irrid inkun naf il-moda tal-lum ħalli nkun nista' niddiskuti ma' klijenti bi problemi ħalli ngħinhom jerġgħu jsibu saqajhom. Irrid inkun naf x'qed jiġri madwari politikament għax il- fondazzjoni Oasi hi fondazzjoni lajka u mhux tal-Knisja u jkollha bżonn għajnuna għax aħna qed nagħmlu xogħol il-gvernijiet." Il-fondazzjoni Oasi hi maqsuma fuq 3 punti strateġiċi, il-programm edukattiv għal prevenzjoni kontra d-droga u l-alkoħol, il-programm ta' prevenzjoni li jassisti żgħażagħ li jkollhom problemi soċjali fil-familji tagħhom u l-fejqan mid-dipendenza fuq id-droga u l-alkoħol. Fil-fondazzjoni jistgħu jgħixu sa 15-il resident u fiha jaħdmu 23 persuna bejn part u full time barra l-voluntiera. Staqsejtu dwar il-fondi li jkollu bżonn u Dun Manwel dment qalli li d-drogati ma tantx jiġbru simpatija biex in-nies jagħtuhom. "Mhux bħal persuni b'diżabilità jew tfal morda. Barra hekk il-vittmi tad-droga ma jistgħux jidhru fuq televiżjoni jgħidu li huma drogati għax jingħataw timbru li jbatu minnu għal dejjem." Iddiskutejna s-sinjali għal ġenituri u x'għandu jsir biex wieħed jippreveni d-dipendenza mid-droga u l-alkoħol. "Importanti li l-ġenituri jitkellmu ma' kull tifel jew tifla li jkollhom u mhux jinjoraw lil kwiet u jitfgħu l-attenzjoni fuq dak l-imqareb biss. Dan sfortunatament qed iwassal biex il-problema qed ikun it-tifel jew tifla kwieta għax jaqgħu fil- vizzju ħalli jiġbdu l-attenzjoni fuqhom. Anke l-ħajja virtwali li qed ngħixu llum bl-aġġeġġi u kompjuters qed iwasslu biex ikun hemm nuqqas kbir ta' komunikazzjoni fil-familji u mal-ulied. Issa nindunaw b'din il-problema meta jkun tard wisq." Bdejna niddiskutu ftit x'qed jagħmel eżatt Dun Manwel għal min jidħol fid-dar Oasi, "min jidħol hawn inżarmawlu ħajtu. Dik il-ħajja mimlija biża', abbużi, inġustizzja u ġudizzju. Ngħallmuhom jirriflettu u jiġġieldu dan kollu u joħorġu minn hawn nies differenti, persuni mibdula. "L-esperjenza għallmitna li kull problema tibda mill- familja, tiġi perpetwata fl-iskola u msammra meta jiġu biex jibnu ħajjithom fid-dinja. Aħna hawnhekk ngħalqulhom il-vit u mhux nixxuttaw l-ilma." Bqajt imbellah meta qalli ġieli ttieħdu tfal anke ta' 10 snin għal kura "għax dawn ikunu qed jesperimentaw u jduqu minn dak li jsibu d-dar inkella l-iskola." Dun Manwel qal li l-ossessjoni għad-droga u l-alkoħol iġġib ħafna iżjed problemi magħha. "Eżatt bħaz- zokk, li minnu joħorġu l-friegħi u minnhom il-weraq, hekk il-vizzju tad-droga. L-ossessjoni ġġib magħha l-kriminalità, użura, serq, prostituzzjoni, logħob tal-azzard u dak kollu li jista' jġibilhom flus biex iħallsu d-djun barra l-mard bħal Hepatitis B u C." Tkellimna fuq dawk il-ġenituri li jaraw l-ewwel sintomi li jħassbuhom fuq uliedhom. "Meta naraw xi sintomi ta' familjari tagħna m'għandniex niffaċċjawhom aħna, għax jista' jkun li ma jkunx il-każ, ejjew kellmuna. Barra hekk qatt toħduhom għand psikjatri mill-ewwel, dawk għandhom ikunu l-aħħar ħaġa għax nissugraw li jsiru dipendenti fuq il-mediċina." Qabel tlaqt staqsejtu jekk jaqbilx li l-vittmi tad-droga għandhomx jispiċċaw il-ħabs u weġibni b'biċċa filosofija oħra. "Kulħadd irid jiffaċċja l-konsegwenzi ta' għemilu. Il-bniedem irid jindem, wara jeduka u jikkura lilu nnifsu. Imbagħad irid ipatti lis-soċjetà ta' dak li jkun għamel. Jekk titfgħu l-ħabs ma jkunx se jpatti lura iżda jkun ta' piż fuq is-soċjetà. Irridu nifhmu li l-bniedem jinbidel basta jkun irid jinbidel. Il-vittmi iżda jkunu jridu huma li jfiqu u l-fejqan jiġi meta ngħidu l-verità ma' min irid jgħinna." Filwaqt li ħadtlu b'idejh u għidtlu li hu vera gladjatur kontra d-droga, qalli, "Jien gladjatur kontra l-bniedem li jabbuża mid-droga għax id- droga kienet, għadha u tibqa' hemm, għax anke l-mediċina hi droga. Irridu niġġieldu kontra dawk li jittrafikawha u jabbużaw minnha." Kliem il-għerf! Jitqabad kontra d-droga u jgħin lill-vittmi tagħha Gladjaturi tal-Ħajja John Busuttil jbusuttil@mediatoday.com.mt "Jien gladjatur kontra l-bniedem li jabbuża mid-droga, għax anke l-mediċina hi droga. Irridu niġġieldu kontra dawk li jittrafikawha u jabbużaw minnha" – Dun Manwel Cordina "Għaddejjin minn kriżi ta' ċiviltà bbażata fuq il-persuna u mhux fuq il-ġid komuni"