Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/333854
20 illum | Il-Ħadd 22 ta' Ġunju 2014 WIEĦED mill-mumenti l-aktar seminali fil-ħajja ta' bniedem huwa meta, ta' xi sitt xhur, jidher li jibda jagħraf lilu nnifsu f 'mera; meta, allura, dik ix-xbieha tħares lura mill-mera l-bniedem jirreġistraha bħala tiegħu, anzi, jibda jqisha bħala huwa nnifsu. Biżżejjed wieħed josserva tifel jew tifla ta' bejn is-sitt xhur u sena u nofs, biex jagħraf l-eċitament u l-gost tiegħu jew tagħha meta jsibu ruħhom quddiem mera. L-għarfien tat- tifel tiegħu nnifsu u dan l-eċitament u l-gost b'din l-iskoperta faċilment jidhru fl-atteġjament li tifel jieħu mal-mera: iħares lejha, jersaq lejha, u jikkomunika magħha. U allura nistgħu ngħidu wkoll li dak li studjużi sejħulu l-istadju tal-mera mhux biss jimmarka l-mument meta l-bniedem jagħraf lilu nnifsu, imma huwa l-mument li jista' jitqies bħala prova ċara ta' kemm il-bniedem jeħtieġ li jikkomunika, imqar miegħu nnifsu. Inħoss li hemm mument seminali ieħor fl-iżvilupp ta' persuna: meta tifla tiskopri li hemm il-possibilità li anki hi tiċċaqlaq minn post għal ieħor, l-ewwel billi titkaxkar u mbagħad eventwalment timxi. Il-mixi jagħti l-mobilità lil dak li jkun u l-mobilità tagħti lill-bniedem il-libertà. Jekk hemm xi ħaġa li l-bnedmin tassew jagħtuha preġju hija l-libertà u jista' jkun li, l-istess bħall- komunikazzjoni, il-libertà hija ħtieġa li bniedem diffiċli jgħaddi mingħajrha. Madankollu jidher li hemm kuntrast bejn il-ħtieġa ta' libertà u l-ħtieġa, daqstant importanti, ta' sigurtà: li bniedem iħossu nieqes minn biżgħat u minn tensjoni li jħosshom itaqqluh u jagħmlulu ħajtu diffiċli. U allura jiġru każi meta bniedem ikollu jagħżel bejn żewġ ħtiġiet ċentrali f 'ħajtu: ikun liberu għal kollox għall- ispejjeż tas-sigurtà, jew viċi versa. Il-mixi, l-ispostament minn punt għal ieħor, minn post għal ieħor, huwa, fost ħwejjeġ oħrajn, espressjoni ta' libertà. Hemm spazju madwarna li rridu niskopruh, nagħmluh 'tagħna' fis-sens li nħossu li għandna dritt li nimxu lejh, fih, nokkupawh. Il- mixi wassal biex il-bniedem għamel l-avvanzi kbar li għamel tul l-istorja tiegħu. Naturalment kien l-istess mixi li qajjem ħafna tensjoni, partikolarment meta l-ispazju beda jiġi privatizzat, meta n-nies bdew jaqsmu dan l-ispazju f 'qasmiet differenti ddelineati bi fruntieri li qisuhom sagrosanti. Il-mixi tal- iskoperta seta' fisser il-mixi tal-konkwisti, tal-ħniżrija, imma seta' fisser ukoll l-okkupazzjoni ta' spazju u, sussegwentament, id-difiża egoista tal-ispazju. Il-mixi minn post għal ieħor isir jew bi ħtieġa urġenti minħabba kwistjonijiet ta' sigurtà, jew anki, f 'każi inqas spissi, sforz din il-ħtieġa ta' mobilità, din l-espressjoni ta' libertà. Huwa f 'dan il-kuntest ukoll li għandna nagħmlu l-osservazzjonijiet tagħna dwar il-ħajja ħafna drabi miżerabbli tal-immigrant, mhux biss dak li nqisuh illegali imma daqstant ieħor dak li mexa lejn u daħal fi spazju 'ħaddieħor' bil- permessi kollha meħtieġa ta' min ħass li dak l-ispazju huwa leġittimament tiegħu. Ħalli nieħdu l-immigrant meqjus illegali, il-fenomenu li, kontra dak li jaħsbu ħafna, ma jmissx biss lil Malta jew lill-Mediterran. Huwa vast, iktar milli nistgħu nimmaġinaw, l-ispazju li jimxi fih l-immigrant. Anki li kieku t-triq kienet komda, id-distanzi waħidhom diġà huma biżżejjed biex jaqtgħulek qalbek. Imbagħad, wara l-vastità tad-deżerti u tal-ilma (u dejjem qegħdin neskludu l-perikli tat-tnejn), f 'daqqa waħda jitfaċċa ċ-ċokon, anzi l-għeluq. Mhuwiex iċ-ċokon u l-għeluq ovvju tal-gżira li wieħed irid jikkunsidra – dak huwa maqsum u esperjenzat minn kulħadd – imma ċ-ċokon u l-għeluq tad-detenzjoni. Id-detenzjoni hija forma ta' kastig, kif fil-fatt tixhed is-sistema karċerarja kollha kemm hi. M'għandniex xi ngħidu l-kastig dejjem jattakka bżonn jew ikollu l-iskop li jqajjem tensjoni, bħal meta b'kastig naslu nċaħħdu t-tfal miċ-ċikkulata, jew nagħlquhom f 'kamra waħedhom u nħalluhom jibżgħu mid-dlam jew mis- solitudni. F'dar-rigward anki d-detenzjoni hija kastig appuntu għaliex tattakka ħtieġa tant bażika, il-mixi u anki l-ispazju. Issa rridu nżommu kontinwament quddiem għajnejna li fost l-immigranti li qegħdin nikkastigaw permezz tad-detenzjoni hemm it-tfal. Hemm bżonn nifhmu sewwa, wara dan id-diskors kollu (ħafna minnu ovvju) dwar mixi u spazju, xi jfisser eżattament dan il-proċess li bih qegħdin nikkonfinaw massa ta' iġsma fi spazju limitat, u li fost dawn l-iġsma hemm dawk żgħar tat-tfal. Il-ħtieġa tal- mixi u tal-ispazju ma jista' jurihielna ħadd aħjar mit- tifla: tiskopri li tista' timxi, titlaq timxi u tirrifjuta li missierha jżommilha idha bħal qabel, u t-tbissima radjanti li jkollha fuq wiċċha mal-passi li tagħti 'l quddiem u 'l fejn jiftlilha, it-tbissima li tkompli turi l-gost u l-eċitament bil-mixi. Erba' passi u taqa' u tibki, taċċetta l-għajnuna ta' missierha biex tqum u dlonk terġa' tagħti s-salt biex titlaq timxi għal rasha. Appuntu, il-ħtieġa li titwieled magħna u li niskopruha fi żmien qasir wara t-twelid, li niċċaqilqu minn post għal ieħor. Forsi sforz il-babaw li webbilna lilna nfusna bih, imħeġġeġ dejjem aktar minn propaganda irrazzjonali, m'aħniex nintebħu x'aħna nagħmlu eżattament meta nikkonfinaw bnedmin bħalna; liema drittijiet u liema ħtiġijiet umani bażiċi qegħdin nattakkaw. U forsi qegħdin ninsew ukoll l-istorja twila tad- detenzjoni: il-ghetto, il-kamp tal-konċentrament u l-effetti trawmatiċi li l-konfinament għandu fuq il-bnedmin, partikolarment fuq bnedmin żgħar. Proprju fi tmiem din il-ġimgħa, fil-Jum Dinji tar-Refuġjati, il-mexxejja reliġjużi tal-komunitajiet Musulmani u Kattoliċi, talbu flimkien biex il-gvern lokali jirrevedi l-politika tad- detenzjoni mħaddma sa issa. Kien pass f 'waqtu u xieraq ħafna, speċjalment għaliex id-detenzjoni, anki jekk hija temporanja għandha effetti psikoloġiċi kbar li jtulu anki wara l-perjodu ta' detenzjoni nnifsu. Ilkoll għandna ħtieġa ta' spazju. Meta wieħed iqis li fuq blata ta' 320 kilometru kwadru hawn jgħixu erba' mitt elf ruħ u, agħar minn hekk, meta f 'dan il-volum ċkejken hawn stivati blokki fuq blokki ta' bini li mhux kollu huwa meħtieġ, allura għandu jkun inqas diffiċli nifhmu l-kruha tal-għeluq. F'kultura li minn żmien żemżem weġġgħet il-ġebel imwaqqaf l-ispazju jieħu sinifikat ferm ikbar milli għandu f 'kulturi oħrajn imdawrin bil-kobor u l-ftuħ tal-foresti, tal-muntanji u x-xmajjar u l-ilmijiet. Il-ħasra, jekk mhux ukoll l-assurdità hija li minflok ma ħadna ħsieb il-ħtieġa bażika tal-mixi f 'restrizzjonijiet li imponiet fuqna n-natura, komplejna għarraqna s-sitwazzjoni appuntu għaliex qatt ma ħadna din is-sitwazzjoni bis-serjetà. Nasal nissuspetta li aktar ma ħassejna l-għeluq irossna, komplejna nintrassu aktar għax ħsibna li huwa l-għeluq, u mhux l-ispazju, l-abitat naturali tagħna. IMMANUEL MIFSUD L-ISPAZJU "Il-possibilità li anki hi tiċċaqlaq minn post għal ieħor, l-ewwel billi titkaxkar u mbagħad eventwalment timxi"