Illum previous editions

illum 22 June 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/333854

Contents of this Issue

Navigation

Page 39 of 39

illum | Il-Ħadd 22 ta' Ġunju 2014 Republic Street, Valletta next to the Courts Tingħalaq għal dejjem triq arterjali, mingħajr konsultazzjoni JAMES J. PISCOPO jpiscopo@mediatoday.com.mt DIN il-gazzetta tista' tikkonferma li Transport Malta ddeċidiet li tagħlaq b'mod permanenti triq arterjali f 'Ħal Qormi mingħajr ma kkonsultat ma' ħadd. Il-Ġimgħa 13 ta' Ġunju beda x-xogħol fuq Triq l-Imdina li minn ħdejn il-monument tal-vittmi tal-gwerra twassal lejn iċ- ċimiterju tat-Torok fil-Marsa. Iżda l-Awtorità tat-Trasport ħasbet biex tagħlaq din it-triq b'mod permanenti minħabba n-numru ta' inċidenti li jseħħu fil-post. It-triq hi waħda mid- direzzjonijiet ta' waħda mill-aktar roundabouts attivi fiż-żona, li twassal għal Ħal Luqa, għal Ħaż-Żebbug u għal Ħal Qormi. Iżda l-għeluq tat-triq wassal biex kif previst, il-problema tat- traffiku teskala mil-lum għal għada. Ikkuntattjata minn din il-gazzetta, is-Sindku ta' Ħal Qormi Rosianne Cutajar sostniet li l-kunsill qas biss kien jaf bil-pjanijiet ta' Transport Malta li jagħlaq it- triq b'mod permanenti. "Wara 20 sena li l-Kunsilli Lokali ġew introdotti, ninsabu diżappuntati kif awtoritajiet tal-gvern għadhom jonqsu milli jikkonsultaw mal-Kunsill dwar materja daqshekk importanti, fejn ingħalqet triq arterjali li kienet iġġorr ftit mill-piż tat-toroq arterjali l-oħra fil-viċin," sostniet is-Sindku Laburista ta' Ħal Qormi. Hi spjegat li t-triq kienet isservi ta' 'reliever' għat- traffiku li jgħaddi minn Triq Manuel Dimech u Triq Luqa, iżda wara l-għeluq tat-triq it-traffiku kompla jikber fuq iż-żewġ arterji l-oħra li kienu diġà mgħobbija bi traffiku kbir. F'kummenti li tat lil ILLUM, kelliema għal Transport Malta insistiet li l-intervent hu maħsub li jtejjeb drastikament l-andament tat-traffiku kif ukoll jagħmel iż-żona aktar sigura. Hi qalet li l-awtorità tat- trasport għamlet moniteraġġ tar-roundabout bl-għan li jiġu identifikati raġunijiet għal konġestjonijiet kontinwa, u rriżulta li raġuni ewlenija kienet il-qsim minn Triq l-Imdina għan-naħa taċ- ċimiterju tat-Torok fil-Marsa. "Dan il-qsim ma kellux disinn tajjeb biex jieħu tali manuvra. Mhux biss din il-manuvra kienet toħloq kjuwijiet ta' traffiku u dewmien fuq ir-roundabout u fi Triq Manuel Dimech, imma wkoll tali manuvra hija l-kaġun ta' ħafna inċidenti tat-traffiku li jkomplu jżidu l-konġestjoni u li jikkonfermaw il-problema fid-disinn," issuktat tgħid il-kelliema. Ħarsa lejn il-mappa turi li d-disinn kien wieħed 'stramb' u li b'mod partikolari sewwieqa li ma jkunux familjari mal-post mhux l-ewwel darba li kienu jsibu ruħhom f 'diffikultà hekk kif jibqgħu ħerġin minn Triq Manuel Dimech. Rosianne Cutajar irrikonoxxiet dan u qalet li l-kunsill kien ilu jiġbed l-attenzjoni minħabba n-numru ta' inċidenti, imma żiedet tgħid li madankollu l-intervent ma kienx se jsolvi l-problema. Qalet ukoll li dan se jkollu konsegwenzi fuq roundabout oħra fid-daħla ta' Ħal Qormi direzzjoni lejn il-Ħamrun. "Din ir-roundabout diġà ġiet mgħobbija bi traffiku kbir wara li f 'dawn l-aħħar sentejn żdied il-Park and Ride kif ukoll infetħu stabbilimenti kbar fl-istess żona. Issa ħa jkompli jiżdied it-traffiku li qabel kien jgħaddi mill-istess triq li issa ngħalqet minn Transport Malta." Is-sindku temmet tgħid li l-kunsill diġà kiteb lil Transport Malta biex iwaqqaf ix-xogħol sakemm jiġu preżentati l-istudji li saru, qabel ma tingħalaq triq daqshekk importanti. Ix-xogħol li għaddej bħalissa fit-Triq l-Imdina li twasslek minn Ħal Qormi għall-Marsa u ritratt minn fuq tal-istess triq arterjali f 'Ħal Qormi Ritratt: Ray Attard

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 22 June 2014