Illum previous editions

illum 29 June 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/337889

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 35

Il-Ħadd 29 ta' Ġunju 2014 | illum 9 It-tieni parti: Il-qtil tal-accountant Lino Cauchi Is-sejba tal-fdalijiet tingħata prominenza b'hekk il-Pulizija kellha kważi l-kadavru kollu, iżda f 'biċċiet u f 'daqsijiet differenti. Mill-eżamijiet li saru fosthom anke mill-awtopsja, irriżulta li Cauchi nqatel b'daqqa vjolenti fuq rasu bil-mazza. Tant kienet vjolenti li l-kranju tfarrak fi 28 biċċa. Wara li nqatel, il-kadavru tqatta f 'diversi biċċiet. L-esperti jemmnu li biex tqatta' ntużaw kemm serrieq manwali kif ukoll ieħor tal-elettriku u l-qattiela ħadu inqas minn nofs siegħa biex wettqu dan l-att krudili. Minkejja li l-fdalijiet ta' Cauchi nstabu tliet snin wara, ħafna mill-fdalijiet ma kinux dikomposti. Dan minħabba li kienu f 'boroż u l-umdità tal- bir żammithom priservati. Omiċidju li diffiċli li jkun solvut Il-Pulizija issa kienu konxji li f 'idejhom kellhom wieħed mill-aktar delitti makabri fl-istorja ta' pajjiżna u li kien diffiċli biex ikun solvut. Għaldaqstant intalbet l-għajnuna ta' esperti barranin. Fost dawn kien ġie Malta Dr Ian West, espert fil-Patoloġija minn 'Guy's Hospital' ta' Londra li ħa sehem attiv fl-awtopsja. Kien minn din l-awtopsja li rriżulta li l-fdalijiet kienu ta' raġel u mhux ta' mara, iżda ma setax jingħad ta' min kien. Din ma kinitx faċli għall- investigaturi u għall-esperti Maltin peress li apparat biex jaħdmu ma kellhomx u għalhekk kien se jkun diffiċli jekk mhux impossibli biex issir l-identifikazzjoni tal-vittma. L-ewwel ma sar kien li nġabret il-lista ta' persuni li kienu ilhom is-snin irrapportati neqsin u l-isem ta' Lino Cauchi kien fost dawk fil-lista. Cauchi kien ilu diġà nieqes tliet snin iżda l-esperti ma setgħux jgħidu l-fdalijiet li nstabu kemm kienu ilhom fil-bir u b'hekk ma kienu waslu għal ebda konklużjoni. Sitt snin wara Sitt snin wara li Lino Cauchi kien irrappurtat nieqes u tliet snin wara li kienu nstabu l-fdalijiet imqatta' biċċiet fil-Buskett, il-Pulizija waslu biex identifikaw dawn il- fdalijiet. Kienet bl-għajnuna ta' esperti barranin u laboratorju speċjalizzat fl-Awstralja li l-Pulizija rriżultalha li l-fdalijiet kienu dawk ta' Lino Cauchi. Permezz tal-Interpol intalbet l-assistenza tal-Ispettur Sandy Congdon, mill-Pulizija ta' Adelaide fl-Awstralja fejn intalab biex jgħin lill- investigaturi Maltin. Congdon għamel kuntatt mal-Università ta' Adelaide u tkellem ma' Dr Kenneth A. Brown, espert forensiku fl-Odontoloġija. Wara li saru diversi kuntatti, il-Pulizija Maltija waslet fi ftehim biex il-fdalijiet jittieħdu l-Awstralja. Għaldaqstant b'reqqa kbira l-għadam kollu tpoġġa f 'boroż apposta u kienu stivati f 'kaxxa. Qabel ma marru l-Awstralja, il-Pulizija kienu tkellmu ma' diversi familji li kellhom li xi ħadd nieqes fejn ingħataw ritratti tagħhom speċjalment ritratti tal-profil. Fit-23 ta' Marzu 1988 id-Direttur tal-Laboratorju Forensiku ta' dak iż-żmien, Anthony Abela Medici, il-Kuntistabbli John C. Ellul (li rtira mill-Korp bħala Spettur u Kap tat-Taqsima tal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat), is-Surġent John Debattista u l-Kuntistabbli Charles Aquilina (dawn it-tnejn ukoll m'għadhomx fil-Korp tal- Pulizija u bl-aħħar wieħed mejjet) marru l-Università ta' Adelaide fl-Awstralja. Hemmhekk flimkien ma' Dr Kenneth A. Brown, għamlu numru ta' eżamijiet fuq ir-ras u fdalijiet oħrajn li kienu nstabu fil-bir. Dakinhar l-esperti Maltin kienu ħadu wkoll ras oħra ta' skeletru, dik ta' Manwel Micallef li kellu 25 sena minn Birkirkara li kien għeb fi Frar 1985 u li l-kadavru tiegħu kien instab midfun qrib it-Torri tal- Għallis f 'Mejju 1986. L-esperti Maltin u Awstraljani bdew jeżaminaw iż-żewġt irjus li nstabu jqabbluhom ma' kull ritratt. "Li għamilna kien poġġejna r-ras fuq stand biex stajna ndawruha. U permezz ta' video qabbilna r-ritratt mar-ras bis- sistema ta' 'superimposition'. Kemm dik ta' Lino Cauchi kif ukoll ta' Manwel Micallef qablu", qal John C. Ellul. Fil-fatt Ellul kien ukoll irnexxielu jifforma l-wiċċ kollu ta' Cauchi bit-tafal b'sistema ta' riċerka Russa. Ellul qalli li din kienet l-ewwel darba li evidenza bħal din ta' identifikazzjoni intużat u li ġiet aċċettata hawn Malta mill- Qorti. Dwar il-każ ta' Lino Cauchi kienu saru diversi spekulazzjonijiet dwar x'seta' kien il-mottiv tal-qtil, fejn anke kien hemm min allega li kien hemm persuni qrib il-politika u li Cauchi seta' kien jaf b'xi skandli. Għaldaqstant l-esperti kellhom xi ftit ta' pressjoni fuqhom biex jagħfsu l-aktar fuq il-każ ta' Lino Cauchi. Dak iż-żmien li għeb Cauchi kien saru allegazzjonijiet li kien hemm min ried li toħroġ il- verità aktar fuq bażi personali milli biex issir ġustizzja. Sorsi qrib l-investigaturi ta' dak iż-żmien qaluli li l-Pulizija Maltija kienu ħadu r-ras ta' Manwel Micallef l-aktar mhux biex ikun identifikat b'ċertezza, iżda minkejja li Dr Kenneth A. Brown u t-tim tiegħu kellhom reputazzjoni tajba ħafna xorta riedu jkunu ċerti u kien għalhekk li ttieħdu żewġt irjus. Dwar il-każ ta' Micallef, il-Pulizija kellhom ħjiel tajjeb li l-fdalijiet kienu tiegħu peress li mal-kadavru kienu sabu l-arloġġ, il-moxt u oġġetti oħrajn personali tiegħu. Fil-fatt waqt li r-ras kienet ikkomparata ma' ritratt ta' Micallef din qablet perfettament. Il-Pulizija kienu ħadu magħhom l-Awstralja tliet ritratti ta' Cauchi, wieħed meħud minn quddiem u tnejn oħrajn il-profili tiegħu biex b'hekk meta sar tqabbil ma kien hemm l-ebda dubju li l-fdalijiet kienu ta' Lino Cauchi. Issa l-Pulizija kellha f 'idejha fdalijiet ta' żewġ persuni li wara snin twal ġew identifikati. Fil-każ ta' Micallef il-Pulizija kienet resqet persuna l-Qorti u anke nstabet ħatja. Min-naħa l-oħra d-delitt ta' Lino Cauchi għadu mhux solvut. Il-ġimgħa d-dieħla Fit-tielet parti ta' dan l-omiċidju li se nippubblikaw nhar il-Ħadd li ġej, naraw aktar fid-dettal x'sar fil-Laboratorju fl-Awstralja, l-arrest tal-mara tal-vittma, ittra ta' rikatt kif ukoll x'ġara fil-preċett tat-tifel tal-koppja Cauchi u aktar dettalji. Appell Għalkemm għaddew 32 sena minn dan l-omiċidju, xorta waħda qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in- numri 119 jew 21224001. John C. Ellul bir-ras ta' Lino Cauchi hekk kif ittellgħet mill-bir Ritratti: Arkivji Nazzjonali Il-mazza f 'borża tal-plastik li ntużat biex inqatel Lino Cauchi "Għamilt sigħat twal ngħarbel il-ħama u l-oġġetti li tellajna mill-bir biex stajt nagħżel il-partijiet tal-kadavru" – John C. Ellul

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 29 June 2014