Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/341810
Il-Ħadd 06 ta' Lulju 2014 | illum 19 N har il-Ħamis li għadda kelli laqgħa interessanti. Kont ħiereġ mill-qorti għall-ħabta tal-11am u waqqafni raġel li kien liebes ferm sportiv. Saqsieni għall-qorti kriminali għax ried jaraha. Wara ftit tad-diskors, qalli li huwa wieħed mill- imħallfin tal-qorti tal-appell kriminali ta' Iżrael u li kien ġie Malta mal-mara fuq vaganza. Il-mara baqgħet barra l-qorti u hu xtaq jara waħda l-qorti tagħna. Dawwartu ftit mal-bini u urejtu xi awli minn barra kif ukoll l-awla tal- Qorti tal-Appell u tal-Qorti Kriminali li ma kinux qed jintużaw. Id-diskors waqa' fuq xi kawżi famużi li saru f 'Iżrael riċentament. Staqsejtu jekk kienx hu li bagħat lil eks President Katzav seba' snin ħabs wara li nstab ħati fuq żewġ akkużi ta' stupru u li fixkel il-ġustizzja. Qalli li ma kienx hu imma kienu ħbieb tiegħu. Staqsejtu għala Katzav kien irrinunzja għall- patteġjament li kien qabel aċċetta u minħabba f 'hekk kien irriżenja mill- presidenza. Qalli li għamel hekk għax kien jibża' minn martu! Imbagħad tkellimna fuq is-sentenza ta' sitt snin ħabs li ngħatat f 'Mejju li għadda lil-eks Prim Ministru Ehud Olmert talli ħa l-flus meta kien sindku ta' Ġerusalemm sabiex jinħareġ permess għall-iżvilupp residenzjali. "Tutto il mondo è paese" jgħidu t-Taljani bir- raġun u dawn fejn tidħol il-korruzzjoni intiżi sew. Għidtlu xi kultant nirrifletti jekk Iżrael huwiex l-aktar pajjiż korrott fid-dinja jew inkella għandux is-sistema ġudizzjarja l-aktar effettiva. Ir-risposta tiegħu kienet pronta: Iżrael għandu l-aktar sistema ġudizzjarja f 'saħħitha u skont hu, anke l-Palestinjani jammirawhom fuq hekk. Qalli li issa anke Kap Rabbi ("qisu kardinal" qalli) se jmur il-ħabs talli ħa l-flus minn taħt. Stqarr f 'mod kburi li "Ħadd mhu 'l fuq mil-liġi." Ħadd mhu 'l fuq mil-liġi. Kliem tassew mirqum li jfisser id-differenza kollha bejn soċjetà demokratika taħt is-saltna tad-dritt u pajjiż awtoritarja jew totalitarja. Meta jibdew isiru l-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju sagrosant għal xi raġuni jew oħra, stenna li s-soċjetà ser tibda tiżżerżaq lejn l-abbiss imdallam tal-arbitrarjetà fejn m'hemmx is-saltna tad-dritt. Din il-ġimgħa kellna bosta eżempji ta' kemm ħadd mhu 'l fuq mil-liġi. Min hu tampari żgur jiftakar il-programmi ta' Rolf Harris li konna naraw kull ġimgħa fuq it-televiżjoni. Kien anke għamel xi żmien ikanta f 'night club f 'Malta u fil- ġuri tiegħu, issemma anke inċident f 'dan il-lokal. Minkejja li għandu 84 sena, intbagħat ħames snin u disa' xhur ħabs wara li nstab ħati ta' tnax-il akkuża ta' atti indiċenti ma' minorenni bejn l-1968 u l-1986. Kif qal Peter Watt tan-National Society for the Protection of Cruelty to Children, "Din is-sentenza... tibgħat messaġġ li ħadd mhu intokkabbli u li l-ġustizzja tista' tasal fi kwalunkwe żmien." Il-fama tiegħu ma salvatux u hemm anke ċ-ċans li jaffaċja proċeduri krminali oħra u li jitlef il-fortuna li akkumula matul is-snin. L-Ingilterra kellhom ġuri ieħor importanti din il-ġimgħa li spiċċa bil- kundanna għal tmintax-il xahar ħabs minħabba interċettazzjoni illegali ta' telefonati tal-eks editur tal-gazzetta bl- akbar ċirkulazzjoni fil-pajjiż, in-News of the World, gazzetta li Murdoch għalaqha meta faqqa' l-iskandlu. Andy Coulson allega li huwa ma kienx jaf li l-phone- hacking huwa illegali imma dan ma salvahx. Coulson kien jokkupa kariga oħra ferm importanti wara li telaq in-News of the World, dik ta' direttur tal-komunikazzjoni tal-Prim Ministru David Cameron. Cameron kellu jiskuża ruħu fil-Commons u stqarr dak li qalli l-imħallef Iżraeljan "Din is-sentenza turi li ħadd mhu 'l fuq mil-liġi." Dan skoprieh ukoll l-eks President Franċiż Nicholas Sarkozy li kibirlu sew il-gwaj ġudizzjarju meta din il-ġimgħa ġie arrestat, interrogat u mpoġġi taħt investigazzjoni formali, speċi tal- kumpilazzjoni tagħna, fuq suspett li kien ipprova jakkwista sigrieti ġudizzjarji fir-rigward ta' investigazzjonijiet oħra li qed isiru dwar finanzjament illegali tal-kampanji elettorali tiegħu. Agħar minn hekk, qed jiġi investigat li wiegħed pożizzjoni għolja lill- imħallef prominenti jekk jgħaddu l-informazzjoni in kwistjoni. Dan l-imħallef qiegħed ukoll jiġi investigat formalment flimkien mal-avukat ta' Sarkozy. Sarkozy kien pront ħareġ jakkuża l-maġistrati b'motivazzjoni politika u li riedu jumiljawh. Smajniha drabi oħra din. Is-suċċessur tiegħu, Francois Hollande, stqarr li l-ġudikatura hija indipendenti u li Sarkozy huwa preżunt innoċenti sakemm misjub ħati. Żewġ prinċipji tassew kardinali tas-saltna tad- dritt. Madankollu, b'din l-isħaba fuqu, it-tamiet ta' Sarkozy li jerġa' jokkupa l-Élysée taru mar-riħ. Persuna oħra li kellha x'taqsam mal-ġustizzja din il-ġimgħa hu Silvio Berlusconi li kellu jiskuża ruħu mal- maġistrati wara s-solita litanija tiegħu li l-maġistratura hija "poter inkontrollat u inkontrollabbli" waqt li kien qed jixhed f 'Napli. Berlusconi ġie msejjaħ mill-maġistrata li qiegħda tissorveljah wara li ngħata sentenza ta' erba snin ħabs fuq evażjoni fiskali u aċċetta li jwettaq ħidma soċjali minflok ma jinżamm arrestat id-dar. Kundizzjoni li imponietlu l-maġistratura għal din il- konċessjoni kienet li ma jinsulentahiex u l-attakk tiegħu f 'Napli ġie interpretat li kisirha. Berlusconi kellu jiskuża ruħu u wiegħed li ma jerġax jirrepeti ruħu jekk ma jridx jirriskja li jispiċċa fl-arresti domiċiljarji. Bħal Sarkozy, l-inkwiet ġudizzjajru għal Berlusconi qajla spiċċa u nistennew kundanni oħra fil-futur qarib. Kif ġara fil-każ tal-ħabib intimu tiegħu, Marcello dell'Utri, wieħed mill-fundaturi ta' "Forza Italia", li ġie riċentement estradit mil-Libanu u issa beda jiskonta sentenza ta' seba' snin ħabs minħabba r-rabtiet tiegħu mal-mafja. Persuna li madankollu tista' tgħid li spiċċawlha l-problemi ġudizzjarji tagħha hija l-eks President Ġermaniż Christian Wulff li nħeles fi Frar li għadda mill- akkuża li ġie mxaħħam minn produttur tal-films meta kien Prim ministru tal-land tas-Sassonja t'Isfel. Wulff, alleat ta' Merkel, kellu jirriżenja minn president tal-Ġermanja wara xhur ta' allegazzjonijiet fl-istampa dwar il- komportament xejn regolari tiegħu. Madankollu, il-karriera politika tiegħu tfarrket u spiċċa ssepara anke minn mat- tieni mara tiegħu. Nistgħu nibqgħu sejrin u nsemmu l-prinċipessa Spanjola li hija akkużata b'evażjoni fiskali u l-eks Deputat Speaker Ingliż li kellu jirriżenja mill-kariga wara li ġie arrestat u akkużat bi vjolenza sesswali, akkużi li f 'April li għadda ġie illiberat minnhom. Imma naħseb li l-punt huwa ċar li ħadd, b'saħħtu kemm hu b'saħħtu, politikament, ekonomikament jew soċjalment ma jistax jippretendi immunità mil-liġi u li huwa 'l fuq mill-ġustizzja. Jekk kien hemm ħaġa li kont nammira f 'Andreotti kien il-mod kif żamm kalm minkejja li kellu jaffaċċja żewġ proċessi differenti b'akkużi ferm serji. Baqa' dejjem jittama fis-sistema tal-ġustizzja Taljana u qatt m'għamel l-akkużi li jagħmlu Berlusconi u Sarkozy fil- konfront tal-prosekuzzjoni. U l-anqas għamel bħal Craxi u telaq mill-Italja sabiex jaħrab mill-ġustizzja. F'pajjiżi kontinentali, l-investigazzjoni titmexxa minn maġistratura indipendenti li tikkoordina l-ħidma tal-pulizija. Fis-sistema tagħna aħna għandna ftit traċċi ta' dan u l-maġistrat inkwirenti għandu l-poteri li għandhom maġistrati f 'pajjiżi oħra. Is-sistema tagħna madankollu hija dgħajfa għaliex ħlief fir-rigward ta' omiċidji, huma l-istess pulizija li jiddeċiedu jekk issirx inkjesta jew le. Altrimenti huma l-pulizija li jmexxu l-investigazzjonijiet u jiddeċiedu jressqux persuna l-qorti jew le. Dan huwa poter kbir li dwaru normalment ma jinqalgħux problemi. In-nies jitressqu l-qorti abbażi tal- investigazzjonijiet tal-pulizija, il-qorti istruttorja (fejn ir-reat iġorr piena ta' aktar minn sitt xhur ħabs) tibda tisma' x-xhieda, tiddikjara hemmx każ prima facie kontra l-imputat, eventwalment l-Avukat-Ġenerali joħroġ l-att tal- akkuża u l-każ imur jew ġuri jew jinstema' mill-istess maġistrat fil-qorti li issa ssir ta' ġudikatura kriminali. Tajjeb li l-pulizija jkollhom diskrezzjoni jekk iressqux persuna jew le l-qorti. Imma xogħolhom m'huwiex li jiddeċiedu jekk persuna hiex ħatja jew le imma li jaraw hemmx atti ta' relevanza penali li jistgħu jiġu imputati lil tali persuna. Dmirhom hu li jressqu l-provi kollha quddiem il-qorti għad-deċiżjoni tagħha. Madankollu, il-pulizija ma jistgħux jużaw id-diskrezzjoni tagħhom sabiex jippermettu lil min jibqa' 'l fuq mil-liġi minħabba d-dgħufija tas-sistema tal-maġistrati inkwirenti f 'pajjiżna. Sfortunatament, id-deċiżjoni li kien ħa l-eks Kummissarju Zammit li ma titressaqx persuna fuq akkuża li ħalliet li ssirilha influwenza mhux xierqa mhi tajba għal ħadd, l-anqas għal istess persuna li xorta tista' taffaċja tali akkuża fis-snin li ġejjin. Ċertament mhix tajba għall-istat tad-dritt f 'pajjiżna. Dan anke jekk hu ċar daqs il-kristall li ma kienx se jkun xi każ faċli għall-prosekuzzjoni, anke minħabba kwistjonijiet ta' xhieda kif rajna din il-ġimgħa bl-istqarrija "spontanja" tal-allegat kompliċi u l-kompetenza tal-qorti tagħna fir- rigward tal-allegat reat. Imma l-punt kardinali hu li persuna, irrispettivament hiex b'saħħitha jew le, għandha tkun dejjem suġġetta għal- liġi. Id-deċiżjoni tal-eks Kummissarju Zammit żgur li ma tgħaddix minn dan it-test u dan ma jawgura xejn tajjeb. Bħalma qal Hollande, kulħadd huwa preżunt innoċenti u l-indipendenza tal-ġudikatura mhijiex negozjabbli. Għalhekk, il-qrati għandhom jiddeċiedu jekk persuna hiex ħatja jew le u mhux il-Kummissarju tal-Pulizija. Twitter - @ellisjoseph Ħadd mhu 'l fuq mil-liġi? JOE ELLIS Berlusconi u Sarkozy, ma jistgħux jippretendu immunità mil-liġi u li huma 'l fuq mill-ġustizzja

