Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/341810
20 illum | Il-Ħadd 06 ta' Lulju 2014 WIEĦED mid- dokumentarji varji li l-BBC pproduċa din is-sena bħala parti mill- kommemorazzjoni tal- mitt anniversarju mill- bidu tal-ewwel gwerra dinjija jittratta l-ittri u korrispondenza oħra tas- suldati fit-trunċieri lill- familjari tagħhom. Għall-awtoritajiet militari Britanniċi l-korrispondenza privata mingħand u għas- suldati kellha importanza massima, l-ewwel nett għaliex setgħet iżżomm il-moral tas-suldati għoli meta dawn kienu qegħdin jgħixu f 'kundizzjonijiet indeskrivibbli, u t-tieni għaliex setgħu anki jqawwu qalb il-familjari u ċ-ċittadini ta' nazzjon li kien jinsab fi gwerra mingħajr preċedenti. Hu kkalkulat li matul is-snin tal-gwerra kienu jaqsmu l-Kanal Ingliż lejn Le Havre, Boulogne u Calais mad-dsatax-il elf borża postali kuljum biex minn hemm, imbagħad, kienu jitqassmu lit-truppi midfuna fit-tjun tat-trunċieri. Dan ifisser li fl-eqqel tal-gwerra kienu jitqassmu tnax-il miljun u nofs ittra fil- ġimgħa. Għall-awtoritajiet militari dan il-proċess kien tant importanti li kien hemm mal-erbat elef ruħ impjegati biex jieħdu ħsieb iqassmu dawn il-miljuni ta' ittri b'effiċjenza tant kbira li minkejja l-kundizzjonijiet drammatiċi li fih kien qiegħed iseħħ dan kollu ittra mill-Gran Brittanja lejn Franza u viċi versa kienet tieħu biss jumejn biex tasal. In-nojja, il-biża', it-trawma, il-qtigħ il-qalb tas-suldati fit-trunċieri kellhom jiġu missielta bl-ittri lil u mingħand il-familjari. Fil-ktieb tagħha Men of War: Masculinity and the First World War in Britain, maħruġ fl-2009, Jessica Meyer tanalizza l-kontenut tal-ittri li dawn l-irġiel, ħafna minnhom fil-fjur ta' ħajjithom, kienu jibagħtu lil dawk li kienu ħallew warajhom f 'art twelidhom. Meyer tosserva li l-messaġġi mibgħuta mit-trunċieri kienu taħlita ta', fuq naħa sens ta' dover lejn il-patrija u erojiżmu u, fuq oħra, sens ta' dover lejn il-familja u lejn l-identità maskili tagħhom. Filwaqt li l-awtoritajiet kienu attenti ħafna li jiċċensuraw dawn l-ittri – kemm minħabba l-biża' li setgħet tixtered informazzjoni militari u strateġika sensittiva u kemm biex il-familjari jibqgħu b'moral għoli – is-suldati stess ta' spiss kienu jiċċensuraw lilhom infushom biex ma jagħtux stampa negattiva wisq lil min kienu jibagħtu l-ittri. Pereżempju f 'ittra li kiteb lil ommu eżattament bħal-lum disgħa u disgħin sena ilu, B. Britland jikteb li minkejja l-isplużjonijiet "fil- viċinanzi, m'hemmx wisq periklu sakemm tibqa' fit- trunċiera." Jew inkella f 'ittra oħra lil ommu miktuba fl-14 ta' Marzu 1916 ċertu B.A. Reader kiteb, "Forsi tinstema' stramba imma naf fiċ-ċert li hawnhekk għandi l-istess sigurtà li għandek int id-dar. Sakemm ma tgħollix rasek il fuq ebda post mhu sigur daqs it-trunċiera." M'għandniex xi ngħidu dan id-diskors kien imbiegħed ħafna mir-realtà u kellu jkun il-poeta, bħas- soltu, biex jikxef il-verità ċċensurata mill-awtoritajiet u mis-suldati nfushom b'mod mill-aktar enfatiku. Pereżempju Wilfred Owen, li, ironikament kellu jkun ħuh Harold li jiċċensura ħafna mill-ittri li ħalla warajh (aktarx minħabba li setgħu jixħtu dawl fuq l-omosesswalità tiegħu u r-relazzjoni intima mal- poeta tal-gwerra ċelebri l-ieħor Siegfried Sassoon) bil-poeżija "L-Ittra". Owen jagħti eżempju ċar tad- differenza, anzi tal-kuntrast, bejn l-ittra li ċertu Jim jibgħat lil martu u dak li jkun fil-fatt għaddej minnu huwa u jikteb din l-istess ittra. Waqt li Jim iserraħ moħħ martu li "We're out of harm's way, not bad fed" jindarab (għal darba oħra) wara splużjoni li sseħħ viċin tiegħu. Mhux ta' b'xejn li Owen jisfiduċja l-idealiżmu patrijottiku l-aktar meta jara kif il-ġenerazzjoni żagħżugħa ta' żmienu kienet destinata li tinqered fl-orrur li ġabet magħha l-Gwerra l-Kbira. Minkejja l-messaġġi ta' Owen u ħafna oħrajn l-assurdità tal-gwerra qatt ma ttieħdet bis-serjetà, mhux biss għaliex wara din il-gwerra kien u għad hemm oħrajn, imma għaliex l-istorja tagħha baqgħet tqajjem reazzjonijiet nazzjonalisti li jġiegħlu lin-nies jinterpretaw l-istorja b'modi differenti. Pereżempju dak li seħħ f 'Sarajevo fi tmiem il- ġimgħa li għaddiet ma jistax ma jħassibx u jnikkitx lil min jieħu bis-serjetà l-kliem ta' Owen u oħrajn bħalu. In-naħiet Bożnijaċi u Kroati kkommemoraw iċ-ċentinarju mill-qtil tal-Arċiduka Ferdinandu u martu Sofija fil-belt kapitali tagħhom b'kunċert b'messaġġ favur il- paċi li għalih ma attendietx in-naħa Serba. Ir-raġuni ta' din l-assenza notevoli hija li għall-kuntrarju ta' ħafna oħrajn, inklużi l-Bożnijaċi u l-Kroati, is-Serbi u s-Serbi tal-Bożnja ma jqisux lil Gavrilo Princip, is-Serb Bożnijakk li kien l-awtur tal-assassinju tal-Arċiduka u martu bħala dak li minħabba fih id-dinja spiċċat fi gwerra, iżda, għall-kuntrarju, jarawh bħala eroj li temm darba għal dejjem l-imperu Awstro-Ungariku. Mhux talli s-Serbi ma pparteċipawx fil-lejla kommemorattiva li fiha l-Orkestra Filarmonika ta' Vjenna esegweit siltiet ta' kompożituri Ġermaniżi, Awstrijaċi u Franċiżi, talli organizzaw lejla għalihom li waqtha kixfu monument lill-istess Princip, u b'hekk l-istat fażull tal-Bożnja Ħerżegovina, partikolarment il-belt ta' Sarajevo, spiċċa biex iċċelebra kuntradizzjoni storika li, aktar milli tirrifletti l-istorja tal-Gwerra l-Kbira, tirrifletti r-realtà skomda u traġika li għadha tirrenja wara d-diżintegrazzjoni mdemmija tal-Jugoslavja. Notevoli ħafna kienet il-preżenza tar-reġista ċinematografiku Emir Kusturica, darba waħda Bożnijakk issa b'xi mod Serb, li ħoloq kontroversja bil-bini tal-belt artifiċjali Andricgrad propju fil-post fejn fi żmien l-assedju fuq Sarajevo u l-Bożnja kien hemm ċentru sportiv li ntuża bħala kamp tal- konċentrament fejn spiċċaw internati l-Bożnijaċi Musulmani. Kusturica, li darba kien ħadem il-film Undeground biex juri l-assurdità tal-gwerra fil- Jugoslavja, kien il-moħħ wara l-idea ta' Andricgrad, u fil-fatt għandu wieħed u ħamsin fil-mija tal- ishma u l-bqija huma tal-amministrazzjoni Serba. Dakinhar taċ-ċerimonja, il bogħod miċ-ċerimonja l-oħra, Kusturica indirizza lill-folla u ħabbar li kien qed jipproduċi film dokumentarju biex juri li Princip kien eroj u mhux assassin. Dan hu li jiġri meta l-mexxejja jwebblu u jisseduċu lill-popli tagħhom bil-glorja u l-erojiżmu u meta ż-żjara lill-imgħoddi u l-istorja tiegħu tibqa' ssir bi tqanqil estremista minflok bir-raġuni u r-riflessjoni. Kienu dejjem il-ħluq il-kbar, dawk li jgħajtu ħafna, tal- mexxejja li saħħnu l-irjus u ħallew id-demm igelgel u l-feriti miftuħin beraħ biex għada pitgħada jerġa' jinxtered aktar demm. IMMANUEL MIFSUD DULCE ET DECORUM EST Dawn l-irġiel, ħafna minnhom fil-fjur ta' ħajjithom, kienu jibagħtu ittri lil dawk li kienu ħallew warajhom f 'art twelidhom

