Illum previous editions

illum 20 July 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/349232

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 20 ta' Lulju 2014 | illum 17 ma' Debbie Scerri DEBBIE SCERRI hi kantanta u preżentattriċi maħbuba ħafna minħabba l-karattru ferrieħi tagħha. Miżżewġa lil Matthew u hi wkoll omm. Matul il-jum taħdem mas-servizz pubbliku l-qasam tas- servizzi soċjali fejn dejjem tagħmel mill-aħjar biex tgħin lill-klijenti. Trabbiet u baqgħet tgħix ir- Rabat, Malta għax ir-Rabat tħobbu wisq. FREDERICK ATTARD fattard@mediatoday.com.mt Debbie trabbejt ir-Rabat u għadek tgħix hemm sal-lum . . . Twelidt il-Kanada, imma rritornajt Malta mal-ġenituri tiegħi meta kelli tliet snin, u l-fatt li t-tnejn huma Rabtin l-għażla kienet naturali li nerġgħu mmorru noqogħdu r-Rabat. Aktar tard meta ġejt biex niżżewweġ, ma kelli l-ebda problema li nibqa' ngħix ir-Rabat għaliex ir-raġel tiegħi Matthew huwa Rabti wkoll, allura fittixna dar ir-Rabat ukoll. Kif rajtu jindibel ir-Rabat tul is-snin? Fit-tfulija tiegħi konna noqogħdu wara l-iskola ta' Sant'Agatha u niftakar dik l-akwata kienet kollha għelieqi, u kien hemm ukoll razzett kollu annimali. L-hena tagħna niġru fl-għelieqi fejn kont tara ħafna nagħaġ u wara li nixbgħu fl- għelieqi nerħulha lejn ir-razzett biex naraw il-bqija tal-annimali. Illum il-ġurnata għalkemm għad fadal ħafna postijiet sbieħ fil-kampanja fejn tmur timxi, dawn l-inħawi li semmejt aktar qabel kollha spiċċaw għaliex kullimkien inbena. Mill-banda l-oħra ħafna siti arkeoloġiċi li forsi qabel kienu xi ftit abbandunati, kollha ġew restawrati u miżmuma fi stat eċċellenti, li dan jagħmel tajjeb għat-turiżmu f`pajjiżna. Tiftakar xi praspura ta' żgħożitek? Ma tantx kont nivvinta praspar minn daqshekk, imma l-aktar ħaġa li niftakar hi li konna mmorru l-Imdina u ndoqqu l-qniepen tal-bibien u naħarbu niġru, sakemm darba qlajt tkaxkira tajba u qatt m'erġajt għamiltha. Illum però għandek quddiemek iż-żgħożija ta' bintek Nicole. . . Illum iż-żminijiet inbidlu ħafna minħabba t-teknoloġija u t-tfal tal-lum iqattgħu ħafna ħin fuq il-kompjuter jew il- mobile, meta aħna naħseb sa erbatax, ħmistax-il sena konna nkunu għadna nilagħbu barra, għalhekk nipruvaw li ma' Nicole, noħorġu fil-kampanja jew il-baħar bħala familja. Il-karriera tiegħek bdiet qabel Let Me Fly iżda kienet din id-diska li propju fetħitlek il- ġwienaħ fil-karriera u qatt ma ħarist iżjed lura . . . Il-karriera bdiet pjuttost tard, meta jien kelli 22 sena, u l-affarijiet bdew jieħdu t-triq it-tajba f 'qasir żmien mhux ħażin, imma kif semmejt tajjeb inti minn Let Me Fly il-karriera ħadet żvolta oħra. Kelli ħafna opportunitajiet barra minn xtutna anki ħdejn ħutna l-Maltin, fl-Awstralja, il-Kanada u l-Amerka. Bdejt nikkollabora ma' kompożitur u awtur Ċiprijott, Michalis Antoniou fejn ħdimna fuq diversi singles u videos kemm f 'pajjiżna u anki f 'Ċipru. Barra minn hekk infetħuli bibien ġodda anke fuq ir-radju u televiżjoni, fejn preżentajt u ko- produċejt diversi programmi b'ġeneri differenti, minn programmi tat-tfal u żgħażagħ, għal magazines ta' kuljum, programmi edukattivi kif ukoll spettakli u varjetà. Kienu kollha interessanti u dejjem tiltaqa' u tintervista nies interessanti li inti wkoll titgħallem ħafna minnhom. Liema hi dik id-diska li tħobb tkanta l-aktar bħala cover version u għaliex? Mistoqsija ftit diffiċli din, għaliex ir-repertorju huwa vast mhux ħażin illum wara karriera ta' 22 sena, u jien nħobb ġeneri u stili differenti ta' mużika, imma naħseb l-aktar kanzunetta favorita li jien inħobb inkanta hija You Might Need Somebody, oriġinali ta' Randy Crawford u wara reġgħet saret verżjoni minn Shola Ama. Hija silta li lili tagħtini ħafna emozzjoni. X'inhuma l-impenji mużikali jew tat-televiżjoni li għandek bħalissa jew li qed tipprepara għall-futur? Dan l-aħħar kont fl-istudjo nirrekordja xi xogħol oriġinali flimkien ma' ħija Jason, li meta jiġi Malta u jkollna ftit ċans naħdmu ftit mużika flimkien. Barra minn hekk jien nagħmel parti mill-Animae Gospel Choir u f 'Settembru li ġej ġejna mistiedna Londra biex inkantaw fil-Westminster Cathedral għaċ- ċelebrazzjonijiet tal-Malta Day. Animae Gospel Choir huwa għal qalbi ħafna għaliex huma wkoll it-tieni familja tiegħi li jagħtuni ħafna mużikalment. Rigward televiżjoni bħalissa nkun qed nipprepara u naħdem fuq xi produzzjoni għal Ottubru, imma għalissa aħjar inħallu ftit it-telespettaturi bil- kurżità. Dan l-aħħar qed naraw kantanti żgħar Maltin li qed jiksbu suċċessi ta' fama bħal Gaia Cauchi u Federica Falzon. X'tikkummenta? L-ewwel nett nixtieq nieħu l-opportunità biex pubblikament nifirħilhom it-tnejn li huma, ma' Gaia ġieli ltqajt, imma ma' Federica għadni le, u verament huma bravi u ħaġa sabiħa li għalkemm għadhom żgħar diġà għamlu isem tajjeb għalihom infushom u għal pajjiżna. Xi ħaġa sabiħa li dawn it-tfal u żgħażagħ qed ikollhom dawn l-opportunitajiet barra minn xtutna, li qabel ftit kien ikollna, għaliex b'dan il-mod jidraw jikkompetu ma' pajjiżi ikbar minnha u bl-ebda mod ma jħossuhom intimidati. Tippreferi s-sajf jew xitwa? Bla dubju ta' xejn is-sajf. Jien inħobb ħafna l-baħar u b'hekk ikolli ċ-ċans biex naqra xi ktieb ukoll, ħaġa oħra li nħobb nagħmel imma fix-xitwa ma tantx ikolli ċ-ċans. Barra minn hekk fis-sajf ukoll ikun hawn ħafna festi u din tagħtini l-opportunità biex inkanta ma' diversi baned fil-kunċerti tal- festa. Xi ħaġa sabiħa għaliex jien il-live inħobbu ħafna. X'inhu dak li jagħmlek kuntenta fil-ħajja? L-iktar ħaġa importanti fil- ħajja hija l-familja u s-saħħa, għalkemm il-karriera nħobbha, din ma tfisser xejn mingħajr l-għaqda u l-imħabba tal- familja u ovvjament is-saħħa, għalhekk grazzi dejjem lil Mulej. Ħames Minuti L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 400 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew email illum@mediatoday.com.mt Ittri Sussidju mill-Gvern għall-festi DUN CHARLES BUTTIGIEG QALA QEGĦDIN fil-qalba tal- istaġun tal-festi li għalihom huma magħrufa l-gżejjer tagħna. Huwa stmat li biex tagħmel festa interna u esterna moderata, jintefqu madwar €50,000. Biss biss għandek mal-€5,000 għall-assigurazzjoni tan-nar, assigurazzjoni tal-armar, vettura tat-tifi tan-nar, permessi tal-pulizija, permessi għan- nar, għall-baned, għat-tiżjin, għat-toroq, għall-attivitajiet u applikazzjonijiet tal-meters tad-dawl u fuq kollox konsum tad-dawl tal-festuni fit-toroq, u dan meta ma tkunx għadek sparajt murtal, tellajt bandalora jew xgħelt bozza tal-festa! U għalhekk, huwa ġust mal-parroċċa li trid torganizza dawn il-festi li huma ta' attrazzjoni għat- turisti f 'pajjiżna, li ma tkunx mgħejuna mill-awtoritajiet? Almenu biex tħallas dawn l-ispejjeż inizzjali tal-permessi li jimponi l-istess pajjiż! Mhux talli ma ssibx din l-għajnuna, imma ssib lil min qed jirreklama l-festa tar-raħal għall-interessi tiegħu personali. Din mhix ġustizzja mal- parroċċi u mal-organizzaturi tal-festi tagħhom. Ħaġa kbira li jiġi allokat fond ta' madwar nofs miljun ewro fis-sena? Jew jinġiebu fondi minn barra għal dawn il-festi u jibda jingħata sussidju ta' €5,000 għall- permessi u l-assigurazzjoni għal kull festa parrokkjali li jsiru fil-parroċċi tagħna? Ovvjament, mingħajr ma l-festi jitilfu l-karatteristika reliġjuża tagħhom. Jalla din l-ittra tingħata l-attenzjoni li jixirqilha, u jibda jingħata dan is-sussidju ferm mistħoqq.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 20 July 2014