Illum previous editions

illum 20 July 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/349232

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

20 illum | Il-Ħadd 20 ta' Lulju 2014 DARBA, meta kien għad kelli xi erba' snin kollox, kont staqsejt lil waħda minn ħuti għala t-Tuwa kien dejjem jixxengel u jpaċpaċ waħdu. It-Tuwa kien wieħed mill- karattri leġġendarji tar-Raħal Ġdid ta' tfuliti: iġorr fuq dahru l-katuba tal-banda qabel ma vvintaw dik l-ispeċi ta' siġġu tat-trabi bir-roti, dejjem il-każin jew il-pjazza, dejjem f 'sakra ma jarax art. Kien hemm xi tnejn oħra bħalu u ta' mparu, imma t-Tuwa kien jispikka l-aktar, għallinqas f 'għajnejja. Oħti kienet qaltli li t-Tuwa kien jixxengel u jitkellem waħdu jew mal-ħajt għax kien ikun fis-sakra, u spjegatli li bniedem fis-sakra ma kienx ikun jaf x'qed jagħmel. Aktar tard, fuq il-bankijiet fil-klassi tad-duttrina, is- superjur kien għallimna s-seba' kelmiet ta' Kristu fuq is- salib, fosthom dik is-sentenza li fiha n-Nażżarenu jitlob lil missieru jaħfer lil kulħadd 'għax ma jafux x'inhuma jagħmlu' u kont domt żmien twil nemmen li anki dawk fuq il-Golgota, bħat-Tuwa, kienu f 'sakra ma jarawx art. Imbagħad irrealizzajt, aktar tard, li ma setax ikun li l-Madonna kienet fis-sakra tara 'l binha qed imut, u lanqas is-suldati ma setgħu jixorbu waqt il-qadi ta' dmirijiethom. U allura rraġunajt li dik il- 'ma jafux x'inhuma jagħmlu' kellha tifsira differenti mill-każ tat-Tuwa tal-katuba: fhimt li s-sentenza tal-imbiċċer fuq il-Golgota riedet tgħid li dawk ma setgħux jagħrfu l-konsegwenzi ta' għemilhom; li fir-realtà kienu konxji ta' dak li kienu qegħdin jagħmlu imma ma kinux qed jifhmu x'kienu qed iġibu b'idejhom. Lura għat-Tuwa. B'xi mod kien jimxi relattivament dritt huwa u jġorr il-katuba ma' dahru, b'ċinga ħoxna mrikkba fuq spalltu. Marċ sħiħ għaddej iġorr, nimmaġina jaqla' d-damdim fis-sinsla ta' dahru tad-daqqiet li l-bandist ta' warajh kien jagħti fuq il-katuba. Kien fih spettaklu b'għajnjeh ħomor skarnati jġorr dak l-istrument kbir. Imma l-ispettaklu kien jintilef malli jibda l-isparar tal-musketterija u tal-murtali li kienu jwerwru u jbikku lil ħafna tfal li kienu jkunu ttieħdu l-pjazza biex jieħdu gost jaraw l-istatwa tielgħa fuq il-kolonna. Għadni niftakarhom dawk il-ħasdiet kbar bħalma għadni niftakar dak il-biża' u t-taqtiq tal-qalb jien u nistenna l-bomba li jmiss, u l-biki tat-tfal l-oħra. Kont nistħajjel l-istatwa tintlaqat minn xi murtal jew xi stoppin u tispiċċa taqa' minn fuq il-kolonna, il-knisja massiva taqa' ġebla ġebla, il-pjazza tisfronda u n-nies jaqgħu għal ġo fiha u jindifnu. Imma għallinqas kien ikun hemm il-banda għaddejja biz- zinn zinn zinn, u ż-żgħażagħ jaqbżu bil-ferħ, u l-kuluri, u n-nies jiltaqgħu flimkien u jitbissmu. U kien ikun hemm il-candy floss ukoll. Bħalissa, jien u niftakar fit-Tuwa u fil-murtali, hemm tfal li qegħdin jisimgħu l-isparar qribhom il-ħin kollu. Nipprova nimmaġina l-volum ta' kull sparatura, ta' kull splużjoni u ż-żarżir fit-tnabar ta' widnejhom. U t-tvenvina tar-rockets u d-daħna folta, aktarx minn metri 'l bogħod minn fejn kienu jilagħbu. Għax hemm min jiled it-tfal u hemm min joqtolhom. Il-mezzi soċjali bħalissa mimlijin ritratti orrendi li fihom jispikkaw l-aktar il- katavri, l-iġsma sfrakassati u l-uċuħ imbikkma u mwerwra ta' tfal li m'għandhomx kuluri wisq inqas candy floss. Riċentement deher ritratt ta' erbat itfal jiġru fuq bajja. Taħsibhom qegħdin jilagħbu ħarba jew min hu biha. Ritratt ieħor juri l-istess tfal jiġru, bil-forma ta' ġisimhom tixbah lil żwiemel jiġru fil-beraħ. Ir-rapporti jirrakkuntaw li dawk l-erbat itfal kienu qegħdin jaħarbu u mumenti wara li nġibdilhom ir-ritratt intlaqtu minn fuq il-baħar u mietu. Il-mezzi soċjali wrew ritratti tal-katavri tagħhom b'wiċċhom imżelleġ apposta. Ma nazzardax irressaq ipoteżi ta' x'kien jgħid in-Nażżarenu li kieku kien fl-istess bajja u jara erba' iġsma żgħar jaqgħu mejta quddiemu, imma xi ħaġa tgħidli li seta' jirrepeti s-sentenza li slittlu aktar 'il fuq. Għax tassew ma nafux x'aħna nagħmlu. Pereżempju wieħed mis-servizzi informattivi fuq l-internet xandar filmat ta' ħafna nies f 'paniku kbir wara attakk bil-missili li fih, għal darba oħra, inqatlu t-tfal. Biex tara l-filmat trid tikklikkja fuq dan ir-ritratt tal-waħx imma wara li tikklikkja u tingħata avviż li se jidhru xeni li jistgħu jiddisturbaw ifeġġ riklam ta' sittin sekonda juri mara (ovvjament sabiħa u sinjura) taqli l-hamburgers u tiżfen bil-ferħ hija u taqlihom. Imbagħad jibda filmat iqsar mir-riklam mimli tfal iwerżqu bil-biża'. Dawn il-paradossi, li għandhom natura krudili ħafna minħabba l-insensittività tagħhom, saru normali fl-ambjent li qegħdin ngħixu fih. Imqar il-grafika ppubblikata biex jiġi spjegat kif jiġu sparati r-rockets u kif jiġu interċettati bil-koppla tal-ħadid taħsibha xi stampa ta' video game, fejn allura t-traġiku jidher eċitanti. Il-filmati preċeduti b'riklami qarrieqa huma, fil-fehma tiegħi, forma oħra ta' vjolenza, mhux serja daqs il-missila u r-rocket, imma xorta waħda għandha l-effetti negattivi tagħha. Issa waqt li dawn it-tfal qegħdin jiġu mmassakrati fiżikament u psikoloġikament, il-kbar ikomplu għaddejjin bil- kostruzzjoni ċinika ta' infern fuq l-art: bl-isparar, bil-missili, bir-rockets, bl-avviżi għall- evakwazzjoni, bil-messaġġi strambi biex ifittxu jqumu minn fejn qegħdin u jitilqu minn hemm, bl-inċertezza, bix-xeni tal-waħx, bil-ħsejjes li jtarrxu, bil-funerali, bl- aħbarijiet kunfliġġenti, bil- verżjonijiet kuntrastanti ta' x'ġara u ma ġarax, bir-referenzi storiċi li jmorru lura mijiet jekk mhux eluf ta' snin. Għax hemm mod wieħed kif tiled it-tfal, imma ħafna modi kif toqtolhom. L-istess bħall-istorja ta' ajruplan mimli passiġġieri, ħafna minnhom sejrin għal vaganza, jitwaqqa' b'missila li tħalli tliet mitt ruħ mejta. Mijiet ta' nies li tintemmilhom ħajjithom mingħajr m'għandhom x'jaqsmu xejn ma' kunflitt li bħall-oħrajn kollha huwa mimli bi propaganda, liwi tal-fatti u, naturalment, vittmi. L-ewwel reazzjonijiet għat- traġedja: naħa twaħħal fl-oħra, stqarrijiet u kontrostqarrijiet, akkużi u kontroakkużi, kull naħa tinsisti li qiegħda tgħid il-verità u li għandha l-provi tal-verità. Anki għal din l-istorja hemm ħafna ritratti u filmati ta' dħaħen, debri, tifrik u ritratti ta' familji bit-tfal b'ħalqhom imċarrat u b'għajnejhom jixegħlu. Imma dawn huma ritratti ta' darba waħda li ma jistgħux jiġu kkupjati mill-ġdid jew aħjar warajhom ġew ritratti li qerduhom għal kollox. Il-mistoqsija li tfiġġ f 'dan il- punt hija jekk dawn ir-ritratti, dawn ix-xbihat li lkoll qegħdin jinsistu li qegħdin iwasslu l-verità f 'dinja mimlija gideb u realtà mbagħbsa, humiex iservu biex l-atroċitajiet jispiċċaw jew għallinqas l-informazzjoni li qegħdin jgħaddu ripetutament tibqax b'saħħitha biżżejjed biex dak li juru jibqa' joħloq sentiment. IMMANUEL MIFSUD "Hemm tfal li qegħdin jisimgħu l-isparar qribhom il-ħin kollu" TFAL

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 20 July 2014