Illum previous editions

illum 3 august 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/357170

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

18 illum | Il-Ħadd 03 ta' Awwissu 2014 A ħna wisq mhedijin b'dak li għaddej madwarna. Ftit li xejn għandna ħin biex nintebhu li madwarna qiegħed jaqbad. Lanqas il-Libja li hija faċċata tagħna u f 'termini ta' distanza ġeografika hija tefgħa ta' ġebla 'l bogħod minna, kważi kważi lanqas għandna interess. Qiegħed ngħid għall-poplu inġenerali li biex inħsadna kellu jinħataf wieħed minna. Iżda din il-ġimgħa kien hemm żewġ esponenti li qalu xi ħaġa li dejjem ktibt dwarha anke fuq din il-gazzetta. L-ewwel wieħed kien John Dalli, kontroversjali bħal dejjem. Għamel osservazzjoni li biha bħal donnu ried jgħid "Ara x'ħadna bit-tneħħija ta' Gaddafi! Il-kaos!" Ieħor li ħasad aktar huwa Ranier Fsadni, li għalkemm iridha ta' intelletwali xorta għandu s-simpatiji politiċi tiegħu. Ranier Fsadni li kien qiegħed jikteb f 'gazzetta bl-Ingliż għamel referenza għal dak li kien qal Saif Al Islam, wieħed mit-tfal ta' Muammar Gaddafi. Għamel referenza għal diskors li kien għamel Saif fuq it-televixin Libjan ftit qabel ma' Gaddafi twaqqa'. Dan kien qal li mingħajr missieru fil-Gvern il-Libja kienet se taqa' fil-kaos ta' fazzjonijiet u tribujiet rivali ta' xulxin. Fil-fatt illum kulħadd jistaqsi x'ġara eżatt fil-Libja. Fil-fehma tiegħi ġrat ħaġa waħda: l-għaġla li jitwaqqgħu Gvernijiet mingħajr ħadd ma jaħseb x'ġej wara. Fil-każ tal-Libja żgur nistgħu ngħidu li ġie d-dulluvju. Żgur ma nistgħux ma niftakrux fil-famuża dikjarazzjoni tar-Re Louis XV ta' Franza: "Après moi, le déluge." - Wara li nitlaq jiena d-dulluvju. Fil-fatt, tajjeb jew ħażin, 15-il sena wara r-renju ta' dan ir-Re seħħet ir-rivoluzzjoni Franċiża li għamlet ġid kbir lill-istorja tal-libertajiet tal- bniedem iżda Franza kienet damet għexieren ta' snin biex ġiet f 'tagħha. L-istoriku Ingliż Antony Beever saħansitra jgħid li r-riperkussjonijiet ta' dik ir-revoluzzjoni għadhom jinħassu direttament sal-lum fi Franza. Dan l-aħħar anke ltqajt ma' Libjan li kellu sehem attiv fir-rivoluzzjoni ta' sentejn ilu fil-Libja. Dan għamilli osservazzjoni li bqajt naħseb dwarha. Qalli li llum għandu d-dubju jekk kellhiex tkun rivoluzzjoni. Jemmen li kellha tkun xi ħaġa oħra biex tal- inqas għalkemm jitneħħa Gaddafi jibqgħu fuq saqajhom l-istituzzjonijiet u l-istrutturi tal-Istat. Skont dan. Ma tneħħiex Gaddafi biss iżda miegħu nħatt l-istat Libjan u kulħadd beda jieħu l-liġi b'idejh. Inħoloq il-kaos! Kien hemm mumenti ċari meta waqt ir-rivoluzzjoni ħass li żmienu kien riesaq. Baqa' jirreżisti sal- aħħar u ħasra li ma ċediex il-poter paċifikament. Iżda bħalma bi vjolenza neħħa lil ta' qablu bi vjolenza ried jitneħħa. Hekk ħasibha. Dawk li neħħewh ma ntebhux li meta daħlu fil-palazz għalih, dan ġibed il-kolonni fuq kulħadd. Fuqu u fuq dawk ta' madwaru, bħalma bibblikament għamel Sansun biex qatel lil dawk dawk ta' kontrieh. Hekk għamel Gaddafi għajjat "Muoia Sansone con tutti i Filistei!" Fetaħ il-bibien tal- imħażen tal-armi u llum hemm aktar armi fl-idejn il-Libja milli hemm nies! Dan li qegħdin naraw fil-Libja huwa fenomenu li qiegħed jiġri f 'ħafna pajjiżi oħra fejn il-Punent intervjena militarment biex ineħħi mhux biss lil minn kien dittatur iżda l-istrutturi tal-istat. Ċarissimu li qiegħed jiġri fl- Iraq. L-istat tal-Iraq jinsab fi proċess ta' likwidazzjoni. Hemm, il-Kurdi ħadu biċċa sew minnu u se jagħmlu stat tagħhom u sa ċertu punt ma nagħtihomx tort għaliex sabu ċ-ċans u ħaduh. L-ISIS li ma nafux eżattament x'inhi ħlief li hija xi ħaġa tal-biża'. Din ukoll ħadet parti sewwa mill-Iraq u jekk ma tridx anke mis-Sirja. Kull fejn kien hemm inkursjonijiet militari mill- Punent u l-Amerika hemm kaos u konfużjoni manja. Qiegħed jingħad li l-Amerika se terġa' tipprova tidħol f 'dawn il-pajjiżi militarment. Kollu għalxejn! Anzi l-ġerħa se tikber aktar. Dawn is-sinjali jinsabu kullimkien. L-Afganistan, l-Eġittu, fl-Eks Repubbliki Sovjetiċi u kull fejn bl- għaġla tneħħa dittatur u ma kienx hemm kontinwità. Il-kontinwità hija neċessarja għaliex mingħajrha jkollok vojt li jekk ma tkunx taf kif se timlieh, taqa' fih. Dan li qiegħed jiġri kullimkien. Il-pajjiżi li neħħew id-dittaturi ma kellhomx min seta' jkompli fuq dak li kien hemm qabel sakemm ikun hemm demokrazija kompleta. Fil-mumenti tal-konfużjoni kien hemm elementi anti-demokratiċi b'saħħithom li approfittaw mill- mument biex jippropagaw l-ideat fundamentalisti tagħhom. Huwa għalhekk li qegħdin nisimgħu b'Kalifati, organizzazzjonijiet bħal Boko Haram, ISIS għaliex dawn qegħdin jipproponu strutturi flok dawk li kien hemm qabel. Iżda hemm osservazzjoni oħra li xtaqt nagħmel. Tista' tinħass li tmur kontra l-kurrent ta' dak kollu li ġara f 'dawn l-aħħar 25 sena. Il-Ħajt ta' Berlin. Kien jistħoqqlu li jaqa'. Jekk waqax fi żmienu jew le dak huwa argument ieħor. Iżda li huwa żgur li minn meta waqa' dan il-ħajt qisu nfetħu l-bibien tal-problemi kollha tad-dinja. Kemm f 'dawk li huma gwerer reġjonali, kemm f 'movimenti ta' popli sħaħ u bnedmin u kemm f 'dik li hija politika internazzjonali li ħalliet lill-Amerika l-uniku pulizija globali. Irridu nistaqsu jekk meta fl-1989 konna qegħdin niftħu l-fliexken tax-xampanja konna nafu x'ġej wara. Kien hemm pjanijiet biex l-istrutturi dittatorjali tal-komuniżmu Sovjetiku jkunu sostiwiti jew talinqas ikun hemm kontinwità istituzzjonali. Il- kontradizzjoni hi, li f 'bosta mill-eks Repubbliki Sovjetiċi neħħew il- kontroll ta' Krelin biex illum twekkew b'dittaturi tal-biża', jiġri dan kollu u qisu ma jiġri xejn. Jiena nemmen li għad jiġi żmien li nagħmlu valutazzjoni ta' dak li ġara f 'dawn l-aħħar ftit snin u nsibu li ħafna minn dak li tant fraħna bih kien biss riflessjoni... riflessjoni f 'mera. TONI ABELA Riflessjoni Hekk għamel Gaddafi, għajjat "Muoia Sansone con tutti i Filistei!"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 august 2014