Illum previous editions

illum 3 august 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/357170

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 03 ta' Awwissu 2014 | illum 19 N iftakarha sew il-gwerra tal-Yom Kippur t'Ottubru 2013. Kelli biss għaxar snin u sitt xhur meta faqqgħet imma għadni niftakar ismijiet bħala Kuneitra u l-Irdum tal-Golan fejn sar ħafna mill- ġlied. Niftakar sew ukoll x'uħud mill- protagonisti ta' din il-gwerra, Golda Meir, il-Prim Ministru Laburista ta' Iżrael u waħda mill-fundaturi tal-istat ta' Iżrael, il-Ministru tad-Difiża leġġendarju Moshe Dayan, li ma rnexxilux jirrepeti s-suċċess kbir li kellu fil-gwerra tas-sitt ijiem tal- 1967, Anwar Sadat, il-mexxej Eġizzjan li reġa' ta dinjità lill-Eġittu wara d-diżastru tal-1967 u anke Ħafeż al-Assad, il- President tas-Sirja li ma kienx ilu wisq fuq ix-xena. Segwejt il-ġlied ta' dik il-gwerra bil-mezzi limitati tal-epoka. L-aħbarijiet dakinhar ma kellhomx l-immedjatezza li għandhom illum. Ma kien hemm l-ebda trasmissjoni diretta tal-bumbardamenti ta' Gaża, l-ebda tweet ta' xi tfajla ta' sittax-il sena li tiddeskrivi l-infern f 'Gaża. L-aħbarijiet kienu jiġu mir-rapporti ta' Reuters fuq it- Times of Malta tal-għada u mit-televiżjoni. L-aħbarijiet kienu għadhom ma sarux mezz ta' intratteniment kif saru llum. Ta' tifel żgħir li kont, m'hemmx dubju li kont ferm influwenzat minn missieri li kellu simpatiji pro-Iżraeljani. Kont nara lill-Iżrael bħala l-parti żvantaġġjata li kellha tilqa' għall-attakki tad-dinja Għarbija magħquda. Il-Palestinjani qajla kienu jqanqlu simpatija bl-attakki terroristiċi li kienu jwettqu. Wara kollox ma kinux il-Palestinjani stess li ma kinux aċċettaw il-Pjan tal-Ġnus Magħquda ta' Novembru 1947 għall-Qasma tal-Mandat Brittaniku tal-Palestina f 'parti għal-Lhud u parti għall-Għarab u abbandunaw l-irħula tagħhom għax ħasbu li l-armati Għarab kienu se jikinsu lill-istat ġdid ta' Iżrael fil-baħar? Għarralhom bl-ikrah għaliex meta fl-24 ta' Lulju 1949 ġie ffirmat l-armistizzju li temm l-ewwel gwerra bejn l-Għarab u l-Lhud li faqqgħet dritt wara d-dikjarazzjoni tat-twaqqif tal-istat ta' Iżrael fl-14 ta' Mejju 1948, Iżrael spiċċa bi kważi 50% aktar territorju milli kien ġie assenjat lilu bil-Pjan ta' Qasma tal-Ġnus Magħquda. Dan it-territorju, illum, ħadd, lanqas l-aktar segwaċi ħorox ta' Ħamas jew ta' Jihad Iżlamiku, ma joħolmu li se jerġa' jsir Palestinjan minkejja r-retorika uffiċjali li tant tiġi kapitalizzata minn Iżrael. Il-Palestinjani spiċċaw imferrxin fix-Xatt tal-Punent tax-xmara Ġurdan li kien jifforma parti mir-Renju Ħaxxemita tal-Ġurdan u fil-medda ta' Gaża li spiċċa amministrat mill-Eġittu kif ukoll f 'kampijiet ta' rifuġjati f 'bosta pajjiżi Għarab fejn għadhom hemm sal-lum. Imma l-Palestinjani ma ddikjarawx l-istat tagħhom kif għamlu l-Lhud u baqgħu għal ħafna snin joħolmu li se jeqirdu l-Istat ta' Iżrael. Meta fil-Gwerra tas-Sitt Ijiem tal- 1967, Iżrael issorprenda lill-Eġittu u f 'sitt ijiem, rebaħ id-deżert tas-Sinaj u l-Medda ta' Gaża mingħand l-Eġizzjani, ix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant mingħand il-Ġurdan u l-Irdum tal-Golan mingħand is-Sirja, Iżrael akkwista status mitiku, id-David modern li jeħodha kontra l-Golija pan-Għarbi u joħroġ dejjem rebbieħ. Fil-gwerra tal-Yom Kippur tal-1973 li l-Għarab ippjanaw fl-aktar jum qaddis għal-Lhud, kien Iżrael li ħalla lill-Għarab jissorprenduh. Is-sopravivenza ta' Iżrael ġiet mhedda imma wara suċċessi militari Għarab kbar fl-ewwel tliet ijiem tal- kunflitt, beda l-kontra-attakk Iżraeljan u wara ġimgħa, Iżrael kien qed jispara fuq Damasku, ftit wara, qasam is-Suez u beda javvanza lejn il-Kajr. Wara 18-il jum ta' ġlied il-qawwiet il-kbar imponew armistizzju bl-ebda parti ma jirnexxielha tafferma ruħha deċiżament fuq l-oħra. Ftit snin wara, inħatar l-ewwel Prim Ministru mhux Laburista ta' Iżrael, Menahem Begin. Begin kien persuna ferm kontroversjali minħabba l-passat tiegħu bħala mexxej tal-grupp terroristiku Irgun li fost atti terroristiċi oħra, kien sploda l-kwartieri militari tal-Ingliżi fil-King David Hotel bil-mewt ta' 91 ruħ u mmassakra 107 Għarbi fir-raħal ta' Deir Yassin ftit qabel id-dikjarazzjoni tal-indipendenza. Madankollu, Begin irrikonoxxa li kien wasal iż-żmien li jintlaħaq ftehim mad-dinja Għarbija u fl-1979 iffirma il-ftehim ta' Camp David mal-Eġittu li rrikonoxxa Iżrael u ħa lura l-peninżola tas-Sinaj minkejja l-oppożizzjoni tal-kolonji Lhud. Madankollu, Iżrael ma rrispettax dik il-parti tal-ftehim ta' Camp David li tirrigwarda t-tmexxija tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent u fil-medda ta' Gaża. Anzi Begin taffa l-oppożizzjoni għall- ftehim ta' Camp David fost is-sostenituri l-aktar estremisti tiegħu u tal-kolonji li akkużawh bi tradiment billi qabbad lill- Ministru tal-Agrikolura, eks suldat ieħor, Ariel Sharon, sabiex iwettaq programm ta' kolonizzazzjoni fix-Xatt tal-Punent. Fi żmienu nbnew tużżani ta' rħula ġodda Lhud u l-popolazzjoni tal-kolonji fix-Xatt tal-Punent kibret minn 5,000 fil-bidu tas-snin sebgħin għal 20,000 fl-1983 meta Begin ma baqax Prim Ministru. Kellhom jgħaddu għaxar snin oħra biex sar sforz ieħor sabiex tintlaħaq il-paċi bil-ftehim ta' Oslo tal-1993 li permezz tiegħu, Iżrael u l-Organizzazzjoni għall- Ħelsien tal-Palestina rrikonoxxew lil xulxin u twaqqfet l-Awtorità Nazzjonali Palestinjana sabiex tieħu ħsieb l-affarijiet interni tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent u fil-Medda ta' Gaza. Dan il-ftehim sewa l-ħajja tal-Prim Ministru Laburista Iżraelit li ffirmah, l-eroj tal-gwerra tas-Sitt Ijiem, Yitzhak Rabin li ġie assassinat minn estremist tal-kolonji. Dan il-ftehim ta' Oslo kellu jkun ftehim intermedjarju sakemm jintlaħaq ftehim permanenti fi żmien ħames snin. Imma kif ilkoll nafu, dan il-ftehim ma ntlaħaq qatt u Iżrael baqa' jinjora d-dritt internazzjonali u kompla jibni fil-Lvant ta' Ġerusalemm u fix-Xatt tal-Punent tant li llum il-popolazzjoni ta' Lhud f 'dawn iż-żoni laħqet 500,000. Huwa evidenti li l-politika mhux iddikjarata ta' Iżrael hi li tbiddel il-kundizzjonijiet fuq it-territorju sabiex it-twaqqif ta' stat Palestinjan ma fix-Xatt tal-Punent u fil-medda ta' Gaża ma jkunx vijabbli. U minkejja li Iżrael, taħt it-tmexxija ta' Ariel Sharon, irtira mill-medda ta' Gaża, żamm din il-medda d-daqs ta' Malta b'popolazzjoni ta' 1.9 miljun f 'morsa dejjem aktar ħarxa u dan speċjalment wara li din l-medda spiċċat taħt it-tmexxija ta' Ħamas fl-2007. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, is- soċjetà Iżraeljana anqas baqgħet lesta li tilħaq ftehim komprensiv mal-Palestinjani. Forsi għalhekk ukoll it-tmexxija tal-Prim Ministru attwali, Benjamin Netanyahu ma wriet l-ebda ħeġġa li jintlaħaq ftehim. Netanyahu ma jagħtix każ l-opinjoni pubblika dinjija u l-anqas biss jagħti każ dak li jgħidlu l-president Amerikan, Barack Obama li miegħu għandu rapport pessimu. Minkejja l-għajnuna militari, ekonomika u diplomatika massiċċa li l-Amerika tagħti lill-Iżrael, il-mexxejja Iżraeljani ma jagħtux kas it-twissijiet li Obama u Kerry jagħtuhom dwar l-attakki fuq in-nies ċivili f 'Gaża u jumiljawhom pubblikament. Il-kriżi attwali hija fil-maġġorparti pprovokata minn Iżrael. Il-mini li Iżrael irid jeqred ilhom jeżistu u anke r-rokits ta' Ħamas. Imma l-2013 kienet waħda mill- aktar snin kwieti u ma miet l-ebda Iżraelit b'dawn il-mini u r-rokits. Madankollu, Iżrael ma żammx il-kelma li kien ta meta waqaf il-ġlied wara kampanja ta' sitt ijiem f 'Novembru 2012 li se jneħħi l-assedju ta' Gaża. Assolutament mhuwiex aċċettabbli li 1.9 miljun ta' nies jinżammu maqfula f 'Gaża mingħajr libertà ta' moviment, b'kontroll fuq l-importazzjoni ta' kollox, anke l-ammont ta' kaloriji li jitħallew jikkonsmaw u bl-ekonomija mingħajr prospetti ta' xejn. Il-Lhud ta' Iżrael insewha l-lezzjoni tal-getto ta' Varsavja u llum qed jitilgħu fuq l-għoljiet ta' madwar Gaża biex jaraw l-"ispettaklu" tal-armata tagħhom tirriduċi lil Gaża fi trab. Bl-Amerika impotenti, bl-Ewropa bla vuċi u fl-indifferenza ta' kważi kulħadd, anke l-istess pajjiżi Għarab li huma mwerwrin mill-poter Iżlamiku ta' Ħamas, Iżrael qed jagħmel li jrid hu u jikser anke l-aktar liġijiet umanitarji elementari, fosthom li ma tisparax fuq skejjel tal-Ġnus Magħquda fejn ikun reqdin tfal li inti stess ordnajt li jitilqu darhom. Din hi sitwazzjoni totalment inaċċettabbli li qed tkabbar is-sejħiet għall-bojkott kummerċjali u mhux biss ta' Iżrael. Illum Iżrael m'għadux aktar David imma sar Golija bl-akbar qawwa militari fil-Lvant Nofsani u bla ebda xewqa li jilħaq ftehim li jissodisfa, anke miniment, l-aspirazzjonijiet Palestinjani. Ħafna jargumentaw li din hija ġlieda bejn il-valuri tal-Punent kif rappreżentati minn Iżrael u l-estremiżmu Iżlamiku. Madankollu, il-fatt li minkejja bosta ftehim u wegħdiet, il-Palestinjani għadhom imżebilħa u anke agħar u għad m'għandhomx art li jistgħu jsejħu tagħhom qiegħed javvalena r-rapporti bejn il-Punent u d-dinja Iżlamika u qed jalimenta l-forzi estremisti. Ħamas għandha raġun li tinsisti li l-waqfien mill-ġlied għandu jkun akkumpanjat bit-tneħħija tal-assedju ta' Gaża. Id-dinja ċivilizzata għejjiet b'dawn l-operazzjonijiet militari Iżraeljani ta' kull tant snin li mhumiex iżarmaw il-qawwa militari ta' Ħamas li saret forza militari aktar f 'saħħitha imma li qed iħallu mwiet mhux ġustifikati fost in-nies ċivili. Iżrael għandu jagħmel eżami tal-kuxjenza kif għamel wara l-gwerra tal-1973 u jirrealizza li mhux se jirnexxielu jirbaħ lil Ħamas u l-fazzjonijiet oħra militarment imma jrid jilħaq ftehim politiku magħhom. Jekk dan ma jsirx, l-affarijiet se jmorru għall-agħar u Iżrael se jkompli jitlef l-appoġġ li gawda għal bosta snin. Tajjeb li Iżrael jiftakar li s-saħħa u l-kobor ma servewx biex isalvaw lil Gulija u jevita li jiġrilu bħalu. @ellisjoseph JOE ELLIS Meta David sar Gulija Fil-gwerra tal-Yom Kippur tal-1973 li l-Għarab ippjanaw fl-aktar jum qaddis għal-Lhud, kien Iżrael li ħalla lill-Għarab jissorprenduh

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 august 2014