Illum previous editions

illum 17 august 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/364853

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 35

6 illum | Il-Ħadd 17 ta' Awwissu 2014 Jittraskuraw l-offerti tal-Gvern WAQT żjara li għamel fl-MCAST din il-ġimgħa, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo qal li minn total ta' 7,000 żagħżugħ u żagħżugħa ta' bejn it-18 u l-25 sena li ntalbu jipparteċipaw f 'xi waħda mill-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex ikomplu jistudjaw jew jitħarrġu, kienu biss madwar 400 li rrispondew. Jirriżulta li wħud minn dawn is-7,000 la qed jaħdmu u lanqas qed jirreġistraw għax-xogħol. Bartolo, li kien qed iżur lil grupp ta' studenti li qed jieħdu l-privat biex jagħmlu r-resits tas-SEC fil-Malti, fl-Ingliż, fil-Matematika u fil-Fiżika, qal li b'kollox applikaw 1,337 student u studenta, li wħud minnhom applikaw għal aktar minn suġġett wieħed. L-applikazzjonijiet fis-suġġetti kollha jlaħħqu l-2,348. Żied jgħid li madankollu, mhux l-istudenti kollha li applikaw għall-privat qed jattendu għax jirriżulta li huma biss 68% li qed jattendu l-privat mogħti taħt l-iskema tal-Garanzija għaż- Żgħażagħ. L-aktar li applikaw kien fil-Matematika b'770 applikazzjoni u fl-Ingliż b'692 applikazzjoni. Il-lezzjonijiet qed jingħataw f 'żewġ ċentri f 'Malta u wieħed f 'Għawdex. Il-Ministru Bartolo qal li l-akbar sfida mhux ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, iżda li ż-żgħażagħ ikomplu jistudjaw għax ħafna qed jitilqu mill-iskola mingħajr ħiliet bażiċi. Għalhekk, qal li qed issir l-istrateġija biex iż-żgħażagħ ikomplu jistudjaw u l-istipendju qed jingħata għal sena waħda li jirrepetu biex ikunu inċentivati jkomplu jistudjaw. Din il-gazzetta tkellmet ukoll mad-Deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Edukazzjoni Joe Cassar li min-naħa tiegħu qal li l-Partit Laburista kien wiegħed iż-żgħażagħ garanzija ta' edukazzjoni, taħriġ u xogħol u li għalhekk il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol huwa responsabbli sabiex iwettaq din il-wegħda elettorali lil tant żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Cassar qal li l-Gvern qed jikkalkula li hemm 7,000 żagħżugħ u żagħżugħa li bħalissa m'għandhomx xogħol, mhux qed jirreġistraw għax-xogħol u lanqas qegħdin isegwu studju f 'xi istituzzjoni edukattiva. Żied jgħid "Dan ifisser li l-Gvern Laburista għandu l-obbligu u r-responsabbiltà li jipprovdi għal taħriġ jew xogħol għal dawn iż-żgħażagħ skont dak li kien wiegħed fil-programm elettorali tiegħu". Il-kelliem Nazzjonalista saħaq li l-inizjattiva li ħa Gvern Laburista sabiex jgħin lil dawn iż-żgħażagħ kienet li permezz ta' fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea saret skema fejn żgħażagħ qed jiġu offruti taħriġ u esperjenza ta' xogħol għal tmintax-il ġimgħa biss. "Il-Ministeru tal-Edukazzjoni għamel ħafna pompi dwar din l-iskema imma issa bdew joħorġu r-riżultati fejn fi kliem il-Ministru Bartolo stess huwa jinsab diżappuntat li kienu 400 biss minn 7,000 li urew interess fl-iskema kif magħmula mill-Gvern Laburista." Cassar qal ukoll li bħala parti mill-iskema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ qed jingħata tagħlim għal dawk l-istudenti li qed jirrepetu l-eżamijiet tas-SEC, il-Ministeru ħabbar li wieħed minn kull tlieta mhux qed jattendu u jidher sa issa l-Ministeru mhu jieħu l-ebda inizjattiva dwar kif se jħajjar dawn iż-żgħażagħ li jaf qed jaqtgħu qalbhom biex ikomplu jistudjaw. "Dan huwa messaġġ ċar li ż-żgħażagħ iridu xi ħaġa differenti mingħand il-Gvern Laburista dwar il-garanzija ta' taħriġ u xogħol. Il-Gvern jeħtieġ li jpoġġi bilqiegħda u janalizza b'mod serju l-falliment tal-iskema u tal-wegħda elettorali li huwa għamel liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin" qal Cassar. Żied li "l-Ministru tal- Edukazzjoni u x-Xogħol issa għandu r-responsabbiltà li jara għalfejn din l-iskema kien hemm nuqqas ta' konkorrenza la l-Gvern Laburista kien qed jistenna li jilħaq ħafna iktar żgħażagħ. Hemm bżonn ta' evalwazzjoni serja li turi għalfejn din l-iskema ma rnexxietx. Ma nistgħux inkomplu naħlu r-riżorsi li għandna minħabba inkompetenza fit-tmexxija u iktar u iktar il-Gvern għandu responsabbiltà sabiex jgħin liż- żgħażagħ tagħna li jkollhom esperjenzi li jgħinuhom jiksbu iktar ħiliet u jidħlu fid-dinja tax-xogħol formali." Id-Deputat Nazzjonalista insista li l-Iskema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ ġiet maħduma mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, u f 'dan il-każ il-Ministru Evarist Bartolo ma jistax iwaħħal fid-Dipartimenti jew l-Aġenziji Governattivi kif għamel f 'okkażjonijiet oħra. Temm jgħid li "In-nuqqas ta' suċċessi ta' din l-iskema hija direttament responsabbiltà tal-Ministru Evarist Bartolo li qabbad nies qrib tiegħu u ta' fiduċja tiegħu sabiex jippjanaw u jimplimentaw din l-iskema. Issa li fallew il-miri ta' Gvern Laburista li jilħaq lil dawn iż-żgħażagħ nisperaw li ssir evalwazzjoni serja u anke tibdil lil din l-iskema sabiex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jirċievu dak li ġew imwiegħda". "Ħafna miż-żgħażagħ qed jitilqu mill-iskola mingħajr ħiliet bażiċi" - Evarist Bartolo SEJĦA GĦAL OFFERTI Tender għal servizzi: Riċerka fil-Proġett Garanzija Zgħażagħ - ESF 3.231 Numru tar-riklam: MEDE/400/2014 Ġbir ta' tenders mid-data tal-pubblikazzjoni mill-: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Diviżjoni tas-Servizzi Korporattivi Kamra 266, Triq l-Assedju l-Kbir Il-Furjana Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-08:00 sas-13:30 Email: procurement.educ-mede@gov.mt Data tal-Pubblikazzjoni: 08.08.2014 Data tal-Għeluq: 29.08.2014 fl-10:00 am Programm Operattiv II – Politika ta' Koezjoni 2007-2013 Insaħħu Ħilitna għall-Aktar Impjiegi u Kwalita ta' Ħajja Aħjar Reklam parzjalment kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea Fond Soëjali Ewropew (FSE) Rata ta' Kofinanzjament: 85% Fondi mill-UE; 15% Fondi Nazzjonali Ninvestu fil-futur tiegħek Frederick Attard fattard@mediatoday.com.mt

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 17 august 2014