Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/373144
18 illum | Il-Ħadd 31 ta' Awwissu 2014 ILBIKINI, bħala malja tal- għawm għan-nisa, fid-diversi varjazzjonijiet tagħha, spiss toħloq xi kontroversja 'l hawn u 'l hinn u ilha tagħmel dan mindu feġġet fix-xtut Franċiżi xi sebgħin sena ilu. F'dan ir-rigward mhux f 'Malta biss tfaċċaw każi ta' kontroversji minħabba bikini bħal dak ta' xi jiem ilu f 'Tas-Sliema; konferma oħra li kemm fit-tajjeb u kemm fil-ħażin Malta mhijiex eċċezzjoni. Tfajla Każakstana, li fi ftit jiem saret Ġermaniża, tressqet il-qorti b'urġenza għaliex taħt l-effett tal- alkoħol żifnet għall-marċi tal-banda liebsa l-bikini, weħlet multa ta' €150 u tinsab taħt kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor għal dawn is-sentejn li ġejjin. Fuq dan il-każ intqal u nkiteb ħafna. Uħud ħassewhom skandalizzati li żagħżugħa – u barranija! – żifnet mal-banda waqt purċissjoni solenni bl-istatwa tal-Madonna. Kien hemm min ħassu urtat jekk mhux ukoll offiż bl-imġieba ta' din it-tfajla u uża l-każ tagħha bħala eżempju ta' kif il-barranin qegħdin jimminaw il-kultura tagħna. Oħrajn ħassewhom daqstant offiżi li l-pulizija tellgħu lil din it-tfajla b'urġenza l-qorti meta fl- istess festi jkun hemm xorb bla rażan u iġsma pjuttost imperrċa jaqbżu u jogħlew bil-briju, dejjem bil-barka tal-awtoritajiet. U, ikomplu dawn, il- pulizija u l-qrati jmisshom jagħtu kas ta' każi ferm aktar serji mill-bluha ta' xi ħadd fis-sakra. Dit-tfajla għandha isem, ġie ppubblikat ukoll. Issa l-gazzetti, anzi biex inkunu preċiżi, The Times, mhux biss xandru isimha, imma tawha laqam: Miss Bikini. Fil- qorti għamlet apoloġija u qalet ukoll li bħala Kattolika (jiġifieri bħalna, għax inzerta li hemm Kattoliċi li mhumiex Maltin) jiddispjaċiha ta' li għamlet u persważa, kif wara kollox tgħallem ir-reliġjon Kattolika, li Alla ħafrilha. Tant iddispjaċiha għal għemilha żieni, li saħansitra lesta tagħti donazzjonijiet lill-Knisja ta' Stella Maris. X'se jkun l-ammont ta' dawn id- donazzjonijiet mhu affari ħadd, imma wisq nibża' li minflok b'isimha se nibqgħu nsibuha bħala Miss Bikini, u ovvjament dan il-laqam se jkollu konnotazzjonijiet negattivi ħafna. Mhux hekk biss, imma jidhirli li dan il-laqam, imniżżel fuq titlu ta' artiklu, għandu messaġġ li jirredikola lil din il-mara u jixħetha mhux biss f 'dawl ikrah imma wkoll qiegħed jindirizzaha b'ton nebbiexi. Tgħid li kienet raġel konna nsejħulu Mr Thongs biex ninbxuh ftit? L-istess bħat-tinbix li deher ħafna waqt il-'kampanja' tal-bramel ilma bis-silġ li bil-mod il-mod qiegħda tmut il-mewta naturali tagħha. Segwejt b'interess il-filmati fuq il-mezzi soċjali ta' nies innominati biex jixħtu barmil ilma kiesaħ fuq rashom fl-eqqel tas-sħana Maltija f 'Awwissu. Sar ritwal dan: tixgħel il-kamera, tħares lejha, titbissem, tgħid l-isem ta' min innominak, tagħti ħarsa li trid tfisser "ħeqq, mhemmx x'tagħmel, waħħluhuli!" u mbagħad biex twaħħlu lil xi ħadd ieħor issemmi tliet ismijiet; taqbad il-barmil jew xi drabi anki banju tal-plastik u tixħtu għal fuq rasek; twerżaq twerżiqa biex turi kemm kien kiesaħ u tintefa l-kamera. Xi wħud ftakru, kważi kważi b'ċikka, iħeġġu lil dawk li waħħluhulhom bin-nominazzjoni tagħhom, biex jagħtu donazzjoni lill-ASL (sic). Kellna kull tip ta' persuna nnominata, minn persuni li ma nafuhomx minn Adam, sa kantanti bl-indirizz elettroniku tal-isponsors tagħhom fuq l-iskrin, sal-kummissarju tal- pulizija mdawwar bl-uffiċċjali u l-istudenti tal-akkademja tal-Korp, sal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-ewwel għamel ħaġa u mbagħad mid-dehra ngħata parir jagħmel oħra, sal- prim ministru u s-sinjura tiegħu, saħansitra l-President tar-Repubblika. Nies ta' kull età, sess u klassi, kulħadd jixħet l-ilma fuq rasu. Mhux se niddiskuti jekk din il-kampanja kinitx suċċess, anki għaliex qegħdin iqumu dubji dwar x'se jsir eżatt minn dawn id-donazzjonijiet, dejjem jekk id-donazzjonijiet qegħdin verament isiru. Imma ma nistax ma nħossnix ftit diżappuntat li qiegħed ngħix f 'dinja li rreduċiet l-għajnuna għall-batuti għal ċajta fenomenali. Hi tassew ħasra li llum il-ġurnata naħsbu fil-batut biss jekk hemm ċajta fin-nofs, jekk hemm il-possibilità li nimbxu, jekk mhux ukoll, bħalma kien il-każ tal-Istrina sa ftit taż-żmien ilu, li wara l-għotja hemm premju. X'kienet eżattament il-motivazzjoni ta' ħafna li wasslithom biex jixħtu l-ilma mkessaħ bis-silġ fuq rashom? U għala dar-ritwal kellu jiġi ffilmjat u mxandar fuq Facebook? Kemm minn dawk li għamlu diċ-ċajta taw il-flus, u, aktar minn hekk, kemm minnhom fehmu x'inhija l-ALS? Għax anki jekk verament ingħatat donazzjoni ma' kull barmil ilma, f 'soċjetà affluwenti bħal tagħna, huwa faċli tagħfas buttuna jew tikteb ċekk ta' ftit ewro. Li mhuwiex faċli huwa li tifhem eżattament x'qiegħed tagħmel u minn xiex għaddejjin dawk li qed tixħet l-ilma għall-kawża tagħhom. Ngħidu aħna, isiru ħafna kampanji għal nies bi bżonnijiet speċjali u diversi nies lesti jdaħħlu jdejhom fil-but u jagħtu 'xi ħaġa'. Imma mbagħad huma ħafna wkoll li jekk ma jsibux fejn jipparkjaw idaħħlu l-karozza fl-ispazju riservat għal dawn in-nies, jew huma u jsuqu jarmaw ipaqpqulhom biex ifittxu jaqilgħu fil-kantunieri. Il-kuxjenza, jidhirli, m'għandhiex tikkalma bl- ewro u l-bramel tas-silġ imma wkoll bl-imġieba u l-azzjonijiet li nieħdu fil-ħajja ta' kuljum. U dak li jkun irid jifhem is-sitwazzjoni ta' dawk l-inqas ixxurtjati. Bħalma rridu nibdew nifhmu n-niket profond tat-traġedji li qegħdin iseħħu. F'Gaża waqaf il-ġlied. Intlaħaq ftehim, fraġli kemm hu fraġli, bejn il-mexxejja taż-żewġ naħat. Il-prim ministru Iżraeljan assigura lin-nies tiegħu li Iżrael rebaħ il-kunflitt. Fuq in- naħa l-oħra l-mexxejja tal-Ħamas qalu l-istess ħaġa lin-nies tagħhom. Kulħadd ħareġ rebbieħ mid-dehra, kulħadd għandu għax ikun kuntent, minbarra l-qraba tal-2,200 vittma, fil-maġġoranza tagħhom Palestinjani, maqtula f 'kunflitt mimli sparar li dam sejjer ħamsin jum. Ma tistax ma tistaqsix: possibbli kien hemm bżonn 2,200 vittma biex intlaħaq dan il- ftehim? Liema kampanja ta' barmilati ilma bis-silġ tista' qatt twassal biex nifhmu x'inhuma jġorru f 'moħħhom dawk qrib dawn l-2,200? Jekk il-kunflitt ta' Gaża, għallinqas dak tal-isparar, waqaf, tajjeb niftakru fil-kunflitti l-oħrajn li għaddejjin bħalissa, li wkoll qegħdin iħallu warajhom gzuz ta' katavri. U fost dawn il-katavri hemm il-verità. F'mument partikolari tal-istorja meta għandna reġiment sħiħ ta' mezzi ta' informazzjoni, huma l-gidba u l-qerq li jkomplu jgawdu l-akbar sehem f 'dak li jiġri u ma jiġrix. X'inhu jiġri fl-Ukraina, pereżempju? Lil-liema 'font ta' informazzjoni' għandna nemmnu? Aktarx trid tkun politiku biex tifhem sewwasew l-arti tal-gideb u l-wiċċ doppju. IMMANUEL MIFSUD BARMIL INFORMAZZJONI Kellna kull tip ta' persuna nnominata, minn persuni li ma nafuhomx minn Adam sa George W. Bush

