Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/376804
Il-Ħadd 07 ta' Settembru 2014 | illum 19 Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SGN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Sit: www.illum.com.mt • Imejl: illum@mediatoday.com.mt J ekk jirnexxilek taħtaf biċċa art illegalment, tibni kamra bi stil li jogħġob lilek, tatrezzaha bil-bżonnijiet li jħalluk tgħix komdu għal ċertu żmien tas-sena... Beato Lei sieħbi. Għax ħaddieħor biex akkwista biċċa art kellu jħallas il-belli liri għaliha, biex bniha, il- MEPA għaddietu minn kalvarju sa ma nħarġulu l-permessi meħtieġa, u xorta ma rnexxilux jibniha kif xtaq hu. Filwaqt li bil-flus li nefaq u li għad baqgħalu jagħti irid jgħix fiha s-sena kollha għax ma jaffordjax dar għal vaganzi. Iżda int li ħtaft biċċa art l-armier mingħajr permessi u illegalment għandek dritt għal kollox. Int li ħadt art tal-gvern mingħajr ma ħallast xejn u mingħajr ebda permess għandek dritt tmur tgawdi l-baħar. Mhux hekk biss talli issa l-Gvern mhux talli mhux se jwaqqagħhielek iżda se jagħtik l-ismart meter. U ngħiduha kif inhi jekk hawn xi ħadd jixraqlu l-ismart meter hu int għax urejt kemm int smart u dak li ħadt illegalment issa sar tiegħek b'xejn. Fil-veru sens tal-kelma free for all. Din hi l-problema ta' din il-gżira li hi mimlija liġijiet burokratiċi, iżda l-liġi jew ma tiġix infurzata, inkella infurzata fuq il-ftit li jippruvaw jimxu mal-liġi. L-annimali huma kollha indaqs iżda hemm minnhom li huma ugwali aktar minn oħrajn, skont George Orwell u Malta Tagħna! Bniedem wieħed li mar jipprotesta quddiem Kastilja kontra l-inġustizzja tal-MEPA ntbagħat l-isptar Monte Carmeli. Iżda ċorma tajba ta' nies li jissarrfu f 'mijiet ta' voti saret ġustizzja magħhom billi l-liġi ma ġietx infurzata fuqhom u tħallew jibnu illegalment villaġġ stil Soweto fin-naħa ta' fuq ta' Malta. Min kellu l-boċċi biex jaħtaf l-art ġie salvagwardjat. Min għażel li jimxi mal-liġi ġie mmultat, mċaħħad mill-permessi, inkella mgħoddi b'mard mentali għax ipprotesta. L-investituri jgergru fuq il- burokrazija żejda fil-pajjiż. Sadattant dawk li jfettlilhom jibnu bla permess jew jikru, appartamenti, farmhouses u anke jikru umbrelel bla permess jiġu salvagwardjati billi l-liġi ma tiġix infurzata fuqhom. Liġijiet hawn kemm trid, kull illegalità hawn liġi li tħarisha iżda donnha wasalna fi stat fejn kollox mhu xejn u kollox tista' takkwistah b'xejn, jekk speċjalment thedded bil-vot inkella jkollok il-boċċi biex tagħmel dan. Naqblu li l-burokrazija twaħħal il-pajjiż, iżda naqblu wkoll li kollox irid isir b'kawtela u organizzat f 'dan il-pajjiż inkella qed nissugraw li jkollna anarkija sħiħa. Il-liġijiet qegħdin hemm biex jiġu infurzati u ma jistax ikun li Malta tibqa' Free For All fejn kulħadd jagħmel li jrid bl-iskuża li l-ieħor hekk għamel inkella ta' xi wħud b'attitudni ta' 'issa l-gvern tagħna u nagħmlu li rridu.' Bla dubju li hemm bżonn ta' riforma fil-liġijiet antikwati iżda trid issir premura li dawn jiġu infurzati. Naqblu li l-ġustizzja trid tkun hemm għal kulħadd, iżda anke l-liġijiet. Trid tispiċċa l-mentalità anarkista ta'... Jekk irrid nitfa' ż-żibel wara bieb ħaddieħor... nista', jekk irrid nispara fuq kull ħaġa li ttir fuq l-arja tagħna... nista', jekk irrid nibni kamra fuq il-penthouse wara li nkun ħadt il-permess... nista', jekk irrid niftaħ ristorant mingħajr permess... nista', jekk irrid nimla bajja bid-deckchairs u umbrelel mingħajr permess... nista', jekk irrid indawwar il-kelb u nħammeġ kulm'hemm... nista' wkoll. Ejja nieħdu azzjoni llum qabel għada, qabel f 'din il-gżira nħassruha għal kollox b'anarkija organizzata, qabel ikun tard wisq. Fejn l-ewwel liġi li trid tiġi eradikata hi dik ta' Malta – Free For All. Free for All