Illum previous editions

illum 14 September 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/380560

Contents of this Issue

Navigation

Page 31 of 31

illum | Il-Ħadd 14 ta' Settembru 2014 Il-libertà, l-ogħla ġid LISTAT tagħna din is- sena qiegħed ifakkar erba' anniversarji ta' importanza kbira fl-Istorja tan-nazzjon: il-50 sena tal-Indipendenza, l-40 sena tar-Repubblika, il-35 sena tal-Ħelsien u l-10 snin minn meta sseħibna fl-Unjoni Ewropea. Dawn kollha huma ġrajjiet li permezz tagħhom pajjiżna kattar il-libertajiet tiegħu. Filwaqt li nappella biex fostna l-Maltin u l-Għawdxin jikber is-sens ta' Stat, insellem bi gratitudni lil dawk kollha ta' qabilna li ħadmu biex ġensna għamel dawn il-passi kbar. Fil- kuxjenza tal-umanità, il-libertà hija meqjusa bħala l-ogħla ġid. L-awtur tar-rumanz Don Chiscotte, jgħid li la t-teżori li hemm mirdumin taħt l-art u lanqas ir-rikezzi mgħarqa fil-baħar ma jistgħu jiġu paragunati mal-libertà. Hu saħansitra jgħid li wieħed għandu jagħti ħajtu għal-libertà. Imma nistgħu ngħidu li aħna sodisfatti bil-livell ta' libertà li għandna? Jew ninsabu f 'epoka storika fejn għalkemm kulħadd jitkellem bil-libertà, qed inħabbtu wiċċna ma' proċess fejn aħna stess nissagrifikaw il-libertà għall- interessi anqas nobbli jew fejn l-istess libertà qed tinġibdilna bħal tapit minn taħt riġlejna? Nagħti ftit eżempji fejn inħoss li l-libertà hija kompromessa: Fl-aħħar Ittra Pastorali tkellimt dwar enerġija tajba li hemm fil-bniedem: is- sesswalità. Din hija waħda mill-passjonijiet li hemm fina. Imma kemm nistgħu ngħidu li aħna qegħdin nimpenjaw ruħna biex ikollna kontroll u ma nkunux skjavi tal- passjonijiet tagħna? Dak li qed ngħid għas-sesswalità jgħodd ukoll għar-rabja, l-aggressività, l-mibgħeda eċċ, li f 'ċertu sens jistgħu jkollhom konsegwenzi gravi aktar mill-istess sesswalità. Minħabba l-pressjoni li qed toħloq l-ekonomija għandha diversi li qed ikollhom jisselfu mill-banek u mill-idejn. Minħabba dawn id-djun, ħafna mhumiex liberi li jagħmlu ċerti għażliet f 'ħajjithom u f 'diversi każi din hija mażżra li torbtilhom riġlejhom għal snin twal. Bl-iskuża tal-istess ingranaġġi ekonomiċi, illum aħna ttentati li nnaqqru d-drittijiet tal- ħaddiema miksuba matul medda tas-snin! Xi drabi minħabba motivi egoistiċi ta' min iħaddem, ħaddiema jitilfu l-impjieg u oħrajn ikollhom jikkuntentaw b'xogħol prekarju. Uħud mill-istabbilimenti jabbużaw mill-part timers biex japprofittaw finanzjarjament. Donnu l-prekarjat jista' jkun parti mis-sistema adottata partikolarment mis-settur privat bl-iskuża li l-ekonomija ma tippermettix li tagħti stabbiltà ta' impjieg bid- drittijiet kollha li tipprovdi l-liġi. F'dawn il-każijiet, nistaqsi x'sar minnha l-libertà? Hemm persuni li l-libertà tagħhom tittiefes minħabba l-pressjoni sottili tal-politika partiġġjana. Infatti hemm dawk li minħabba l-alleanza politika tagħhom (ħaġa tajba fiha nnifisha) biex jintgħoġbu ma jgħidux dak li jħossu li għandhom jgħidu. Oħrajn biex ikunu jistgħu jiksbu vantaġġi mill-politiċi, jehdew jagħmlu l-inkini profondi biex ma jaqgħux mill-grazzja ta' min hu fil-poter. Anke fil-Knisja xi drabi teżisti ċerta asfasija li tnaqqas il-libertà tal-insara. Biex insemmi eżempju wieħed, inħoss li ħafna huma ossessjonati bit-tradizzjoni, bħal donnhom jibżgħu jerħu r-ritwali tal-imgħoddi u flok jaħsbu b'viżjoni, jippreferu jaħsbu b'lura. Dan kollu huwa xkiel għal-libertà tal-Ispirtu li għandu qawwa li jwelled il-ġdid. Knisja li mhix ħielsa li tinfatam mill-passat, hija Knisja li titlef il-kapaċità ġenerattiva tagħha. Kollox idur madwar x'nifhmu bil-kelma libertà. Għal ħafna l-libertà tfisser li wieħed jaħmel kapriċċih – kapaċi jiskapriċċa valuri kif ukoll persuni! F'kuntest bħal dan ixewwek l-egoiżmu u r-relattiviżmu. Il-libertà tfisser li wieħed jagħmel dak li tgħidlu l-volontà tiegħu, imma din trid tkun raġonevoli. Ir-rieda tfittex il-verità. Mhux ta' b'xejn l-Imgħallem jgħid li l-verità teħlisna. Ir-rieda li mhix raġonevoli ma tagħtiniex il-libertà, imma toħloqilna diversi forom ta' skjavitù. Minkejja li r-rieda tkun imdawla mill-verità, xorta waħda jiġri li x-xewqat tagħna qatt ma huma sodisfatti għal kollox. Bħal donnu meta rridu naqtgħu xewqitna, aħna nsiru bħal bir bla qiegħ – għax dejjem irridu. Ir-raġuni hija li meta ma jirnexxilnix nissodisfaw ix-xewqat tagħna b'dak li verament jimliena, nibqgħu dejjem persuni neqsin minn xi ħaġa u għalhekk nibqgħu nfittxu. Giacomo Leopardi jikteb li kollox huwa ftit wisq biex jikkuntenta lill-bniedem. Meta l-bniedem isibha diffiċli biex jikkuntenta lilu nnifsu, dan mhux sinjal ta' immaturità, imma għal kuntrarju huwa sinjal tal-kobor u tan-nobbiltà tiegħu. Infatti meta xejn ma jimlilna qalbna, ifisser li n-natura tagħna stess tkun qed tgħidilna li aħna miftuħin għall-infinit. It-traġedja tagħna l-bnedmin mhix meta xewqatna jibqgħu mhumiex mitmuma, imma meta naħsbu li nkunu qtajna xewqatna. Għaliex meta nħossuna mimlijin, inkunu qegħdin irraqdu dik ix-xewqa li hemm fina għall-infinit. Il-ħassieb Del Noce jgħid li l-gwaj tan-nichilismu huwa li qed jifga fil-bniedem dik li Santu Wistin isejħilha cor inquietum – il-qalb li m'għandhiex kwiet. Nibżgħu meta qalbna tkun fil-kwiet. Huwa n-nuqqas ta' serħan interjuri li jimbuttana biex infittxu lil Alla. Il-bniedem huwa tassew liberu meta f 'ħajtu jkun jista' jagħżel. Għalhekk, il-bniedem mhux biss irid ikollu rieda mdawla mill-verità, imma jrid ikun imżejjen ukoll bil-ħila li jagħżel il-qamħ mill-karfa. It-terrur veru huwa meta fina tmut ix-xewqa biex inkunu ħielsa. Infatti l-eżilju tal-Lhud beda mhux meta lil-Lhud ħaduhom l-Eġittu, imma meta l-Lhud draw jgħixu fl-Eġittu u ma baqgħux joħolmu li jkunu ħielsa – huma mewtu fihom ix-xewqa għal-libertà. Kull għażla tgħabbina bir- responsabbiltà. Għalhekkk nifhem lil Jean Paul Sartre meta jgħid li l-bniedem huwa kkundannat għaliex huwa liberu – għax f 'ċertu sens aħjar ma jkollok libertà xejn u hekk ma tkunx responsabbli tad-deċiżjonijiet li tkun ħadt. F'dan is-sens Fedor Dostoevskij jgħid li jixtieq li xi ħadd jilliberah mil-libertà. Veru li l-libertà ġġib magħha piż mhux żgħir, imma hija piż ħelu. MARIO GRECH Isqof t'Għawdex

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 14 September 2014