Illum previous editions

illum 12 October 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/396529

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

Il-Ħadd 12 ta' Ottubru 2014 | illum 21 Editorjal ILLUM, MedIaToday LTd, VjaL Ir-rIĦan, San Ġwann SĠn 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Imejl: illum@mediatoday.com.mt Q abel bdiet l-iskeda l-ġdida fuq dik l-imbierka kaxxa tax- xandir (televiżjoni) l-Awtorità tax-Xandir ħarġet il-kmandamenti tagħha fejn se tibda tieħu passi u twaħħal multi lil dawk ix-xandara li ma jużawx l-ilsien Malti vera u proprju waqt li jkunu jxandru. Qed idejjaqhom il-fatt li ħafna mix-xandara qed idawru kliem Ingliż bil-Malti bħal 'jipplejtja l-ikel', 'jibbojlja l-bajda', 'jixxejvja lil qattus', 'jiddilitja' u dan l-aħħar uffiċċjal tal- MEPA ħolqot oħra, 'jiddawnslajdja'. Anke t-Taljan dieħel issa fejn il-Ħamis filgħodu xandara qalet, il-'kura kontra l-mal di testa' għax ma setgħetx toħorġilha 'uġigħ ta' ras'. U dan biex ma nsemmux il-kummentarju farsesk tal-futbol fejn kliem Ingliż u Taljan mgħaffeġ issa sar parti mill- vokabolarju tax-xandara tal-isport fejn anke l-kelma 'pardon' bil-Franċiż qed nużaw flok skużawni. Għalhekk nemmnu li aħjar il-kummentarju jħalluh bl-Ingliż kif sar waqt il-finali tat-Tazza tad-Dinja fejn kien apprezzat mhux ftit mid-dilettanti u żgur li l-istazzjon nazzjonali jiffranka ħafna minħabba l-multi li jista' jakkwista. Dan kollu l-Awtorità trid twaqqfu u naqblu mija fil-mija għax min ma jafx juża l-ilsien Malti m'għandux imur jippreżenta ruħu biex imur quddiem kamera (anke din naħseb li hi kelma Ingliża). Dan qed juri medjokrità kbira fost dawk li suppost iwasslu ilsien pajjiżna lil poplu Malti. Iżda wieħed irid jammetti wkoll li ma tistax taqbad u taqta' linja fuq kulħadd u fuq kull kelma. Wieħed irid jammetti li l-influss tal-lingwa Ingliża f'lingwi barranin u f'dik Maltija ilha dieħla bil-mod. Tant li l-istess akkademja tal-Malti bidlet kliem Ingliż f'dak Malti, bħal fil-każ ta' 'baġit', 'futbol', 'kowċ' u ma nafx kemm il-kelma Ingliża ġiet imbiċċra f'isem il-Malti pur. Iżda x'inhi eżatt il-'lingwa' Maltija pura jew biex inkunu aktar 'preċiżi' niktbu l-'ilsien' Malti? Liema hu l-ilsien pur tagħna? Għax l-ilsien Malti hu kollox barra pur. Fih hemm taħlita ta' Għarbi antik, Ingliż, Franċiż, Taljan eċċ. U dan kollu jagħmel ħoss uniku li jissejjaħ Malti. Ilsien li għandu jagħmel lil kull Malti kburi bih għax hawn pajjiżi bħal Belġju u l-Iżvizzera li jridu jiddubbaw b'ilsien ħaddieħor. Issa hawn hu l-problema tal-Awtorità tax-Xandir. Min u kif se jagħżlu min u liema kelma hi Maltija pura u liema hi dik imkissra? Għax jekk xandar ikollu telefonata (taf li din il-kelma hi eżatt bħal dik Taljana?) kif se jwieġeb? 'Hello' u jeħel multa? Jew 'aw' u jsejħulu ħamallu? Min jgħid 'Bonġu' se jeħel multa għax dik ġejja mill- Franċiż u l-kelma Maltija suppost tkun 'l-għodwa t-tajba'? Barra hekk wieħed irid jifhem ukoll li x-xandara u l-ħabbara l-ġodda huma ta' eta bejn l-20 u 30 sena u dawn issa draw jitkellmu Malti b'influss Ingliż fih. Mhux faċli għall-Awtorità tax-Xandir li jagħżlu bejn min qed ifarrak l-ilsien għax lanqas biss qatt studja l-ilsien Malti, inkella dawk li jużaw Malti mħallat bl-Ingliż li sar parti minn ilsienna. Ngħiduha kif inhi llum anke stazzjonijiet Taljani qed jużaw kliem Ingliż speċjalment f'kummentarji tal-futbol fejn il-kelma 'corner' u offside' rebħet fuq 'calcio d'angolo' u 'fuorigioco'. Għalhekk ikun għaqli kieku naħsbu ftit qabel naqtgħu linja, x'inhi l-proprja lingwa Maltija? Għax hemm kliem li jsebbaħ l-ilsien Malti u oħrajn li jirridikola l-ilsien Malti. Għax f'dan il- pajjiż hawn drawwa li l-ewwel inħallu kollox għaddej u meta jfettlilna nieħdu azzjoni li tħalli ħafna mistoqsijiet. Għandu jsir appell lill-istazzjonijiet li jxandru fuq il-kaxxa biex jimpjegaw xandara b'kapaċità fl-użu tal-ilsien Malti. U jsir appell ieħor lill-Awtorità tax-Xandir biex jgħarfu jagħżlu bejn l-influss naturali ta' lingwi barranin f'ilsienna u bejn in-nuqqas ta' tagħrif fl-ilsien Malti. Forsi għal darba ma nkunux oriġinali fil-ħmerijiet! L-ilsien Malti fix-xandir

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 October 2014