Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/400471
18 illum | Il-Ħadd 19 ta' Ottubru 2014 Huwa fatt magħruf li l-maġġoranza tal-Maltin aktar jagħmlu użu mill-karozzi privati tagħhom milli jużaw it-trasport pubbliku, kemm jekk huma karozzi tal-linja kif ukoll taxis. Barra minn dan il-Pulizija ftit li xejn qegħdin isibu koperazzjoni minn xi entitajiet b'konsegwenza li qed tinħoloq konġestjoni f 'ħafna arterji prinċipali. anke l-Gvern, fi stqarrija qal li l-Gvern qatt ma ħarab mir-responsabbiltà u qatt ma ċaħad li f 'pajjiżna hawn problema kbira ta' traffiku, li qed issir dejjem aktar serja sena wara oħra. Sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qalu lil ILLUM li l-Pulizija mit- Taqsima tat-Traffiku, dawk fuq il-muturi, minn kmieni filgħodu jkunu diġà qegħdin f 'postijiet fejn ġeneralment jeħel it-traffiku. Fil- fatt qabel is-6am l-Pulizija minn din it-Taqsima jkunu jidhru f 'lokalitajiet differenti fosthom l-Imsida, ħdejn ir-roundabout tal-Kappara, fit-Triq tal-Barrani u l-Marsa. "Sfortunatament insibu ntoppi minn diversi persuni," qallina s-sors tagħna. Huwa spjegalna li ċertu xogħol li jsir fit-toroq jistgħu jistennew sa wara d-9am, fosthom tisqija tal-fjuri fis-central strips u roundabouts. Problemi oħrajn huma d-dwal tat- traffiku li meta tiżviluppalhom xi ħsarat, speċjalment kmieni filgħodu mhux dejjem jinstab it-tekniku tal-kumpanija biex imur isewwi l-ħsarat. Mhux l-ewwel darba li qabel is-7.30am jew it-8am dawn ma jitfaċċawx. Is-sorsi qalulna li għalkemm il-maġġoranza tal-Maltin jafu li meta jkun hemm ħabta "quddiem ma' wara", jew kif jgħidu bl-Ingliż "front to rear", is-sewwieqa jmexxu l-karozzi fil-ġenb tat-triq u jimlew il-formola. Iżda għad hawn min jibqa' jinsisti li fuq il-post imorru l-Gwardjani Lokali biex iħejju r-rapport huma għax forsi ma jafdawx lil xulxin. Meta jiġri hekk u ż-żewġ karozzi involuti fil-ħabta ma jitneħħewx min-nofs, meta jkun possibli l-Pulizija tat-Traffiku jmorru fuq il-post u jimmarkaw fl-art fejn ikunu l-karozzi sakemm jasal Gwardjan Lokali. Jekk is-sewwieqa jew sewwieq minnhom jibqa' jinsisti li ma jneħħux il-karozzi, allura tinħareġ ċitazzjoni talli jkunu qegħdin jostakolaw it-triq. "Rari nsibu dawn il-problemi għax kif il-Pulizija jagħti l-ordni, dawn jobdu, imma xorta għad hawn min jipprova jwebbes rasu," qalilna sors fil-Korp tal-Pulizija. L-istess sors qalilna wkoll li mhux spiss il-Pulizija tat-Traffiku jispiċċaw jimbuttaw il-karozzi u anke trakkijiet min-nofs biex it- traffiku ma jeħilx. Però jkun hemm każi fejn ma jkunx possibli li xi trakk jew karozza titneħħa min- nofs. Dan jew għax tiżviluppa ħsara mekkanika li l-vettura ma tkunx tista' titmexxa jew fejn bl-impatt tal- ħabta r-roti ma jkunux jistgħu jduru. Hawnhekk ikollhom jistennew jew xi mekkaniku jew tow truck. "Issa jekk dan jeħel fit-traffiku li jkun ikkawżat minn dawn il-vetturi, allura ma jkun jista' jsir xejn ħlief li tistenna," saħaq sors tagħna. F'każ li fl-inċident ikun korra xi ħadd, allura l-karozzi ma jkunux jistgħu jitneħħew min-nofs u l-Pulizija jkollha tistenna risposta mill-isptar dwar il-kundizzjonijiet ta' dawk involuti. Jekk xi ħadd minn dawn ikun iċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt, allura kollox jitħalla kif inhu sakemm isir l-aċċess mill-esperti tal-Qorti. Sitwazzjoni oħra fejn karozza ma tkunx tista' titneħħa qabel isir skeċċ mill-Pulizija hija meta ssir ħsara lill-propjetà tal-Gvern, bħalma huma siġar, arbli tad-dawl jew karozzi tal- Gvern. Li kieku hawn Malta tidħol il- mentalità fejn isir dik imsejħa pooling fejn kollegi jużaw karozza waħda biex imorru għax-xogħol, din tgħin ħafna biex jitnaqqas l-ammont ta' karozzi fit-toroq. Sadanittant fi stqarrija għall-kritika li saret mill-Oppożizzjoni, il-Gvern qal li huwa fatt magħruf, anke fid-dawl ta' statistika ppubblikata fl-aħħar jiem, li sena wara oħra, il-vetturi f 'pajjiżna qegħdin dejjem jiżdiedu, iżda l-verità hija li l-infrastruttura ta' dan il-pajjiż mhijiex adegwata biex tilqa' għal din ir-realtà. Li mhux qed issemmi l-Oppożizzjoni f '25 sena kemm kienet ilha fil-Gvern, minkejja li rat il-problema tiżdied sena wara oħra, qatt ma solviet din il-problema, iżda issa trid li l-Gvern isolviha fi żmien sena u nofs. Hija x-xewqa ta' kulħadd li naslu għal soluzzjoni, iżda din ma tinstabx mil-lum għal għada. Sa mill-ewwel ġranet fl-amministrazzjoni, il- Gvern beda jimplimenta miżuri urġenti biex jgħinu fl-andament tat- traffiku, waqt li qed jagħti prijorità lil proġetti akbar li għandhom iwasslu għal tnaqqis fit-traffiku, u li Gvern preċedenti, minkejja li kien ippjanahom, baqa' qatt ma wettaqhom, fosthom Triq il-Kosta u l-junction tal-Kappara, kif ukoll il-proġett ta' Triq Diċembru 13 li dan il-Gvern sabu wieqaf għal kollox. Barra minn hekk, il-Gvern qed jippjana wkoll fit-tul, fosthom għal proġett kbir li għandu jnaqqas it- traffiku fin-nofsinhar tal-pajjiż. Wieħed irid jifhem li proġetti kapitali jirrikjedu ammont kbir ta' investiment, però għalkemm mirakli ma jsirux, dan il-Gvern telaq bi pjan biex jindirizza din il-problema. Dan juri kemm assolutament mhijiex ġusta l-kritika li qed issir min- naħa tal-Oppożizzjoni, daqslikieku l-problemi li għandna llum feġġew ilbieraħ flok jammettu li huma dejjem ħallewhom taħt it-tapit. Fl-aħħar mill-aħħar is-soluzzjoni hija inqas vetturi fit-toroq u biex naslu għal dan il-għan, irid ikollna servizz ta' trasport pubbliku effiċjenti li jħajjar lin-nies jużawh. Għalhekk, waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern f 'dan l-istadju hija li jasal mal-operatur biex ikun jista' joffri servizz mistħoqq għall-pubbliku, ittemm tgħid l-istqarrija. " "Hawn min jibqa' jwebbes rasu u jħalli l-karozza fin-nofs u jikkawża iktar traffiku" Il-problema tat-traffiku fit-toroq Maltin Ħtieġa ta' aktar koperazzjoni minn diversi entitajiet u l-pubbliku "Il-Pulizija ftit li xejn qed isibu koperazzjoni minn xi entitajiet u tispiċċa tinħoloq konġestjoni" John Pisani jpisani@mediatoday.com.mt