Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/400471
6 illum | Il-Ħadd 19 ta' Ottubru 2014 Pajjiż isbaħ, aħjar, dixxiplinat Ħafna għadhom jemmnu li x-xogħol tal-Kunsilli Lokali hu biex jieħdu ħsieb il-bankini u xi bozoz maqtugħa iżda fil-verità hemm ħidma ma taqta' xejn mill-Kunsilli Lokali lejn l-iżvilupp u t-tisbiħ tal- lokalitajiet li ngħixu fihom. Din il-gazzetta tkellmet ma' Dr Marc Sant, President tal- Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali fejn sirna nafu aktar dwar il-proposti li l-assoċjazzjoni qed tressaq għall-baġit 2015. Mitlub jikkummenta dwar l-20 proposta li qed tressaq l-assoċjazzjoni, Sant qal li l-proposti tfasslu bil-għan li nagħmlu l-gżejjer Maltin pajjiż isbaħ, aħjar u aktar dixxiplinat u organizzat, sew għalina li ngħixu fih kif ukoll għat-turisti li jiġu jżuruna. "Il-ħsieb tad- dokument huwa li minflok qed ngħidu l-kunsilli x'iridu, qed nipproponu affarijiet li jistgħu jsiru u li jkollhom effett dirett jew indirett fuq il-kunsilli." Sant żied jgħid "Uħud minn dawn il-proposti huma mifruxin fuq livell nazzjonali u jistgħu jitwettqu mill- awtoritajiet ċentrali. Oħrajn għandhom appell x'aktarx lokali u jistgħu jitwettqu mill- Kunsilli Lokali bis-saħħa tal- koperazzjoni u inkuraġġiment min-naħa tal-gvern" qal Sant. Hu temm jgħid li bi programm koordinat ta' ħidma fuq dawn il-linji, pajjiżna jista' jkollu lokalitajiet aktar pjaċevoli u komunitajiet li jgħixu f 'ambjent li aktar jilqgħak. Intant, dawn huma l-20 proposta li qed tressaq l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Indafa u vandaliżmu Fil-kuntest ta' ħidma aktar qawwija fuq livell nazzjonali u lokali biex ikollna pajjiż aktar nadif u biex inneħħu l-iżdingar u t-telqa li jagħtu dehra kerha lil bosta lokalitajiet, qed nipproponu li: jissaħħu l-miżuri ta' kontroll fuq operaturi li jiġbru l-iskart domestiku; ikun hemm sorveljanza akbar u jiħraxu l-pieni għal dawk li jinqabdu jħammgu (pereżempju, bil-ħmieġ tal- annimali bħal klieb), iwettqu atti ta' vandaliżmu eċċ. Bħala miżura prattika qed nipproponu li minn fondi nazzjonali kull Kunsill Lokali jingħata 3 CCTV cameras biex jitqiegħdu fl-aktar postijiet problematiċi magħżula minn kull Kunsill. Dawn il-cameras ikunu jistgħu jitmexxew minn post għall-ieħor skont kif jinħass xieraq minn dawn il- Kunsilli. Kollaborazzjoni ma' istituzzjonijiet edukattivi Għandu jkun hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Università, l-MCAST, il-Junior College u istituzzjonijiet oħra edukattivi bil-għan li studenti jingħataw l-opportunità ta' apprentistat/ xogħol speċifiku għal perjodu definit b'sigħat imnaqqsa fix- xhur tas-sajf. Dan jista' jinkludi proġetti ta' riċerka dwar aspetti varji tal-lokalitajiet; proposti dwar landscaping u mmaniġġjar tat-traffiku; l-organizzazzjoni ta' attivitajiet kulturali, soċjali u sportivi; laqgħat u diskussjonijiet dwar suġġetti varji; stħarriġ dwar il-ħtiġiet ta' sezzjonijiet partikolari ta' nies li jgħixu f 'dawn il-lokalitajiet; sessjonijiet ta' tagħlim u tagħrif bħal, pereżempju, promozzjoni ta' stili ta' ħajja attiva; għajnuna lill-anzjani; lezzjonijiet lil studenti f 'suġġetti li jkunu batuti fihom; quizes għall- istudenti skont il-livell tagħhom; kooperazzjoni ma' NGOs; ħidma favur nies b'diżabilità u anzjani eċċ. Lokalitajiet isbaħ u aktar aċċessibbli Tinħass il-ħtieġa li tiġi formalizzata l-koperazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u entitajiet konċernati biex ikollna bliet u rħula aktar aċċessibbli, aktar orjentati għaċ-ċittadin u aktar estetikament pjaċevoli. Fost affarijiet oħrajn, dan ifisser it-tneħħija ta' wires u arbli li m'għadhomx jintużaw; it- tqegħid ta' cables taħt l-art (fejn jista' jsir); l-irranġar ta' bankini; tmexxija aħjar tat-traffiku u tal-ipparkjar eċċ. Għandha tiġi riżolta minnufih il-kwistjoni pendenti dwar l-ipparkjar ta' residenti fil-bliet/irħula tagħhom. Għajnuna lill-għaqdiet Għandha tingħata aktar għajnuna diretta f 'forma ta' riżorsi materjali u umani kif ukoll tnaqqis fil-burokrazija lill-għaqdiet bħalma huma każini tal-banda, għaqdiet tal- festa, klabbs sportivi, nurseries sportivi, eċċ biex dawn jinvolvu aktar liż-żgħażagħ tagħna f 'attivitajiet soċjali u kulturali tal-lokalitajiet tagħhom. Proposta dwar liċenzji tal- garaxxijiet Bil-għan li garaxxijiet eżistenti jintużaw aħjar, qed nipproponu li sidien ta' garaxxijiet igawdu minn tnaqqis fil-ħlas tal-liċenzja ta' karozza abbinata ma' garaxx partikolari sakemm jiġi żgurat li din il-karozza tuża dan il-garaxx f 'kull okkażjoni u f 'ebda ħin ma titħalla fit-triq. Garaxxijiet fejn hemm post għal aktar minn karozza waħda jwasslu għal tnaqqis fil-ħlas tal-liċenzji tal-karozzi abbinati ma' dawn il- garaxxijiet. Skema bħal din tkun teħtieġ kontroll serju. Qraba jew persuni li jkunu laħqu ftehim mas-sid ta' garaxx, għandhom jitħallew jipparkjaw il-vetturi tagħhom quddiem il-bieb ta' garaxx bħal dan mingħajr ma jkunu ħatja ta' ebda kontravenzjoni. B'din il-miżura għandha tittaffa l-problema kbira ta' parkeġġ li teżisti u anki jitnaqqas l-abbuż mis-sinjali tan-no parking li jintużaw. Turiżmu mifrux aktar Għandu jitfassal pjan biex it-turiżmu jinfirex aktar fil- lokalitajiet tagħna u jasal f 'żoni ġodda li sa issa għadhom ma gawdewx minn din l-industrija. Bi ftehim mal-AKL, jistgħu jitfasslu regolamenti u skemi ta' inċentivi għal akkomodazzjoni alternattiva (bħal, pereżempju, bed & breakfast) f 'ċerti żoni ġodda. Għandha tingħata direzzjoni u għajnuna dwar l-użu ta' fondi Ewropej u jiġi nkuraġġit investiment biex il-wirt kulturali u storiku fl-ibliet u l-irħula tagħna jiġi salvagwardjat u restawrat waqt li jiġi ppreżentat b'mod aktar ħaj u jsir aktar aċċessibbli għal kulħadd. Aktar Kunsilli Lokali għandhom jingħataw inkuraġġiment biex, possibilment fi gruppi, ifasslu mogħdijiet turistiċi fil- lokalitajiet tagħhom. Turiżmu intern Għandha tingħata għajnuna lit-turiżmu intern. Dan hu ta' siwi biex ngħinu l-ekonomija matul ix-xitwa; tiżdied il- kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali; jinfetħu intrapriżi żgħar ġodda; jagħmel in-nies iktar kburin b'dak li għandha x'toffri l-lokalità tagħhom; u jkabbar is-sens ċiviku u l-għarfien dwar il-wirt kulturali u l-patrimonju ta' pajjiżna. fondi għal riċerka Qed nipproponu li tingħata għajnuna tanġibbli lil dawk il-Kunsilli, għaqdiet, każini, parroċċi, eċċ għal programmi ta' riċerka serja u studji dwar aspetti varji konnessi mal- lokalitajiet tagħhom bil-patt li kif titlesta din ir-riċerka, it-tagħrif miġbur ikun kondiviż mal-gvern ċentrali. Mezzi ta' trasport alternattiv Għandu jiġi kkunsidrat l-għoti ta' inċentivi għall-użu ta' trasport alternattiv għal dawk li jkunu jridu jmorru minn post għall-ieħor, l-aktar f 'lokalitajiet mifruxa fuq żona pjuttost wiesgħa. Dan jista' jsir permezz tal-introduzzjoni ta' electric cabs taħt arranġamenti bbażati fuq public private partnerships. Sigurtà fit-toroq Biex nindirizzaw il-ħtieġa ta' sigurtà akbar fit-toroq, hemm bżonn ta' dixxiplina aktar stretta fuq kulħadd. Dan ifisser, fost affarijiet oħra, miżuri aktar iebsa għal min jikser ir-regolamenti tas-sewqan u tat-traffiku b'użu tal-mobajl waqt is-sewqan; nuqqas ta' użu ta' indicators; sewqan taħt l-influwenza tax-xorb u/jew tad-drogi; sewqan waqt li jkun hemm dawl aħmar, ipparkjar ħażin u double parking. Frederick Attard fattard@mediatoday.com.mt Dr. Marc Sant, President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali