Illum previous editions

illum 26 October 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/404413

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

18 illum | Il-Ħadd 26 ta' Ottubru 2014 I l-kelma kattoliku fis-sens lessiku tagħha tfisser, li tinkludi kollox u lil kulħadd. Kieku kelli nuża kelma oħra flokha nagħżel il-kelma universali. Jiena naħseb li dak kien il-ħsieb wara l-Knisja Kattolika Appostolika Rumana. Il-ħsieb kien, li din ir-reliġjon ma tħalli lil ħadd barra. Iżda l-Istorja tal-Knisja Kattolika hija mimlija mumenti ta' intolleranza, esklużjoni u anke diskriminazzjoni. Kull reliġjon kellha dawn il-mumenti koroh tagħha, iżda li tkun Kattolika u tgħaddi minn dawn il-mumenti, fil-fehma tiegħi, hija ċ-ċaħda tal- missjoni li minn dejjem kellha din il-Knisja. Dan il-ħsieb għadda minn moħħi waqt li kont qiegħed insegwi dak li kien għaddej fis-Sinodu tal-Isqfijiet. Għall-ewwel darba fl-Istorja ta' dan is-Sinodu, Papa Franġisku ħass li qabel għandu jinżel fost in-nies permezz ta' kwestjonarju. Il-Papa ried jisma' wkoll li dawk li s-soltu dejjem ikunu taħt il-pulptu jisimgħu, qabel ma jisma' lil dawk li dejjem ikunu fuq il-pulptu. Il-ħsieb ta' Papa Franġisku kien ċar. Ried li l-Knisja ssir aktar Kattolika milli hi. Ried li l-Knisja tkun anqas istituzzjonali spiritwalment u tagħder aktar mingħajr ħafna kundanni jew esklamazzjonijiet! Naħseb li riedha tkun Knisja anqas Rumana u aktar umana. Dik l-R tagħmel id-differenza kollha bejn il-Knisja kif hemm min riedha tibqa' u kif maħsub li għandha tkun. Papa Franġisku bagħat messaġġ li mhux minn kulħadd inftiehem. Laqatni dak li qal li Alla jissorprendi iżda rridu nifhmuh. Agħfas kemm felaħ li għandna nħarsu lejn it-tagħlim tal-Bibbja mhux mill-aspett letterali tiegħu iżda mis-sens uman tal-kelma. Irid li l-Knisja ma tibqax fil-perjodu pre- Galilean. Dak li nafu llum bħala l-liġi, mhux dak kollu li jeżisti, għaliex il-mod kif l-ispirtu tal-kelma t'Alla tinfetaħ mhux attwali iżda sa ċertu punt futuristiku. U l-futur qiegħed isejjaħ lill-Knisja biex tagħraf u taċċetta lill- bniedem bl-imperfezzjonijiet kollha tiegħu. Fi ftit kliem f 'ċertu mumenti hemm min għadu jaħseb li x-xemx iddur mad-dinja għax hekk tagħti x'tifhem il-Bibbja. F'dan is-sens il-Papa Franġisku qiegħed jispira ruħu mill-Kardinal Carlo Martini, li kien Isqof ta' Milan u fost dawk li f 'diversi okkażjonijiet kien Papabbli. Kardinal Martini kien it-tama tal-Knisja għal dawk li dejjem kienu esklużi mis-sagramenti minħabba l-orjentament sesswali tagħhom, persuni li jgħixu barra ż-żwieġ Kristjan u anke ateisti. Fil- fatt kien imlaqqam l-Isqof tan-non- kredenti, għaliex dawk li ma kinux jemmnu kienu jħossuhom komdi jitkellmu miegħu. It-twemmin prinċipali ta' Kardinal Martini, kuntrarjament għal dawk li huma konservattivi fil-Knisja dejjem kien, li s-sagramenti tal-Knisja mhumiex hemm biex jiddixxiplinaw jew jikkastigaw lin-nies. Is- sagramenti qegħdin hemm biex jassistu lin-nies fil-mixja tagħhom fil-ħajja u aktar minn hekk fil- mumenti l-aktar diffiċli ta' ħajjithom. Papa Franġisku u Carlo Martini qegħdin jagħmlu sejħa biex il-Knisja tkun aktar Umana u anqas Rumana. Għal darba oħra dik l-R! Oriġinarjament id-dokument li kellhom quddiemhom l-isqfijiet kien jinkludi l-abbraċjament umana ta' dawk li huma omosseswali u dawk li daħlu għat-tieni żwieġ f 'ħajjithom jew jgħidu barra ż-żwieġ. Biex ngħidu hekk, id-dokument kien qiegħed ikun kattoliku. Il-ħsieb kien li jinkludi lil kulħadd, iżda mingħajr ma' l-Knisja titbiegħed mit-twemmin u tagħlim tagħha dwar is-sagrament taż-żwieġ u tal-imħabba bejn mara u raġel. Sfortunatament meta ġew għall-vot. l-Isfqijiet ħassew li ma kellhomx japprovaw dawn iż-żewġ proposti! Ammirajt ħafna lill-Isqof t'Għawdex Mario Grech, li min dak li stajt nifhem ħass li d-dokument oriġinali kellu jkun approvat fit-totalità tiegħu. Għalkemm id-dokument finali huwa avvanz fuq kif il-Knisja kienet tħares lejn dawn iż-żewġ kategoriji ta' bnedmin, jiena ngħid li l-Knisja xorta tilfet l-opportunità li ssir aktar kattolika. Għalkemm minn dak li fhimt, il-Papa xorta jista' jadotta attitudni differenti minkejja l-vot. Imma sa issa jidher li rebħu dak li l-Papa ddeskriva bħala l-konservattivi u intelletwallisti. Irrid nammetti li nħossni prużuntuż li ngħid x'messha tagħmel il-Knisja minħabba żewġ raġunijiet. Qabel xejn għalkemm qatt ma nagħmel ħsara lil ħadd jiena mhux xi Kattoliku mudell għal ħaddieħor. It-tieni s-suġġett tant huwa profond u sofistikat fil-ħsieb, li żgur li hemm ħafna oħrajn li huma iktar intiżi minni fis-suġġett. Iżda xorta għandi din is-sensazzjoni li jekk il-Knisja ma taġġornax ruħha, wisq nibża' li bil-mod il-mod se titlef ir-rilevanza tagħha. Din diġà bdiet tidher mill- Knejjes dejjem vojta barra minn Malta u għalkemm mhux daqstant evidenti, anke f 'Malta. Mhux qiegħed ngħid li l-Knisja għandha tbiddel l-attitudni tagħha biex ma tmutx u għall-konvenjenza. Li qiegħed ngħid huwa, li Knisja trid taqra l-kitba fuq il-ħajt u tistaqsi jekk Alla jħarisx lejn dawn iż-żewġ kategoriji ta' nies mill-istess lenti li jħares lejhom il-bniedem. Li rridu nistaqsu hu, jekk Alla hux li bħalna l-bnedmin u jbati mill-preġudizzji u l-attitudni sentenzjali tagħna. Jiena ma naħsibx. Jiena nemmen li Alla huwa anqas Ruman u ħafna aktar uman! Għal darba oħra dik l-R. Fl-aħħar nett naħseb li wasal iż-żmien li nkomplu fuq il-passi ta' Papa Ġwanni XXIII, kif kien magħruf il-Papa twajjeb. Dakinhar dak il-Papa welled it-Tieni Vatikan li kien ekumenikali. Ried li jgħannaq id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet kollha, għaliex il-Knisja għandha missjoni kattolika. Naħseb illum għandna nkomplu nwessgħu din it-tgħanniqa ta' komprensjoni. Għandna nestenduha mhux biss għal reliġjonijiet oħrajn iżda għal kategoriji ta' bnedmin oħrajn. Fosthom dawk li għalissa tħallew barra fl-aħħar verżjoni tad-dokument tas-Sinodu tal-isqfijiet. Irrid li jkollna aktar komprensjoni lejn kategoriji oħrajn ta' bnedmin anke jekk ma naqblux mal-mod ta' għixien tagħhom. Irid li jkollna aktar sabar u nitkellmu aktar bir-raġuni u b'anqas rabja! Fi ftit kliem ma rridux nitilfu l-R! Dik l-R Il-Kardinal Carlo Maria Martini - dawk li ma kinux jemmnu kienu jħossuhom komdi jitkellmu mieghu " "Jien nemmen li Alla huwa anqas Ruman u ħafna iktar uman!" TONI ABELA

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 26 October 2014