Illum previous editions

illum 26 October 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/404413

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 26 ta' Ottubru 2014 | illum 19 M 'iniex se nżomm il-wegħda li nkompli nitkellem fuq il-qasam tal-enerġija din il- ġimgħa imma nittama li nżommha fil-ħarġa li jmiss. Dan peress li ntlabt li nitkellem fil-Konvenzjoni li organizza l-PN dwar il-viżjoni t'Għawdex għas-snin li ġejjin u l-ħin ma ppermettiex li nikteb artiklu separat. Kont ilni bil- ħsieb li nikteb dwar Għawdex u dan li ġej huwa bażikament l-intervent tiegħi. Forsi minħabba l-aspetti partikolari tiegħu, Għawdex jattira aktar attenzjoni milli l-popolazzjoni tiegħu jimmerita. Skond iċ-ċensiment tal-2011, il- popolazzjoni t'Għawdex fl-2012 kienet tlaħħaq 31,458 kontra 390,000 ta' Malta, b'kollox, perċentwal ta' 7.5% tal-popolazzjoni totali tal-gżejjer Maltin. Madankollu, minkejja l-attenzjoni apparenti li tingħata lil Għawdex mill-partiti politiċi, ta' min isaqsi jekk verament hemmx impenn reali sabiex Għawdex igawdi mill-istess ritmu ta' żvilupp u jkollu l-istess livell ekonomiku tal-gzira ta' Malta. L-istampa li toħroġ mill-publikazzjoni "Gozo in Figures" li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ f 'Mejju li għadda hija pjuttost desolanti. Fil-ħames snin bejn l-2008 u l-2012, mentri l-perċentwal tal-popolazzjoni t'Għawdex baqa' ta' madwar 7.5%, il-kontribut t'Għawdex għall-Prodott Gross Domestiku nazzjonali baqa' wkoll stabbli: ċirka 5.2%. Ovvjament, il-PGD ras imb ras kien fl- istess perjodu mas-70% ta' dak nazzjonali. Wieħed irid jistaqsi għala jeżisti divarju daqshekk immarkat bejn il-livell ekonomiku ta' Malta u dak t'Għawdex u għaliex l-isforzi kollha li saru fil-passat ma rnexxielhomx jindirizzaw tali divarju. M'għandix dubju li jkun hemm min jattribwixxi din id-diverġenza statistika fl-iżvilupp ekonomiku tal-gżejjer lill- ekonomija moħbija, l-aversjoni tal- Għawdxin li jħallsu t-taxxi li hawn min erronament jaħseb li huwa xi fenomenu unikament Għawdxi. Niddubita ferm kemm dan huwa l-każ u ċertament ma jispjegax l-entità tad-divarju li jeżisti. Barra l-istatistika li wieħed ovvjament ma jistax jinjora, teżisti ħafna evidenza anedottali li turi l-qagħda xejn feliċi ta' Għawdex. Il-kriżi ekonomika twalet wisq u għalkemm it-turiżmu baqa' fortunatament għaddej b'ritmu sostenut, bosta mis-setturi l-oħra li sostnew l-ekonomija Maltija f 'dawn l-aħħar snin, bħall-e-gaming u s-servizzi finanzjarji qajla jiffiguraw fl-ekonomija Għawdxija, anzi ma jiffiguraw xejn. Mill-banda l-oħra, l-bejgħ ta' proprjetà immobbli li għal bosta snin sostna l-ekonomija Għawdxija peress li Għawdex sar id- destinazzjoni favorita ta' bosta Maltin u barranin għaddej minn żmien pjuttost kajman. Dan qed jaffetwa l-qasam relatat tal-bini li minkejja kollox għadu wieħed mill-muturi importanti tal-ekonomija. Dawn it-tendenzi qed jaċċentwaw in-negative network effects f 'Għawdex. In-nuqqas ta' domanda tillimita l-opportunitajiet ekonomiċi: nhar il-Ġimgħa fil-5pm, kelli nitħabat biex insib fejn nieħu kafè fiċ-ċentru tar- Rabat. Meta imprendituri Għawdxin jistqarru li jaqblilhom jinvestu f 'Malta minħabba l-catchment area akbar li toffri u jittraskuraw l-investiment f 'Għawdex, meta imprenditur ta' negozju rilevanti jgħidlek li m'għadux jieħu l-paga li kien jieħu min-negozju imma jieħu biss kemm jeħtieġ biex jgħaddi, meta tara bosta negozji li mhux se jkollhom tibdil ġenerazzjonali għaliex it-tfal ma jridux ikomplu fil-passi ta' missirijiethom imma qabdu xi professjoni jew attività differenti, wieħed iħoss l-entità tal-kriżi li għaddejja minnha l-ekonomija Għawdxija. Kriżi li probabilment bdiet bl-għeluq tal-fabbriki tax-Xewkija li kienu jimpjegaw mijiet li qatt ma ġew realment rimpjazzati. Kriżi li possibilment kienet kamuffata għal bosta snin bil-bejgħ sostnut ta' propjetà mmobbiljarji f 'Għawdex. Anke f 'settur li l-operaturi jistqarru kemm sejjer tajjeb, it-turiżmu, id-divarju bejn Malta u Għawdex hu notevoli. Skont l-istess pubblikazzjoni statistika, it-tul taż-żjara medja tat-turisti f 'Għawdex u Kemmuna fl-2013 kien ta' 3.7 iljieli kontra 5.9 iljieli f 'Malta. Fl-2013, il- lukandi Għawdxin laqgħu 41,997 turist non-residenti kontra l-1,263,831 ta' dawk Maltin, qatra f 'oċean. Madankollu, laqgħu wkoll 39,719 residenti kontra l-107,589 ta' dawk Maltin, figura li tenfasizza l-importanza tat-turiżmu intern f 'Għawdex. Il-figuri ma jindikawx in-numru ta' ljieli fl-appartmenti, djar u rziezet ta' Għawdex imma ċertament li dan ma jagħmilx tajjeb għad-differenza enormi bejn Malta u Għawdex, bil- lukandi Għawdxin jospitaw biss 302,077 ljieli tat-turisti kontra t-8,126,617 tal-lukandi Maltin, perċentwal ta' 3.6% tat-total. Il-klima ekonomika negattiva qiegħda talimenta l-immigrazzjoni minn Għawdex. Jekk f 'sena jiżżewġu medja ta' 200 kopja f 'Għawdex, skont evidenza anedottali, aktar minn nofshom jispiċċaw jgħixu barra minn Għawdex. Dan ifisser tal-anqas 100 koppja anqas fis-sena li jgħixu f 'Għawdex b'konsegwenzi ċari fuq l-ekonomija, fuq is-sistema edukattiva, fuq il-ħajja soċjali. U anki perċentwal qawwi ta' min jagħżel li jibqa' jgħix f 'Għawdex, għalkemm statistika uffiċjali ma teżistix, ikollu jaqsam kuljum sabiex jaħdem f 'Malta. Daqshekk huma skarsi l-opportunitajiet ta' xogħol f 'Għawdex. Tali eżodu qed ikompli jaċċentwa n-negative network effects tal-ekonomija Għawdxija. Spiċċajna fis-sitwazzjoni straordinarja li l-ġenituri qed jispiċċaw imorru jgħixu Malta ħalli jkunu qrib ta' wliedhom. Għaliex qegħdin f 'din il-qagħda kritika li forsi għal bosta tinstema' li hija dramatizzata b'mod esaġerat? Ċertament, il-klassi politika trid tassumi r-responsabilitajiet tagħha għal għażliet ħżiena jew għall-inerzja tagħha li kienu l-kaġun tan-nuqqas ta' opportunitajiet u ta' mpjiegi f 'Għawdex. Wieħed irid jirrifletti għala minkejja l-mijiet ta' miljuni ta' ewro li ntefqu fi proġetti infrastrutturali, speċjalment mill-fondi Ewropew, l-Għawdxi medju għandu biss 70ċ għal kull €1 li għandu Malti medju. Wieħed irid jirrifletti għala ż-żgħażagħ, l-aktar forza dinamika tas-soċjetà qegħdin jitilqu lil Għawdex bil-gzuz. Wieħed ukoll irid jirrifletti għala paradossalment setturi fl-ekonomija Għawdxija jiltaqgħu ma' nuqqasijiet ta' manodopera u jkollhom jirrikorru għal barranin. Għal faxxa mdaqqsa ta' ħaddiema, xejn mhu aktar attraenti minn impjieg fis-settur pubbliku. Il-klassi politika trid tassumi r-responsabbilità għala l-Malta Enterprise kienet daqshekk inkapaċi biex tattira l-investiment f 'Għawdex. L-aħħar investiment barrani notevoli li kien hemm f 'Għawdex kien dak tal-Pamargan; l-investituri stqarrew pubblikament li l-MDC kienu dawrulhom l-oqsma industrijali kollha f 'Malta u ħaduhom Għawdex biss wara li qalulhom li u riedu akkost ta' kollox iżuru Għawdex u altrimenti kienu se jitilqu Malta. Il-klassi politika trid ukoll tirrifletti jekk tatx għajnuna adekwata lill-industrija u l-operaturi ekonomiċi indiġeni, l-aktar operaturi ekonomiċi leali li jista' jkollok. Biex nagħti eżempju, Għawdex qed ifaqqas numru konsiderevoli ta' azjendi fil-qasam alimentari. Qed jingħataw l-għajnuna possibli kollha u dan anke bit- taħriġ ta' ħaddiema fis-settur? Fuq kollox, il-klassi politika trid tirrifletti fuq l-għażliet infrastrutturali mhux neċessarjament korretti li saru fil-passat. Il-ġimgħa l-oħra, kont qed nara intervista fuq il-BBC dwar l-iżvilupp fl-Indja. L-intervistatur saqsa lill- mistieden x'jagħżel jekk ikollu jagħżel bejn investiment fit-toroq jew fil-qasam diġitali li huma t-tnejn ineżistenti f 'bosta partijiet fl-Indja. It-tweġiba bla tlaqliq kienet fil-qasam diġitali. U tajjeb li niftakru li l-ħaddiema Indjani llum jikkompetu għal bosta mill-impjiegi li l-ħaddiema tagħna jistgħu jwettqu. Għawdex sfortunatament għamel għażla differenti: investa fit-toroq u fi proġetti oħra ċertament ferm importanti bħar- restawr taċ-Ċittadella, proġetti li ħolqu mpjieg temporanju u sebħu l-aspett tal-gżira imma ttraskura l-konnettività diġitali li hija fundamentali fl-ekonomija tal-lum. Bir-riżultat li għexieren t'Għawdxin ikollhom iterrqu kuljum sabiex jaħdmu fl-azjendi ta' e-gaming f 'Malta li huma ineżistenti f 'Għawdex. Paradossalment, l-internet li kellu jgħin lil Għawdex jissupera l-iżvantaġġi geografiċi tagħha u jgħinha tissupera d-doppju isolament tagħha, qed jirrendiha aktar imwarrba. F'dan il-kuntest kollu, wieħed irid jirrifletti fuq kollox fuq il-mod kif Għawdex qed jitmexxa, mistoqsija rikorrenti li minkejja esperimentazzjoni kontinwa għadha qatt ma ġiet indirizzata definittivament. X'għandu jkun ir-rwol u l-mansjoni tal-Ministeru t'Għawdex li huwa l-interface bejn il-gvern nazzjonali u l-popolazzjoni Għawdxija? Għandu jkun l-amministratur lokali ta' bosta dipartimenti f 'Għawdex li jaqgħu taħt dikasteri varji jew għandu jkollu rwol aktar iffukat sabiex jixpruna l-iżvilupp f 'Għawdex? Huwa aċċettabbli l-arranġament li nieda l-gvern attwali li oqsma importanti bħas-saħħa, edukazzjoni u l-ETC ġew imneħħijin mir-responsabilità tal-ministeru t'Għawdex u tħallew f 'idejn id-dikasteri nazzjonali? Wieħed frankament kien jistenna aktar kritika għal din l-istruttura li madankollu ġiet replikata fix-shadow cabinet. Huwa essenzjali li l-Ministeru għal Għawdex, jekk se jeżisti, ikollu funzjoni reali u mhux ikun istituzzjoni b'poteri nominali biss. Mhux neċessarju li l-ħidma eżekuttiva tkun imwettqa minn ministeru għax alternattivi jeżistu: diġà qed naraw il-Kunsilli Lokali jassumu bosta responsabilitajiet u spiss anke b'riżultati tajbin. U l-Kunsill Reġjonali t'Għawdex jista' wkoll jassumi responsabilitajiet eżekuttivi. Imma nirrepeti li jekk se jeżisti ministeru għal Għawdex dan għandu jkun l-ixprun tal-iżvilupp ekonomiku f 'Għawdex u mhux sempliċiment eżerċizzju ta' poter ta' indirizz spiss klijentari imma qajla utli fit-tul. Ma jiswiex li jkollok ministeru li mhuwiex responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet li jgħoddu imma jservi biss sabiex jaqdi funzjoni kosmetika fl-arkitettura istituzzjonali. Nagħlaq bi kliem li ftit ilu qal l-eks ministru tal-affarijiet barranin Ġermaniż, Joshka Fischer li jiena ngħodd fost il-politiċi Ewropej kontemporanji l-aktar viżjonarji: Fischer qatta xi żmien f 'Venezja u baqa' impressjonat bil- kuntrast bejn l-attività qawwija matul il- jum bl-eluf ta' turisti li jinvadu din il-belt unika u d-deżolazzjoni li taqa' xħin jitilqu t-turisti. Illum Venezja, li darba kienet iċ-ċentru ta' imperu kbir li fil-Mediterran għandha l-istess popolazzjoni li kellha fis-seklu ħmistax u l-popolazzjoni tagħha dejjem qed tonqos. Fischer wissa li l-Ewropa m'għandhiex tispiċċa bħal Venezja, mużew fil-miftuħ imma nieqsa mill-vitalità ta' komunità ħajja u dinamika. Id-diskors ta' Fischer japplika b'mod speċjali għal Għawdex: il-klassi politika hija fdata bil-kompitu li tassigura l-vitalità u d-dinamiżmu ekonomiku ta' Għawdex u tassigura l-kontinwità storika tal-gżira biex b'hekk tiġi evitata x-xorti ta' komunitajiet darba floridi bħal Venezja li llum waqgħu f 'deklin interminabbli. Din hija l-isfida l-kbira li għandu Għawdex illum. Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph biex taġġorna ruħek b'dak li qed jiġri fid-dinja ta' madwarna. Għawdex illum u għada Fl-2013, il-lukandi Għawdxin laqgħu 41,997 turist kontra l-1,263,831 ta' dawk Maltin, qatra f 'oċean JOE ELLIS

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 26 October 2014