Illum previous editions

illum 2 nov 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/408406

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 02 ta' Novembru 2014 | illum 19 L -artiklu ta' ħmistax ilu ħalla ċertu impatt u dan speċjalment minħabba d-dubji illi qanqal dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta' Gasol p.l.c. li għandha 30% tal-ishma fil- konsorzju li ngħata l-konċessjoni li jibni powerstation bil-gass u jforni l-gass għal tmintax-il sena. Din il-ġimgħa, dan il-konsorzju, Electrogas ċaħad illi Gasol għandha problemi finanzjarji u stqarr illi riċentement Gasol isselfet $ 30 m fis- swieq finanzjarji internazzjonali. Issa hawnhekk, tajjeb illi wieħed jippreċisa ħaġa : Gasol p.l.c. ma daħlietx hi direttament fil-konsorzju Electrogas imma permezz ta' sussidjarja tagħha, Gasol LNG Import Ltd illi ġiet reġistrata f 'Cardiff fil-5 ta' Novembru 2013 b'kapital ta' sehem wieħed ta' £ 1 (€ 1.20) illi ġie sottoskritt minnha. Din il-kumpanija, Gasol LNG Import Ltd. issottoskriviet 30% tal-ishma fil- konsorzju rebbieħ, Electrogas Malta Ltd illi twaqqaf b'kapital ta' € 10,000. L-azzjonist lokali ta' dan il-konsorzju, Gem Holdings Ltd, ukoll issottoskriva 30% mill-ishma ta' dan il-konsorzju u huwa magħmul minn erba' kumpaniji lokali, tnejn minnhom mill-grupp ta' Tumas b'kollox għandhom 40% tal- kumpanija u Gasan u CP Holdings ta' Paul Apap Bologna għandhom 30% kull wieħed. Gem Holdings Ltd għandha kapital ta' € 1,200. Iż-żewġ komponenti l-oħra ta' Electrogas huma Socar Trading SA, il-kumpanija taż-żejt ta' l-istat ta' Ażerbajġan u Siemens Projects Ventures GmbH. Is-saħħa finanzjarja ta' dawn il-kumpaniji m'hix iddubitata u ċertament illi l-azzjonijisti ta' GEM Holdings għamlu s-somom tagħhom sew u ma kienux ser jimpenjaw ruħhom kieku ma għandhomx il-finanzjament meħtieġ. Imma fir-rigward ta' Gasol p.l.c. u s-sussidjarja tagħha, Gasol LNG Import Ltd, bil-fors jitqanqlu d-dubji meta l-aħħar accounts ta' Gasol p.l.c. juru li fil-5 ta' Marzu 2013, Gasol p.l.c. xtrat $20m f 'bonds, liema ammont jista' jitla' għal $100 m, li jridu jitħallsu lura sat-28 ta' Frar 2016 b'imgħax ta' 19.95%. Similarment, fit-28 t'Ottubru 2013, Gasol p.l.c. xtrat $30 m f 'bonds, liema ammont jista' jitla' għal $100 m li jridu jitħallsu lura sal-31 ta' Diċembru 2017 b'imgħax ta' 15.95%. Il-fatt li kumpanija trid tħallas imgħax daqshekk għoli għall-bonds b'terminu daqshekk qasir f 'xenarju ta' mgħaxijiet ferm baxxi bil-fors iqanqal dubji serji dwar il-futur tagħha. L-istqarrija ta' din il-ġimgħa ta' Electrogas ma qaltilniex x'imgħax se tħallas Gasol p.l.c. jew is-sussidjarja tagħha għal dawn it-$30 m f 'bonds ġodda li xtrat. Jirriżulta li fit-13 t'Ottubru li għadda, sar ftehim bejn Gasol LNG Imports Ltd u kumpanija reġistrata hawn Malta, Tradexec (Tex) Ltd. Wara li wieħed jifli saffi diversi ta' azzjonisti, wieħed jiskopri li din il- kumpanija hija l-propjetà ta' kumpanija reġistrata l-Lussemburgu, Capunited Holdings S.A.R.L. li twaqqfet fit-8 ta' Marzu 2013 minn ċittadin Franċiż, Nicolas Bravard b'kapital ta' €15,000 sabiex tinvesti f 'kumpaniji fis-settur finanzjarju u tidħol għal self privat. F'dan il-ftehim tat-13 t'Ottubru 2014, jidher li Tradexec (Tex) Ltd intrabtet li tixtri sa $100 m fi strumenti finanzjarji li se toħroġ Gasol LNG Imports Ltd u għalhekk, irreġistrat "charge", forma ta' ipoteka fuq is-sehem uniku ta' Gasol LNG Imports Ltd. Jekk dan hu l-ftehim li rreferiet għalih l-istqarrija ta' din il-ġimgħa ta' Electrogas, ċertament li tali finanzjament ma sarx fuq is-swieq internazzjonali imma privatament. Wieħed ta' min jinnota li fuq is-sit ta' Gasol p.l.c. ma ngħatat l-ebda aħbar dwar dan is-self ta' $30 m u li hu magħruf, hu magħruf miċ-"charge" imsemmija. Aspett partikolari illi jagħti x'jifhem illi s-sitwazzjoni f 'Electrogas hija fluwida hija d-dikjarazzjoni spontanja illi l-ministru Konrad Mizzi għamel fil-Parlament illi l-gass f 'dan il-kuntratt fit-tul ta' 18-il sena se jinxtara mix- Shell. Dan meta fl-istqarrija tal-Gasol p.l.c. tal-14 t'Ottubru 2013 intqal speċifikament illi "SOCAR Trading SA will also have the exclusive right to supply LNG for the project." Meta wieħed iqis l-abbundanza ta' gass fl-Ażerbajġan u r-rabta fil-qrib bejn SOCAR u Gasol, il-fatt illi issa s-SOCAR mhux se tforni l-gass jagħti x'jifhem illi eventwalment Gasol tispiċċa tittrasferixxi l-interess tagħha f 'dan il-proġett minħabba l-qagħda finanzjarja tagħha. Min qiegħed fil- borma jaf x'fiha. L-istrateġija enerġetika tal-gvern tinvolvi anke investiment sostanzjali Ċiniż fil-Korporazzjoni Enemalta. Anke hawnhekk assistejna għall- metamorfosi sħiħa u kollox jindika li għandna f 'idejna "a work in progress". Oriġinarjament, meta ġie ffirmat Memorandum of Understanding f 'Settembru 2013, l-investiment Ċiniż kellu jkun ta' €200m. Il-Prim Ministru ħabbar illi l-gvern se jżomm kontroll sħiħ tal-Enemalta u li l-1,500 impjegat kellhom jibqgħu fuq il-kotba tal- Enemalta. Meta l-MOU ġie trasformat f 'xi ħaġa aktar tanġibbli f 'Marzu 2014, il- ftehim maċ-Ċiniżi nbidel radikalment. L-investiment Ċiniż tela' għal €320 m li €100 m minnhom kellhom imorru sabiex Shanghai Power tixtri terz tal-Enemalta mentri €150m kienu se jmorru sabiex Shanghai Power tixtri 70% tal-power station l-aktar ġdid u effiċjenti tal-Enemalta, dak magħruf bħala Delimara II jew bħala tal-BWSC b'kapaċità ta' 149MW. Shanghai Power kellu wkoll jinvesti €70 m sabiex l-impjant tal-BWSC jiġi konvertit sabiex jaħdem bil-gass. Issa l-ġimgħa l-oħra, il-ministru Mizzi qalilna li wara kollox Shanghai Power mhumiex se jinvestu €70 m sabiex jikkonvertu l-impjant tal-BWSC għall-gass imma l-gvern kellu jirrikorri għall-investitur ieħor li għadu mhux magħruf. Wieħed ikollu bilfors isaqsi għala ċ-Ċiniżi beżqu s-sunnara u mhux se jinvestu €70 m fil-konverżjoni għall- gass tal-impjant tal-BWSC. U wieħed irid ikollu jsaqsi allura kemm se jkun l-investiment totali Ċiniż fl-Enemalta. Mistoqsija oħra leġittima hi x'se jieħdu l-investituri l-ġodda li se jidħlu għall- ispiża kapitali tal-konverżjoni tal- impjant tal-BWSC. Loġikament, tali investitur jew investituri jistenna li jieħu t-30% fl-impjant tal-BWSC li suppost kellu jżomm il-gvern Malti, jekk mhux aktar. B'hekk, l-Enemalta tkun tilfet kwalunkwe interess finanzjarju fl-aktar impjant effiċjenti li għandha. Imma l-aktar ħaġa li tqanqal tħassib u li ma ngħatatx l-attenzjoni li jixraqilha hija l-fatt li ċ-Ċiniżi se jieħdu l-kontroll tal-impjant tal-BWSC. Din hija xi ħaġa bla preċedent. L-investiment Ċiniż, jew kwalunkwe investiment barrani, huwa mixtieq imma mhux akkost ta' kollox. Meta Etihad dan l-aħħar xtrat 49% tal-azzjonijiet fl-Alitalia wara negozjati twal u diffiċli, ma ħaditx il-kontroll ta' xi ajruplani tal-Alitalia sabiex tiggarantixxi l-investiment tagħha imma xtrat ftit anqas min-nofs il-kumpanija. Meta ftit xhur ilu ċ-Ċiniżi xtraw 35% ta' Terna, il-kumpanija taljana li tiddistribwixxi d-dawl, ma ħadux il-cables bejn Ruma u Milan imma biss 35% tal-ishma fil- kumpanija. Il-fatt illi ċ-Ċiniżi insistew illi jieħdu l-kontroll tal-impjant tal-BWSC juri illi huma m'għandhomx fiduċja fl- investiment tagħhom fl-Enemalta u qed idabbru rashom billi jikkapparraw il-ġojjell tagħha. Hija l-ipoteka li qed jistennew għall-miljuni li se jinvestu. U biex l-ipoteka jkollha valur, minkejja d-dikjazzjonijiet tal-ministru, iċ-Ċiniżi jrid ikollhom garanzija illi l-enerġija prodotta fl-impjant tal-BWSC tinbiegħ lill-Enemalta, sitwazzjoni illi se tpoġġihom f 'kunflitt ma' Electrogas li ġew assigurati mill-gvern li jbiegħu d-dawl kollu li jipproduċu. Sitwazzjoni li se tikkawża konflitt bejn l-interessi tal-Enemalta u dawk ta' Shanghai Power meta rappreżentanti ta' din tal-aħħar se jkunu fuq il-bord tal- Enemalta. Sitwazzjoni li jista' jkollha riperkussjonijiet finanzjarji ferm serji fuq l-Enemalta, u konsegwentement, fuq il-gvern Malti jekk jitħallas għal dawl li ma jiġiex ikkonsmat. Il-fatt li l-gvern aċċetta din il- kundizzjoni taċ-Ċiniżi turi kemm qiegħed f 'qagħda dgħajfa kif għidt fl- artiklu tiegħi preċedenti. Huwa tassew straordinarju kif investiment inizjali ta' 20% fl-Enemalta jispiċċa billi ċ-Ċiniżi jieħdu f 'idejhom l-aħjar power station tal-Enemalta, iwiegħdu li se jinvestu biex jikkonvertuha biex taħdem bil-gass u wara jirtiraw minn dan l-impenn ukoll. U qisu ma ġara xejn. Hemm aspett ieħor li ftit qed jissemma. Jekk meta jitlesta ftit xhur l-oħra l-interconnector b'kapaċità ta' 200 MW, dan ma jintużax għax se jkun hemm produzzjoni żejda ta' dawl bl-impjant ta' 200 MW tal- Electrogas, l-149MW tal-ex-BWSC u l-120 MW li se jżomm l-Enemalta, x'se jżomm produtturi Ewropej milli jbiegħu enerġija elettrika f 'Malta bi prezzijiet forsi irħas minn dak li qiegħed jikkontempla l-gvern Malti? U x'effetti jista' jkollu tali żvilupp fuq il-mudell enerġetiku li qiegħed ifassal il-gvern? Il-konsegwenza tista' tkun illi l-gvern ikollu joħroġ aktar flus ħalli jagħmel tajjeb għall-impenji li qiegħed jidħol għalihom mal-Electrogas u maċ-Ċiniżi. Xħin tqis kollox, wieħed jinkwieta mhux għax il-power station tal- Electrogas mhux se jkun lest sa Marzu li ġej imma jekk verament hawnx ħtieġa tiegħu, tenut kont id-domanda fil-pajjiż. L-istampa għadha ferm imċajpra bin- nuqqas ta' informazzjoni li għandna imma m'hemmx dubju li l-gvern irid joqgħod ferm attent li ma jħalliex ir- retorika elettorali torbotlu idu f 'impenn finanzjarju li jista' jkun diżastruż kemm għalih kif ukoll għall-pajjiż. L-objettiv għandu dejjem jibqa' li l-pajjiż ikun jista' jipproduċi l-enerġija bl-aktar mod effiċjenti u rħis possibli. Jekk tali objettiv ma jintlaħaqx, il-konsegwenzi ekonomiċi se jkunu ferm serji u dan ovvjament se jħalli effett qawwi fuq il-prospetti futuri ta' żvilupp fil-pajjiż. Ma jagħmilx ħażin il-gvern illi jagħmel pawsa ta' riflessjoni u jara sew jekk il- pjanijiet tiegħu humiex fl-aħjar interess fit-tul tal-pajjiż. U dan bil-koinvolġment tal-oppożizzjoni u tal-korpi kostitwiti. F'dan il-qasam ċertament wieħed ma jista' jieħu riskji bla qies. Stampa mċajpra Il-Ministru Mizzi qalilna li wara kollox Shanghai Power mhumiex se jinvestu €70 miljun sabiex jikkonvertu l-impjant tal-BWSC JOE ELLIS

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 2 nov 2014