Illum previous editions

illum 9 November 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/413178

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 09 ta' Novembru 2014 | illum 19 G ħaddew eżatt ħamsa u għoxrin sena. Kien fid-9 ta' Novembru 1989 li l-ħajt li nbena sabiex iżomm lill- poplu tal-Ġermanja tal-Lvant milli jivvota b'saqajh u jitlaq lejn il-Punent infetaħ wara li kien ilu kważi tletin sena s-simbolu tar-repressjoni u tad- dittatura komunista Tedeska. Kif ilkoll niftakru, ir-Repubblika Demokratika Tedeska kienet twieldet fiż-żona tal- Lvant ta' dak li baqa' mill-Ġermanja wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Mondjali. Il-Ġermanja kienet diġà tilfet ħafna territorju wara l-Ewwel Gwerra Mondjali. Fl-1945, tilfet it-territorju kollu fil-Lvant tax-xmajjar Oder u Neisse li ġew ċeduti lill-Polonja u fil- każ tal-enklav ta' Konigsberg (illum Kaliningrad) lill-Unjoni Sovjetika. Il-Polonja min-naħa tagħha kellha ċċedi ħafna territorju lir-Repubblika Sovjetika tal-Ukrajina. Stalin ried li l-Unjoni Sovjetika tkun protetta minn kwalunkwe aggressjoni futura Tedeska u rraġuna li dan l-aħjar isir billi joħloq kurdun ta' sigurtà li jifred il-Ġermanja u l-Unjoni Sovjetika. Dan għamlu billi żamm taħt it-takkuna sovjetika l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant. L-alleati kienu ftiehmu fil-konferenza ta' Potsdam li saret kif spiċċat il-Gwerra f 'Mejju 1945 li l-Ġermanja tinqasam f 'erba' żoni t'influwenza u l-istess kellu jsir fir-rigward ta' Berlin. Madankollu, mentri t-tliet żoni tal-Amerikani, tal-Ingliżi u tal-Franċiżi eventwalment welldu lir-Repubblika Federali Tedeska, iż-żona sovjetika fil-Lvant ma tħallietx tingħaqad mal-oħrajn imma nislet ir-Repubblika Demokratika Tedeska, id-DDR. Stalin kien jittama li eventwalment l-Amerikani jiżolaw ruħhom kif kienu għamlu wara l-ewwel Gwerra Dinjija u li jirnexxielu bil-mod il-mod jimmina ż-żona t'influwenza Brittanika biex eventwalment il- Ġermanja kollha ssir komunista. Stalin ma kkalkulax li l-Amerika kienet se timla l-vojt li d-deklin tal-imperu Brittaniku u dak Franċiż kien se joħloq. Fi kwalunkwe każ, kif ilkoll nafu, wara t-Tieni Gwerra, l-Ewropa nqasmet fi tnejn bil-pajjiżi fil-Punent tagħha jalleaw ruħhom fil-qrib mal-Amerika u jissieħbu fl-alleanza militari, in-NATO mentri dawk tal-Lvant jalleaw ruħhom mal-Unjoni Sovjetika. In-natura ta' dawn l-alleanzi qajla kienet spontanja: fil-Patt ta' Varsavja, id-dominazzjoni Sovjetika u sa ċertu punt Russa kien bil- wisq ċara bit-truppi Sovjetiċi joħonqu regolarment ir-rewwixti popolari ta' Berlin fl-1953, fl-Ungerija fl-1956 u r-Rebbiegħa ta' Praga fiċ-Ċekoslovakkja fl-1968. Min-naħa l-oħra, il-pajjiżi fil-Punent kellhom jirreaġixxu kontra dak li kien jidher bħala l-attentat ċar sovjetiku biex jiddomina l-kontinent u jimponi stil ta' tmexxija totalitarju. Imkien ma' din il-qasma ma kienet aktar evidenti milli fil-Ġermanja fejn bil-mod il-mod kien sar impossibli biex residenti fil-Lvant jaqsmu għall-Punent. Meta fl-1952, ingħalqet il-fruntiera bejn iż-żewġ Ġermanji sabiex jieqaf l-eżodu ta' residenti tal-Lvant li kienu qed jaħarbu lejn il-Punent, l-unika mod kif setgħu jaħarbu lejn il-Punent il-Ġermaniżi mdejqa mis-sistema soċjalista li s-Sovjetiċi kienu imponew kien minn Berlin. Dan minħabba l-istatus partikolari tal-belt li kienet uffiċjalment taħt l-awtorità tal-erba' alleati kif ukoll minħabba l-fatt li kienet iċ-ċentru tal-kollegamenti ferrovarji tal-Ġermanja tal-Lvant. Għaldaqstant, ma kienx faċli li jingħalaq l-aċċess tar- residenti tal-Lvant għall-Punent. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar nies bdew jaħarbu lejn il-Punent u fost dawn kien hemm l-aħjar elementi tas-soċjetà, l-intelletwali, l-artisti u l-professjonisti li ma kinux jissapportu l-atmosfera soffokanti li imponew l-awtoritajiet tal-Ġermanja tal-Lvant sabiex jippuntellaw ir- reġim totalitarju tagħhom. Sal-1961, 3.5 miljun Ġermaniż tal-Lvant, 20% tal-populazzjoni, kienu ħarbu lejn il- Punent. L-eżodu kien tant drammatiku li l-istess sopravivenza ekonomika tal-Ġermanja tal-Lvant ġiet mhedda u l-awtoritajiet tal-Ġermanja tal-Lvant u dawk sovjetiċi kellhom bilfors jagħmlu xi ħaġa biex iwaqqfu din l-emoraġija demografika b'konsegwenzi ekonomiċi ċari. Kien għalhekk li fit-12 t'Awwissu 1961, is-segretarju ġenerali tal-Partit t'Għaqda Soċjalista Tedesk u l-President tal-Kunsill tal-Istat tad-DDR, Walter Ulbricht iffirma l-ordni sabiex tiġi ssiġillata Berlin tal-Punent u b'hekk, ir-residenti tal-Lvant ma jkunux aktar jistgħu jaħarbu lejn il-Punent. Fi ftit sigħat, sar kważi impossibli li xi ħadd jaqsam minn jew lejn Berlin tal-Punent mingħajr permess tal-awtoritajiet tad-DDR u l-Purtiera tal-Ħadid li kien ħareġ biha l-ewwel darba Churchill kienet tassew waqgħet fuq il-Lvant tal- Ewropa. Kienu żminijiet ta' tensjoni kbira bejn il-Punent u l-Lvant, ta' gwerra bierda li matulha kwalunkwe inċident seta' ta lok għall-kunflitt ieħor bla preċedent din id-darba bl-armi nukleari li kull naħa kienet qed tarma bihom. L-Ewropa tal-Punent bdiet il-proċess twil ta' integrazzjoni ekonomika u l-Ġermanja tal-Punent ma damitx ma reġgħet ġiet fuq saqajha u eventwalment saret l-akbar potenza Ewropea. Ironikament, il-Ġermanja tal-Lvant ukoll bdiet tistejqer ekonomikament meta waqaf l-eżodu taċ-ċittadini tagħha lejn il- Punent imma r-rata ta' żvilupp tagħha ma kellha x'taqsam xejn ma' dik tal- Ġermanja tal-Punent. Eventwalment, il-limitazzjonijiet tal-hekk imsejħin ekonomiji soċjalisti ġew esposti u dawn l-ekonomiji spiċċaw f 'xifer il-falliment. Il-mudell ekonomiku li ma ppermettiex il- propjetà privata imma impona mudell kollettiv u pubbliku seta' deher sabiħ fit-teorija imma fil-prattika falla bl-ikrah. Is-sistema kapitalista tirriġenera ruħha bil-falliment tal- azjendi u l-individwi li ma jkunux kapaċi jżommu l-pass fis-suq; is- sistemi ta' ekonomija soċjalista ma kinux jippermettuh dan bir-riżultat li spiċċaw fallew huma. Dan il-mudell ta' ekonomija soċjalista llum ġie skartat minn kulħadd. Fl-1989, il-Pollakki kienu daru apertament kontra t-tmexxija komunista. Meta fis-sajf tal-1989, l-Ungeriżi fetħu l-fruntieri tagħhom, eluf ta' Ġermaniżi tal-Lvant ħarbu mill- Ungerija għall-Awstrija. F'Settembru, il-Ġermaniżi tal-Lvant issuperaw il-biża li snin ta' repressjoni mill-Stasi, il-pulizija sigrieta l-Vopos, il-pulizija tal-poplu kienu nislu fihom u bdew jiddimostraw bil-miftuħ kontra r-reġim tad-DDR. Eventwalment, id-dittatur ġerjatriku tad-DDR, Erich Honeker kellu jirriżenja fit-18 t'Ottubru 1989 u ftit jiem wara, il-Politburo rrealizza li kien impossibli li jżomm aktar lin-nies tiegħu kkalzrati f 'pajjiżhom u fid-9 ta' Novembru 1989, ħabbar il-ftuħ tal- punti ta' aċċess f 'Berlin. Ix-xeni ta' ċelebrazzjonijiet li seħħew dakinhar għadhom friski f 'moħħ ħafna nies u ċertament illum tistgħu tarawhom fuq il-mezzi tax- xandir. L-avvenimenti ġraw b'veloċità impressjonanti u f 'anqas minn sena, il-Ġermanja kienet reġgħet ingħaqdet mill-ġdid minkejja l-oppożizzjoni ta' politiċi bħal Thatcher. Il-pajjiżi tal- Patt ta' Varsavja lkoll abbundunaw il-mudell ta' ekonomija soċjalista u adottaw il-mudell liberali prevalenti fil- Punent. Ilkoll ingħaqdu man-NATO u eventwalment, fl-Unjoni Ewropea. Ftit aktar minn sentejn wara l-waqgħa tal- Ħajt ta' Berlin, l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi ġiet xolta u bosta repubbliki, fosthom l-Ukraina, ħadu l-indipendenza. 25 sena wara nistgħu ngħidu li ħafna mill-aspettattivi li kellna mal-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin ma seħħewx. Bit- tmiem tal-gwerra l-bierda, kien hawn it-tama li d-dinja se tidħol f 'era ġdida ta' paċi fejn jispiċċaw ir-rivalitajiet bejn il-potenzi. Fl-1989, ċerta kurunell tal-KGB bl-isem ta' Vladimir Putin kien stazzjonat fi Dresden jistenna l-ordnijiet li qatt ma ngħataw sabiex il-moviment popolari jiġi kkontrollat. Putin wara stqarr li l-kollass tal-Unjoni Sovjetika kien l-akbar katastrofi fl- istorja. Hija tassew ħasra li rġajna qed nassistu għat-tnissil ta' gwerra bierda oħra bejn ir-Russja u l-Punent bir- Russja dejjem tadotta pożizzjoni aktar aggressiva kif qed naraw bl-għajnuna minn taħt jew bil-miftuħ li qed tagħti lir-"ribelli" Ukreni. It-traġedja ta' dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena hi li r-Russja ma ħassithiex komda li tintegra ruħha fil-qafas Ewropew kif espress fl-Unjoni Ewropea bħalma għamlet il-kumplament tal-Ewropa tal- Lvant, b'xi eċċezzjoni. Minflok ir-Russja qiegħda tingħalaq u tiżola ruħha aktar u aktar, tiddgħajjef ekonomikament u ssir aktar vulnerabbli għad- dominazzjoni ekonomika Ċiniża. Il-poplu Russu għad forsi jirrealizza li l-futur tiegħu mhuwiex fl-istat neo-faxxist ta' Putin fejn il-libertajiet personali huma severament limitati u fejn l-ekonomija hija kkontrollata mill-klikka qrib ta' Putin li taf li l-prezz jekk ma tibqax il-favorit tal-Kzar huwa tassew għoli kif juru s-snin li qatta' l-ħabs Mikhail Khodorkovsky tal- kumpanija taż-żejt Yukos li darba kien l-aktar Russu sinjur. Verament f 'dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena ma kienx hawn it-tensjoni ta' xi kriżi kubana imma minflok qed nassistu għal rivalità ġdida bejn ir-Russja u l-Punent, bejn iċ-Ċina u l-Ġappun u pajjiżi Asjatiċi oħra u anke għall-problema tal-fundamentaliżmu Iżlamiku li qed tbiddel il-kalkoli ġeopolitiċi fil-Lvant Nofsani. Fl-istess ħin, il-problema Palestinjana għadha 'l bogħod minn soluzzjoni. Altru li spiċċat l-istorja li għadha għaddejja kif qatt qabel. U altru li jeħtieġ li l-pajjiżi tad-demokrazija liberali jibqgħu viġilanti kontra l-perikli qodma u ġodda. Minħabba tali perikli wkoll li pajjiżi li ilhom żmien twil newtrali bħall-Fillandja u l-Iżvezja qegħdin apertament jiddibattu jekk hux il-każ li jibqgħu hekk. Id-dinja għadha tassew perikoluża bħal qatt qabel. Il-Waqgħa tal-Ħajt tal-Mistħija Il-Ġermanja tal-Lvant kellha bilfors tagħmel xi ħaġa biex twaqqaf din l-emoraġija demografika b'konsegwenzi ekonomiċi ċari JOE ELLIS

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 9 November 2014