Illum previous editions

illum 9 November 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/413178

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

20 illum | Il-Ħadd 09 ta' Novembru 2014 BĦALLEJLA ħamsa u għoxrin sena ilu ġrat waħda kbira li ħadd ma kien jobsor; għallinqas ħadd ma kien jobsor li kellha tiġri dakinhar li ġrat. Bi żball beda jitwaqqa' l-Ħajt ta' Berlin. Bi żball ta' Gunter Schabowski, membru tal-Politburo u kelliemi ewlieni tal-gvern komunista tar-Repubblika Demokratika Ġermaniża, dak li kien ilu jaqsam il-Ġermanja għal tmienja u għoxrin sena u dak li kien sar is-simbolu tal-qasma Ewropea, beda nieżel: il-Ħajt, f 'temp qasir ħafna sar daqsxejn ta' ċint hekk kif tilef l-awra ta' waħx li kellu madwaru. F'din il-lejla ħamsa u għoxrin sena ilu n-nies miż-żewġ Ġermanji ġrew b'kemm felħu lejn il-ħitan bil-fliexken tax- xampanja u b'baqqun f 'idejhom biex jibdew jiżmantellaw storja li għalkemm relattivament qasira kellha tħalli effett kbir ħafna fuq ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-poeta Victor Fenech kien wieħed minn dawk li baqgħu b'ħalqhom miftuħa malli s-servizzi televiżivi bdew jisparaw ix-xbihat inkredibbli minn Berlin. Wieħed irid jiftakar li sa Novembru 1989 ħafna kien għad għandhom moħħhom fuq it-traġedji fil-pjazza Tiananmen meta r-reġim komunista (wkoll) Ċiniż għaffeġ il-qawmien studentesk u popolari bit- tankijiet u l-balal tal-militar mingħajr ebda ħniena jew konsiderazzjoni. Għalkemm il-komuniżmu ormaj staġnat Ewropew kien beda jiċċaqlaq hu u jikkonferma lilu nnifsu li l-esperiment kien falla, ħadd ma kien jobsor li kien se jikkrolla daqshekk malajr u b'ritmu hekk mgħaġġel. F'Novembru 1989 Victor Fenech kien għadu jġorr memorji friski ħafna ta' Berlin maqsuma wara vjaġġ li għamel fiż-żewġ Ġermanji ma' xi kittieba oħrajn. Jitkellem fuq il-Ħajt, fuq il-pjazza ħiemda ta' Alexanderplatz, fuq il-folol griżi jiffullaw dan il-lok ikoniku. U jitkellem ukoll fuq it-tama ta' wħud mill-Punent li jaqa' l-Ħajt imma żgur mhux fis-seklu għoxrin. Imbagħad tasal il-flash news, kif isejħilha huwa, il-Ħajt waqa'. Bħal ħafna poeżiji u kitbiet oħrajn, "Berlin" ta' Victor Fenech tagħlaq b'ottimiżmu kbir. Ma setax jonqos li avveniment li ħafna kienu jittamawh imma fl-istess waqt kienu xettiċi li l-ħolma tista' sseħħ, iqajjem sentimenti ottimisti, jekk mhux ukoll ewforija. Imbagħad wieħed irid iżid l-avvenimenti l-oħrajn li kellhom isegwu f 'dik li kienet (u għadha) tissejjaħ l-Ewropa tal-Lvant. Kollox ġara f 'daqqa waħda mingħajr ma n-nies li għexu dawk il-mumenti ma kellhom il-ħin jirriflettu fuq dak li kien qiegħed iseħħ. Ix-xbiha tar-Raġel tat-Tank jostakola d-dħul tat-tankijiet fi pjazza f 'Bejxing sabet ruħha qalb xbihat ta' eluf ta' nies bid- dmugħ f 'għajnejhom jixegħlu u bi tbissima kbira fuq wiċċhom jixxabbtu ma' biċċa konkrit li l-frak tagħha (jew imitazzjoni tiegħu) għadek tista' ssibu għall-bejgħ imwaħħal mal-kartolini jew miksi f 'pakkett tal-plastik int u tippassiġġa fl-Unter der Linden jew f 'xi ħanut madwar Alexanderplatz. Dik kienet l-1989. Minn dakinhar l hawn kibret ġenerazzjoni li m'għandhiex idea x'kien il-Ħajt, x'kienu l-fruntieri mgħassa lejl u nhar minn suldati li jħarsu lejk bl-ikrah huma u jordnawlek toħroġ il-passaport, jekk mhux għax jaraw "Das Leben der Anderen" jew "Goodbye, Lenin!" u jisimgħu l-istejjer ta' min ġie qabilhom. Iżda anki jekk ma tafx bil-Berliner Mauer u forsi ma tifhimx x'ried jgħid eżatt Franco Battiato meta kien ikanta "come ti trovi a Berlino Est?" il- ġenerazzjoni post 1989 taf b'ħitan oħrajn – twal u għoljin, u oħrajn inviżibbli iżda preżenti – li baqgħu ma waqgħux. L-ottimiżmu ta' dawk l-aħħar xhur ta' dik is-sena li mmarkat l-istorja Ewropea ilu li spiċċa. Ir-reġim Ċiniż li saq it-tankijiet fuq l-istudenti għadu jsaltan, u fil-Ġermanja, bħalma ġara f 'Leipzig f 'Ottubru tas-sena l-maġika, reġa' hemm id-dimostrazzjonijiet fit-toroq għalkemm b'laqta differenti. Cologne, Ottubru 2014: folol ta' żgħażagħ Ġermaniżi libsin il-kulur ta' Hitler jingħaqdu mal-hooligans, dawk li jibdlu l-grawnd tal-futbol f 'arena ta' vjolenza politika, u joħorġu jgħajtu sentenzi li l-Ġermanja xtaqet ħafna li ma terġa' qatt tisma' u xtaqet li tidfinhom taħt it-trab. Ftit tal-jiem ilu, f 'Cologne, in-neo nażiżmu ħareġ jgħajjat biex il-barranin jitilqu l barra. F'Cologne u fi bliet oħrajn madwar l-Ewropa, beda jinbena ħajt (jekk qatt kien waqa') biex ta' ġewwa joqogħdu ġewwa u ta' barra jispiċċaw barra. U dan kollu qiegħed iseħħ fl- istess waqt li t-temp fl-Ewropa reġa' qiegħed jibred. Novembru dejjem ifakkarni ħafna f 'missieri, veteran tat-Tieni Gwerra Dinjija u midrub bl-uniformi. Kull Novembru kien jirċievi peprina ħamra tal-karti b'zokk, dak iż- żmien tal-fildiferru, li kien ikun pront jehmiżha mal-pavru tal-ġlekk. Kull Novembru kien imur għaċ- ċerimonja ta' Jum it-Tifkira izappap lejn il-monument tar-Royal Malta Artillery għalkemm lejn l-aħħar snin ta' ħajtu kont nimbuttah bis- siġġu tar-roti. Imbagħad, f 'xi lejla viċin il-11 ta' Novembru, kont nieħdu għall-festin li kien isir fis- sergeants' mess, fil-barracks ta' Ħal Luqa, fejn kienet tinġabar folla ta' veterani bħalu, imaxtru l-pastizzi u l-pizza kollha żjut u jixorbu l-birra. Waqt dawn l-okkażjonijiet dejjem ħadt l-impressjoni li aktar milli kommemorazzjonijiet għal dawk sħab missieri li spiċċaw katavri jew l-oħrajn li bħalu spiċċaw immankati, kienu appuntament man-nostalġija għal dik il-qawwa li darba kellha l-Britannja l-Kbira. Fis-sergeants' mess kien ikun hemm ħajt diviżorju bejn l-eks maġġuri tal-armata u l-kapurali u l-bumbardieri povri jitfewqu u jmeċilqu f 'rokna għalihom. Niftakarni ninfiska ġewwa fija, kull Novembru, meta xi ħadd bħal missieri kien imur jidritta quddiem xi wieħed minn dawn il-maġġuri u b'Ingliż militari kien jintroduċi ruħu bl-istess ritwal u bl-istess salut ta' żmien l-armata u s-sentenza kienet dejjem tispiċċa bil-kelma "Sir!" U l-maġġuri, bl- Ingliż tal-pepè kien igedwed xi ħaġa taparsi jiftakar lil dak li jkun u dlonk idawwar wiċċu biex jara Mrs So- and-So għadhiex il-ġisem li xi darba kienet. Għadhom iqassmu l-peprin f 'Novembru għax jgħidu li għadhom u jridu jibqgħu jiftakru fis-suldati. U sadattant is-suldati għadhom jinqatlu. Jaqgħu l-ħitan sammi u jitilgħu oħrajn; tisħon xi ftit il-bruda biex imbagħad terġa' taqa' l-kesħa. Jasal l-anniversarju u jsiru d-diskorsi, jinkixfu l-lapidi u joħorġu l-kotba u forsi jkun hemm min jaqrahom. Imbagħad wara mmorru d-dar u nippruvaw niftakru x'kien eżatt dak li konna għadna kif ikkommemorajna. NOVEMBRU Ġrew b'kemm felħu lejn il-ħitan biex jibdew jiżmantellaw storja li għalkemm relattivament qasira kellha tħalli effett kbir IMMANUEL MIFSUD

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 9 November 2014