Illum previous editions

illum 16 November 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/416742

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 39

16 illum | Il-Ħadd 16 ta' Novembru 2014 Matul din il-ġimgħa, tħabbar rapport maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea li juri li f 'Malta, 93% tal-istudenti li jiggradwaw mill-Università, jsibu xogħol. Iżda kemm mill-istudenti Universitarji f 'oqsma differenti jħossu li l-edukazzjoni li qed jirċievu hi finalment utli u li se tippreparahom għax-xogħol u għad-dinja reali? Staqsejna dan lil diversi studenti Universitarji minn fakultajiet differenti u l-opinjoni tagħhom dwar dan. Deher biċ-ċar li jagħmel dif- ferenza kbira mil-liema qasam ta' studju jkun ġej l-istudent biex jaffettwa l-opinjoni tiegħu dwar is-suġġett. X'inhu l-frott tal-edukazzjoni Maltija? ISAAC ZAMMIT Student tal-Liġi fil-5 sena Frankament le, ma naħsibx li l-edukazzjoni per se qed tippreparani biżżejjed għad-dinja reali. Jien li jien ġdid għad-dinja tax-xogħol, rajt baħar jaqsam bejn dak li hu akkademiku u l-prattika. Fid-dinja reali l-istress jiżdied, id-deadlines isiru l- ordni tal-jum u meta tiġi biex tattwa dak li tkun studjajt, tirrealizza li mhux daqshekk sempliċi daqs kemm kien jidher. Mil-lat personali, dwar il-kors tal-liġi nemmen li hemm ċerti suġġetti li jkunu pprezentati lilna b'mod aktar prattiku, fejn jiffaċilitaw daqsxejn iżjed l- introduzzjoni għalina fil-ħajja reali, għalkemm xorta mhux biżżejjed. L-iżjed mod kif l-edukazzjoni tmur viċin ix-xogħol propja hu meta avukat irid jagħmel minn tal-anqas sena prattika ma' avukat ieħor qabel jingħata l-warrant u jkun eliġibbli biex jipprattika l-Qorti. Fortunatament dak li qed nistudja se nkun qed nużah kuljum fil-ħajja tiegħi. Kemm għaliex beħsiebni nippratikka ta' avukat ġaladarba niggradwa, kif ukoll għaliex fih innifsu s-suġġett tal-liġi hu prattiku u universali. F' kors bħal dak tal-liġi, iżjed u iżjed meta wieħed isir avukat, huwa imperattiv li wieħed iżomm ruħu aġġornat bil-bidliet legali li jkunu qegħdin isiru, u għaldaqstant ir-riċerka u l-istudju jibqgħu magħna tul ħajjitna. MARTINA BORG Gradwata bħala Interpretu L-edukazzjoni kienet minn dejjem parti importanti, biex ma ngħidx essenzjali, minn ħajti. Madanakollu nista' ngħid mill-esperjenza limitata tiegħi, li hemm diversi affarijiet li nixtieq li kont iktar kapaċi niffaċja wara li spiċċajt mill-iskola. Bħala tifla li dejjem kont immur tajjeb fl-istudju u li dejjem kont nġib l-ogħla marki fil-klassi tiegħi, kont nistenna li meta noħrog mill-bibien tal-iskola, kont se nsib baħar ta' opportunitajiet jistennewni. Imma malajr tgħallimt li fid-dinja mhux biżżejjed il-kapacità, anzi, l-aħjar li jkollok kemm jista' jkun kuntatti u esperjenza milli tagħmel snin twal tistudja. Ħadd qatt ma fehemni li minn barra l-marki għoljin missni ppruvajt nesperjenza kemm jista' jkun xogħlijiet u nagħmel kuntatti ma' nies oħrajn. X'jiswa li tkun taf mitt elf teorija jekk ma jkollokx il-kunfidenza jew saħansitra l-opportunità li tiddiskutiha fil-pubbliku? Nemmen ukoll li l-attitudni klassika ta' ħafna skejjel, xejn m'għenitni li f 'kull kompetizzjoni sportiva li kienet issir, kulħadd kien jingħata medalja ta' parteċipazzjoni. Ħelwa kemm kienet l-idea, forsi jiswa aħjar kieku t-tfal jitgħallmu iktar dwar kif għandhom jippruvaw ikunu aħjar minn ħaddieħor, u kif jaċċettaw li jekk ma jirbħux l-ewwel darba, għandhom jibqgħu jippruvaw sakemm jirnexxu. Spiċċajt l-iskola u nħossni kapaċi nitħaddet u nirraġuna fuq ħafna suġġetti differenti, imma tlaqt b'mistoqsija tberren f 'moħħi: "Kif se nsarraf dat-tagħlim kollu f 'affarijiet utli għal ħajti?" DAVID BORG Student tal-Mediċina fit-2 sena Jien li qed nistudja kors vokazzjonali, nħoss li l-edukazzjoni qiegħda tippreparani għall-ħajja b'mod speċjalizzat, jiġifieri fejn jiġi każ ta' mard, jew tal-ewwel għajnuna, jew f 'xi emerġenza. Dawn għalija huma importanti għall-ħajja ta' kuljum fl-eventwalitajiet imsemmija u importanti aktar fil-ħajja professjonali. Iżda f 'każ ta' ċertu abilitajiet inħoss li hemm affarijiet li għalihom, l-istudent, ma jiġix mgħallem u ppreparat l-iskola u lanqas jista' jitgħallimhom mill-iskola, għax hija l-ħajja nnifisha u l-esperjenza li jgħallmuk dawn l-affarijiet. Iżda xorta waħda nħossni komdu ngħid li l-edukazzjoni qiegħda tippreparani għad-dinja reali, li fiha hemm il-biki u l-ferħ, traċedji u kummiedji, u l-problemi tagħha. Dan għaliex il-kors tiegħi qiegħed jippermettili li niġi espost għall-dawn l-affarijiet fil-ħajja sa minn età żgħira u minn lenti ta' spettatur li biha qed nieħu l-esperjenza. Għażilt din il-linja għaliex minn dejjem kelli l-ħajra nsir tabib u xtaqt insib xogħol li dejjem ikun hemm bżonnu, u ħalli nilħaq il-miri tiegħi u nkun nista' ngħin lill-oħrajn fil- problemi li jifaċċjaw fil-ħajja. CHRISTOPHER PAUL MIZZI Student tal-Inġinerija Mekkanika fit-3 sena Fl-opinjoni tiegħi s-sistema tal-edukazzjoni qed tagħti lill- istudent l-għodda neċessarji biex wara li student joħroġ mis-sistema edukattiva, ikun kapaċi jitgħallem dak li hu meħtieġ għax-xogħol tiegħu. Minkejja dan, nemmen li s-sistema qed tgħallem lill-istudent wisq teorija bi ftit prattika li meta imbagħad tiġi għad-dinja tax-xogħol tħossok wisq differenti. Mill-banda l-oħra, nqabbel is-sistema ta' Malta ma' dik li qed nesperjenza fid-Danimarka bħalissa fejn qed inkompli bl-istudji tiegħi fuq programm tal-Erasmus. Hawnhekk nista' nara sistema differenti fejn hemm aktar prattika u l-każijiet użati huma każijiet diretti magħquda ma' kumpaniji reali fejn il-proġetti u l-assenjamenti li jsiru jkunu aktar reali u prattiċi. Xorta waħda nemmen li l-istudju li qed nagħmel jgħallimni nkun kapaci biex naffaċja d-dinja tax-xogħol aħjar. Nara li l-linja tal-Inġinerija Mekkanika hija interessanti ħafna u għaldaqstant nixtieq li nitgħallem aktar fuq dan il-qasam biex wara l-istudji tiegħi nsib xogħol fuq din il-linja li f 'Malta huwa xogħol imfittex ħafna. Dan l-aktar meta mqabbel ma' pajjiżi bħal Spanja u l-Italja, imma mhux daqs kemm huma mfittxija fil-Ġermanja u d-Danimarka stess. JUSTIN FARRUGIA Student tal-B. Sc Business & Computing fit-2 sena Bħala student f 'kors tat-teknoloġija u kummerċ, nista' ngħid li bl- edukazzjoni li qiegħed nirċievi bħalissa, r-risposta taqa' bejn iva u le. Dan mhux ħabba l-kwalità tas- servizz iżda ħabba l-fatt li xi drabi, speċjalment f 'korsijiet bħal tiegħi, jekk ma tinvolvix ruħek f 'korsijiet esterni jew ma tattendix konferenzi li jsiru minn organizzazzjonijiet bħall-ICTSA, ma tkunx preparat daqs kemm tkun tixtieq. Hemm numru ta' suġġetti li jkunu bżonjużi fl-istudji tiegħi, iżda ċertu drabi l-kontenut jew ikun irrelevanti jew mhux se jgħinni fil-futur. Personalment, qed nistudja, mhux biss biex insib xi xogħol f 'dan il-qasam, iżda wkoll għall-esperjenzi li tgħaddi minnhom u valuri bħal żvilupp ġenerali u dixipplina. Għażilt dan il-kors għax is-settur hu wieħed li jogħġobni u jinteressani mhux ftit, u nemmen li hija industrija li tiġġenera ħafna ottimizmu dwar kif il-futur tagħna ħa jkun iffurmat.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 16 November 2014