Illum previous editions

illum 16 November 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/416742

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 39

20 illum | Il-Ħadd 16 ta' Novembru 2014 Il-Punt SIKWIT nisimgħu b'għemejjel ta' qlubija li missjunarji Maltin u Għawdxin għamlu fl-erbat irjieħ tad-dinja u nifirħu. Min ħaffer spiera għall- ilma u r-raħħala xorbu, huma u l-bhejjem tagħhom u għexu. Min bena grawnd tal-futbol biex tfal u żgħażagħ jilagħbu l-ballun. Min bena klinika biex jiddewwew in-nies. Min bena knejjes, skejjel, djar għax-xjuħ u t-tfal u għalhekk il-kotra tgħid "Alla tabilħaqq ħalla s-sema biex jgħix fost il-bnedmin, sar bniedem wieħed minna biex jifdi lil ħatjin." Dan għaliex dawn in-nies qalbiena raw jitħalltu magħhom tal-ġungla u tax-xmara, ta' wara l-muntanji jew tar- ramel tad-deżert jikwi bil- għatx għall-kelma t'Alla. Allura aħna li bqajna hawn u ma tħarriknix kif nistgħu ngħinuhom? Għandna l-Moviment Missjunarju, il-Mission Fund, l-Opri Missjunarji Pontifiċji li nagħtuhom l-għajnuniet finanzjarji tagħna mhux biex immewtu l-kuxjenza tniggeż tixlina li m'għamilna xejn mhux biss bil-ħsieb bil-kliem u bl-għemil imma għax ħallejna dmirijietna, irqadna, nsejna, skitna f 'isem il-Makjavellismu qattiel taparsi prudenza. M'għenihomx lanqas biex nixtru l-fidwa tagħna għax aħna nħallsu l-għexur tal-VAT, nikkummentaw/ nitolbu kuljum fil- kummenti tal-ġurnali u l-bloggs, insumu darbtejn fil-ġimgħa bid-dieta u mmorru l-klinika tal- irquqija biex quddiem il- kamera nidhru magħlubin. Għenna fil-flus lill- Missjunarji għax dawn emmnu f 'Alla, l-prietka għamlu b'għemilhom iżjed milli b'diskorshom u nixtiequ magħhom inkunu lkoll aħwa fi Kristu. Din hi l-għajnuna vera li nistgħu nagħtu lil min hu mġarrab. M'ilux ħarġet proposta biex kull parroċċa taddotta familja nisranija mill-Iraq jew mis-Sirja fejn l-insara għaddejjin minn wied mhux biss ta' dmugħ imma ta' demm. Ħasra li l-idea ntlaqgħet tajjeb għax għalkemm tidher nobbli u qaddisa fil-fatt hi frott ta' nuqqas ta' ħsieb u faqar f 'viżjoni. Se nġib eżempju prattiku. Fil-gwerra tal-Bożnja bejn Kroati u Serbi nsara tal-isem jew mhux kontra l-Bożnjaċi Misilmin sfaw imkeċċija u miknusa, midruba u maqtula għexieren ta' nies. Djar u Moskej iġġarrfu, skejjel u sptarijiet intaħnu, imkejjen qaddisa saru trab. Id-dinja Musulmana qamet f 'għajta ta' solidarjetà biex dak li ġġarraf jerġa' jinbena fuq sisien ikbar u usa'. Hekk għamel u s-Sultan tas- Sawdja Arabja, ta flejjes kbar biex inbnew mill-ġdid il-Moskej, orfanatrofji u skejjel. Tant hu hekk li f 'Marzu tal-1997 il-gvern Bożnjaku ta l-Medalja tad-Deheb ta' Ġieħ ir- Repubblika lill-Prinċep Salman Bin Abdul Aziz. 160 moskea nbnew mill-ġdid fil-pajjiż kollu ikbar u isbaħ minn qabel u f 'Sarajevo tela' ċentru kbir kulturali Musulman imsemmi għar- Re Fahd. Ma kinux is- Sawditi biss li taw għotjiet kbar imma l-Indonesjani, il-Malasjani, il-Qatarini u oħrajn tant li saħansitra bnew moskea b'minaret itwal mill-Katidral ta' Sant Sava tal-Ortodossi. Il-loġika ta' din l-istrateġija hija ovvja. Huma jridu li Sarajevo u magħha l-Bożnja u l-Kosovo tissaħħaħ il- preżenza Islamika. Huma jridu li n-nies t'hemm jibqgħu hemm u mhux jemigraw. Huma jridu li l-komunitajiet jissaħħu u mhux jitherrew u għalhekk dak li jagħti simbolu lill- ġemgħa u jgħaqqadha riedu jgħinuh. Irraġunaw b'rashom u ħaqqhom prosit. Ta' min ifaħħarhom għax ħaddmu b'rashom u użaw strateġija tajba. Is-Sawditi jgħallmuna għax ħadmu b'rashom u qalbhom. F'Malta imma għandna min jaħsibha mod ieħor. Kien ikun aħjar nagħmlu xi ħaġa bħalma għamlu s-Sawditi biex l-emoraġija tal-insara mil-Lvant Nofsani ma tkomplix. Qabel il- gwerra ta' George Bush kontra Saddam l-insara fl-Iraq kienu jgħoddu 'l fuq minn tliet miljun ruħ. Illum baqa' inqas minn nofs miljun mhux għax mietu bix-xabla imma għax ħarbu lejn l-Ewropa, il-Kanada, l-Istati Uniti u l-Awstralja. L-istess qed jiġrilhom l-insara tal-Libanu, tas- Sirja, tal-Ġordan, tal- Eġittu u tal-Art Imqaddsa. Betlem xi darba kienet belt nisranija iżda llum jekk baqa' 10% nsara. Fis-Sirja kien għad baqa' rħula nsara jitkellmu bl-Aramajk li qed isofru l-estinzjoni. Il-veru għajnuna lil dawn l-insara tturufnati jmissha tkun li nibnulhom l-knejjes u l-iskejjel imġarrfa u mhux noħorġu b'inizjattivi li jħaffu t-tbattil darba għal dejjem ta' dawn l-ibliet u l-irħula minn kull preżenza nisranija. Il-missjunarji li m'għandhomx il-flus taż- żejt bħas-Sawditi ilhom jagħmluh dan u bit-tliet ħabbiet tal-armla għamlu mirakli f 'artijiet fejn kollox kien kontrihom. Huma jgħallmuna għax aktar milli qrib il-mikrofoni u l-kameras huma għandhom ir-riħa tan-nagħaġ. Huma jafu t-tiġrib u l-krib, il-weġgħat u s-swat tan- nagħġiet midrubin u maqtulin għax rawhom b'għajnejhom u missewhom b'idejhom. Noqogħdu attenti mela minn proposti ta' filantropija li jidhru sbieħ imma huma aktar stħajjil tal-moħħ. Duħħan u xejn aktar. Povri familji adottati li mxandra quddiem kulħadd bħala trofej tal- karità tagħna se jkollhom jitbissmu bilfors biex lilna jgħinuna ninsew l-irħula li ħallew warajhom battala. Għajnuna ta' veru lill-Iraqqini IVAN BARTOLO Il-Bożnjaċi bnew moskea b'minaret itwal mill-Katidral ta' Sant Sava tal-Ortodossi Il-missjunarji li m'għandhomx il- flus taż-żejt bħas-Sawditi ilhom jagħmluh dan u bit-tliet ħabbiet tal- armla għamlu mirakli f 'artijiet fejn kollox kien kontrihom

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 16 November 2014