Illum previous editions

illum 23 November 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/421392

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 39

Il-Ħadd 23 ta' Novembru 2014 | illum 23 K ienet ġimgħa mqanqla - u mhux Malta biss. Fil-Portugall, irriżenja l-Ministru tal-Intern wara li l-pulizija arrestat 11-il ruħ, fosthom il-kap tas-servizz ta' immigrazzjoni fuq suspett ta' korruzzjoni, ħasil ta' flus u influwenza indebita fir-rigward tal-għoti tal-viża ta' Schengen taħt l-iskema Portugiża marbuta ma' xiri ta' propjetà. Miguel Macedo ġie rrappurtat li qal li huwa "m'għandu l-ebda responsabilità personali" fil- każ u li "Qed nitlaq sabiex niddefendi l-gvern u l-awtorità tal-istat u l-kredibilità tal-istituzzjonijiet." Ir-riżenja ta' Macedo ġiet fi żmien sfortunat għall-Ministru tal-Intern ta' pajjiżna li reġa' sab ruħu mill- ġdid f 'nofs kontroversja wara li rriżulta li x-xufier tiegħu kien armat u spara tliet tiri lejn Skoċċiż li investa f 'pajjiżna wara li dan tal-aħħar, allegatament fis-sakra, ħabat mal-karozza tal-ministru u faqagħlu mera. L-ewwel verżjoni uffiċjali li x-xufier spara fl-arja ma damitx ma ġiet skreditata b'ritratti li dehru fuq l-internet ta' balla li nifdet il-karozza. Il-Ministru Mallia stess l-għada f 'konferenza tal- aħbarijiet biddel il-verżjoni uffiċjali imma ddefenda kemm lix-xufier kif ukoll il-fatt li kien armat. Stqarr ukoll li l-predeċessuri tiegħu wkoll kellhom xufiera armati, asserzjoni li dlonk ġiet miċħuda mill-persuni inkwistjoni. Wara l-għagħa li qam fil-pajjiż b'dan l-inċident ta' sparar inġustifkat qalb il-bini u n-nies, kemm il-partit Nazzjonalista kif ukoll l-Alternattiva Demokratika talbu r-riżenja tal- Ministru Mallia. Forsi Simon Busuttil m'għandux jinsisti wisq fuq din is- sejħa għax Mallia qed jagħtih palata ġmielha biex jerġa' jiġbor il-merħla ta' nagħaġ mitluf li abbandunat il- partit tiegħu. U Muscat qed jagħmel kalkolu politiku li jista' jiswielu qares meta jagħżel li jiddefendi l-ministru. Kif qalli din il-ġimgħa intelletwali xellugi li dejjem ħaseb b'rasu u li vvota għall-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni, id-diżappunt fost is- switchers huwa kbir u l-inċident ta' din il-ġimgħa qajjem memorji koroh fost il-poplu li ċertament ma jridx li jerġa' jgħaddi mit-tensjoni tal-passat. Muscat iġġustifika ruħu billi qal li jrid jistenna l-eżitu ta' inkjesta maġisterjali li l-pulizija għażlu li jiftħu. Madankollu, tali inkjesta sejra tkopri biss il-possibilità ta' twettiq ta' reat kriminali. Mhijiex se tindirizza l-mistoqsijiet li l-pubbliku qed isaqsi jekk ix-xufier in kwistjoni kienx il-persuna adattata għal dik il-pożizzjoni, għala ttieħdet id- deċiżjoni li jkun armat, kif ħarġet l-istqarrija inizjali li ma kinitx veritiera u jekk kienx hemm xi attentat biex tiġi żvijata l-opinjoni pubblika. Huwa evidenti li hemm lok li ssir inkjesta skond l-Att dwar l-Inkjesti sabiex ikollna risposti u min għandu jassumi r-responsabilità t'għemilu, tkun ta' liema natura tkun, jassumiha. Ċertament, il-Prim Ministru għadu fil-ħin li jniedi inkjesta amministrattiva u wieħed jistenniha wara dan l-inċident li xxokkja l-opinjoni pubblika . Dwar dawn iż-żewġ tipi ta' inkjesta ktibt fil-passat f 'dan il-ġurnal fit-2 t'Awwissu 2009 bit-titlu "Bejn inkjesta u oħra." Jien u naqra dak l-artiklu qabel ma bdejt nikteb dan l-artiklu, ħassejt li dak li ktibt ħames snin ilu għadu jgħodd ferm illum. Niskuża ruħi jekk se niċċita fit-tul minnu imma nħoss li qajla nista' nesprimi ruħi aħjar. "Dawn (iż- żewġ tipi ta') inkjesti huma regulati minn żewġ liġijiet. Għandek il- Kodiċi Kriminali li fih bosta artikli li jistabilixxu kif għandhom isiru dawk li popularment jissejħu inkjesti maġisterjali jew biex nuża l-kelma teknika, l-"in genere". Dawn l-inkjesti maġisterjali jsiru fil-kuntest ta' ksur tal-liġi u l-iskop ewlieni tagħhom hu li l-evidenza li jkollha x'taqsam ma' tali reat tiġi ppreservata. Mill-banda l-oħra, għandek l-Att dwar l-Inkjesti li jistabilixxi l-mod kif jistgħu jinħatru nkjesti sabiex isir eżami tat-tmexxija ta' xi dipartiment tal-gvern jew l-aġir ta' xi uffiċjal pubbliku. Tali nkjesti jsiru minn bord ta' persuna jew tlieta li jinħatru għal dan l-iskop mill-Prim Ministru. Is-sitwazzjoni fil-preżent hi li jista' jkollok inkjesti paralleli bħalma ġara fil-każ tal-mewt ta' suldat waqt eżerċiżżju fic-Chadwick Lakes u l-inċident fid-Depot li wassal għall-mewt ta' Nicholas Azzopardi, jiġifieri żewġ inċidenti li setgħu taw lok għal reat imma kien hemm lok ukoll li jiġi eżaminat l-operat tal- armata u tal-pulizija rispettivament. Imbagħad jista' ikollok sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet jagħżlu li jkun hemm inkjesta waħda, dik amministrattiva, bħalma kien il-każ tal-irvell f 'Ħal Safi li ġiegħel lill- Prim Ministru jaħtar bord ta' nkjesta mmexxi mill-Imħallef Depasquale. Madankollu, l-awtoritajiet għażlu li ma ssirx inkjesta maġisterjali minkejja li l-Imħallef Depasquale stess ikkonkluda li kien twettaq reat kriminali... Għandek sitwazzjonijiet ukoll fejn inkjesta maġisterjali biss issir. Dan hu normalment il-każ ta' xi qtil jew xi delitt ieħor li bl-ebda mod ma jinvolvi l-amministrazzjoni pubblika. Fl-aħħar nett, jista' jkollok sitwazzjoni fejn għal xi raġuni jew oħra, l-awtoritajiet jagħżlu li ma ssirx l-ebda nkjesta, la maġisterjali u l-anqas amministrattiva. Biex wieħed jagħti eżempju, il-każ ta' meta l-indirizzi tal-posta elettronika tal-uffiċjali pubbliċi u l-membri tal- parlament kellhom jinbidlu f 'daqqa waħda wara li xi ħadd mhux magħruf attakka s-servers tal-ambaxxata Maltija fil-Kajr seta' ta lok għall- inkjesta kemm maġisterjali kif ukoll amministrattiva. ...Bord ta' inkjesta m'għandu qatt ikun sostitut ta' inkjesta maġisterjali... Il-problema fis-sistema tagħna hi li għal raġunijiet storiċi, ftit hemm awtomatiċità fil-mod kif isiru inkjesti, kemm maġisterjali kif ukoll amministrattivi. F'pajjiżi oħra bħall- Italja u Franza, li għandhom sistema li tixbah lil tagħna, il-maġistrat inkwirenti għandu ħafna aktar poteri li bihom imexxi l-investiġazzjoni mill-pulizija li mhux ta' b'xejn tissejjaħ il-puliżija ġudizzjarja. Anke f 'pajjiżna sa ftit snin ilu l-qrati tal- maġistrati kienu jissejħu tal-puliżija ġudizzjarja. Madankollu, f 'pajjiżna l-maġistrat m'għandux is-setgħa li jaqbad u jibda nkjesta hu kif għandu pereżempju, l-Italja. Fis-sistema tagħna, maġistrat inkwirenti jista' jibda inkjesta biss jekk issirlu denunzja, rapport jew kwerela dwar reat li għandu piena ta' aktar minn tliet snin ħabs. Fit-teorija, kulħadd jista' jagħmel tali denunzja jew kwerela. Fil-prattika, dan l-aktar li jsir mill-pulizija li huma obbligati li jinvolvu lill-maġistrat inkwirenti fil-każ biss ta' mewt "sobtu jew vjolenti jew suspett, jew ta' mewt li ma jkunx magħruf il-kaġun tagħha jew ta' mewt f 'post ta' detenzjoni." Għaldaqstant, f 'ħafna każijiet, ma ssirx inkjesta maġisterjali għaliex il-pulizija (jew l-awtoritajiet) ma jidhrilhomx li għandha ssir waħda. Hija ħasra li minkejja li issa ilna ħamsin sena ndipendenti, mhux talli l-ebda gvern ma ħass il-ħtieġa li jwessa' l-poteri tal-maġistrati inkwirenti ħalli nitilqu mill- passat kolonjali, talli riċentement l-parlament għadda emenda li għamilha ferm aktar diffiċli li xi individwu jagħmel rapport li jagħti lok li ssir inkjesta maġisterjali. Issa, jekk xi ħadd li mhux il-pulizija jew l-Avukat-Ġenerali jagħmel rapport lill-maġistrat tal-għassa, irid jidentifika fir-rapport il-persuna li jissuspetta li wettaq ir-reat u tali persuna għandu jiġi notifikat bir- rapport u jingħata l-opportunità li jwieġeb għalih. Sintendi, tali persuna ssir taf ukoll min irrapportah. U f 'każ bħal dan, il-maġistrat jintgħażel bix-xorti ħalli żgur ħadd ma jisfrutta l-fatt li jkun hemm xi maġistrat partikulari jagħmel l-għassa. Jidher ċar li f 'dan il-qasam hemm lok ta' riforma estensiva li tagħti aktar poteri lill-maġistrati inkwirenti, issaħħaħ ir-riżorsi umani f 'dan il- qasam u tiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadin f 'dan il-proċess. L-amministrazzjoni (tal-PN) mhux talli ma wriet l-ebda ħajra li twettaq tali riforma kemm ilha fil-poter, minkejja li din l-istituzzjoni wriet il-validità tagħha f 'każijiet jaħarqu bħal dak ta' Pietru Pawl Busuttil, talli għaddiet emenda sabiex ikun ferm aktar diffiċli li ssir inkjesta jekk mhux mill-pulizija. L-oppożizzjoni Laburista fl-aħħar elezzjoni wegħdet li l-maġistrati inkwirenti jingħataw il-poter awtomatiku li jinvestigaw każijiet ta' korruzzjoni. Dan mhux biżżejjed u tali poter għandu jiġi estiż għal kwalunkwe reat. Mhuwiex aċċettabli li maġistrat inkwirenti jitqabbad jagħmel inkjesta fuq serqa ta' mitejn ewro jew ħabta bejn żewġ karozzi imma ma jiġix involut f 'każ fejn allegatament twettaq frodi ta' somom kbar ta' flus għad-danni tad- dipartiment tal-VAT. Ejjew naraw liema politiku se jaċċetta din l-isfida, sfida li tirrikjedi kuraġġ kbir. Riforma f 'dan il-qasam ikun sinjal importanti ta' emanċipazzjoni politika li turi l-maturità tad-demokrazija tagħna." Minn dakinhar 'l hawn, inbidel il-gvern imma s-sitwazzjoni baqgħet ma nbidlitx. Il-gvern Laburista ħatar Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja li fl-ewwel dokument għall-konsultazzjoni pubbliku stqarret li "Għandu jiġi kkunsidrat jekk ikunx hemm pool ta' Maġistrati, xi erbgħa jew ħamsa, li xogħolhom ikun biss li jaqdu doveri ta' Maġistrati Inkwirenti biex b'hekk l-inkjesti maġisterjali jkunu jistgħu jitħaffu." Mid-dehra din m'għoġbotx lill- maġistrati u r-rapport finali tal- Kummissjoni nbidel sabiex jitneħħa l-Maġistrat Inkwirenti u r-rwol tiegħu jgħaddi lill-Prosekutur Ġenerali. Sakemm il-Prosekutur Ġenerali ma jkollux l-istess indipendenza mill-eżekuttiv bħalma għandha l-ġudikatura, l-abolizzjoni tal-istitut tal-Maġistrat Inkwerenti flok ma dan l-istitut jissaħħaħ ikun pass verament lura flok 'il quddiem. Il-fatti ta' din il-ġimgħa wrew daqs qatt qabel li l-Pulizija ma jistgħux jiġu fdati b'investigazzjonijiet delikati li jistgħu jinvolvu membri tagħhom stess jew tal-ministeru jekk ma jkunux taħt id-direzzjoni ta' Maġistrat Inkwirenti jew ta' kwalunkwe struttura alternattiva li jkollha awtonomija sħiħa u effettiva mill-Eżekuttiv. L-awgurju tiegħi ta' ħames snin ilu għadu jgħodd illum bħal qatt qabel imma qalbi tħebberni li se nibqa' diżappuntat. Dan l-artiklu nkiteb qabel mal-Prim Ministru ddeċieda li jaħtar inkjesta. Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph biex taġġorna ruħek b'dak li qed jiġri fid-dinja ta' madwarna. Bejn inkjesta u oħra JOE ELLIS "F'pajjiżna l-maġistrat m'għandux is-setgħa li jaqbad u jibda nkjesta hu"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 23 November 2014