Illum previous editions

illum 23 November 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/421392

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 39

24 illum | Il-Ħadd 23 ta' Novembru 2014 META konna ħsibna li ngħad dak kollu li kellu jingħad dwar il-maltempata li nqalgħet mar- riżenja tal-Arċisqof Cremona, ipprovokata, talinqas parzjalment, minn attakki li varaw saċerdoti magħrufin fil-mezzi tax-xandir, il-programm Reporter li jmexxi Saviour Balzan (TVM) kellu murtal qawwi x'jisplodi: sirna nafu mir- reverendu Renè Camilleri, uffiċjal għoli fil-ġerarkija tal-Kurja Maltija, li l-Knisja lokali ilha maħtufa mill- istess "kukkanja" għal dawn l-aħħar tletin sena. Dan il-fatt dejjem kien suspettat minn ħafna nies, min- nagħaġ tal-merħla, iżda qatt ma kellna dikjarazzjoni daqshekk ċara u tonda. F'Reporter saru mistoqsijiet importanti li baqgħu bla tweġiba. Pereżempju, Dr Ramona Frendo, opinjonista residenti fil-programm, staqsiet min fil-Knisja jista' jneħħi din il-kukkanja? Iżda Dun Renè skappa d-domanda, minkejja r-rabja u t-ton tal-akkuża li għamel. Ma' Dun Renè kien mistieden Dun Ġorġ Dalli, li kważi dejjem tista' tantiċipa x'se jgħid, għax għandu l-istess mantra minn stazzjon għall- ieħor, u allura, ir-rettorika tiegħu saret pallida u mingħajr effett. Saviour Balzan: Hemm xamma ta' bidla fil-Knisja lokali jew le? Hemm pressjoni dwar min għandu jsir Arċisqof (wara Mons. Pawl Cremona)? Mill-ġdid is-silenzju. Minkejja d-diskors battal kollu dwar Knisja "viċin in-nies", hu ċar li f 'Malta għadha tirrenja l-Knisja tas-sagristija, tas-sinagoga. Ebda reverendu mhu kapaċi jagħti risposta ċara kif Ġesù Kristu se jkun qed jitlaqqa' mal- bniedem tal-lum. Kollox vag, kollox fis-sħab. Kollox paroli fuq paroli. L-awtur u opinjonista Immanuel Mifsud ħareġ brimba kbira mill- kaxxa. Nikkwotah: "Jien ma nistax nidentifika ruħi ma' Knisja li taċċetta l-kompliċità mal-oxxenitajiet pagani li jsiru fil-festi parrokkjali." L-intervent ta' Mifsud hu importanti għaliex rari jkun hemm awtur jew artist li jkun mistieden jagħti fehmtu fi programm ta' affarijiet kurrenti. Balzan kellu l-kuraġġ jistieden awtur intelliġenti u Mifsud kellu l-kuraġġ jitkellem kif tkellem. Dwar kif il-Knisja tilfet kull kontroll fuq il-festi marbutin ma' statwi tal-kartapesta, jien ili snin twal nitkellem u nqabbilhom mal- bakkanalji tal-qedem. Iżda għad baqa' saċerdoti li jiktbu paġni sħaħ fil- gazzetti, li jiġġustifikaw l-abbandun estravaganti f 'dawn il-festi. U meta Mons. Gouder ipprova jkun oġġettiv u jirrazzjonalizza s-suġġett fuq programm popolari televiżiv, kważi "tkeċċa" mill-programm, fost rabja u bbuwjar tal-"insara" fl-istudio. Mifsud wera wkoll kif il-Knisja tibgħat messaġġi konfliġġenti: hemm il-Knisja ta' San Franġisk u hemm dik tad-dehbijiet u ċ-ċerimonji. Dwar il-festi, Dun Renè għamel l-aħjar intervent tiegħu tul il- programm kollu: Il-festi huma sintomi determinanti tal-infantiliżmu tagħna. Il-Knisja torbot fuq il-festi għax hemm vojt, trid timla' bihom. Hekk hu. Imma l-problema hi li ħadd m'għandu idea kif se jġedded il-Knisja, kif se "jerġa' jivvinta" konkretament il-missjoni tagħha għas-seklu XXI. Il-verità hi li mhux veru hemm kontenut spiritwali fil- Knisja ta' Malta. Il-perċezzjoni hi li l-Knisja toffri biss kontenut kulturali, forsi l-aktar l-aktar, kontenut folkloristiku-devozzjonali. Skont sondaġġ tal-Malta Today, il- Maltin jippreferu l-ikel qabel il-Knisja biex jispjegaw l-identità tagħhom. Żaqqhom qabel ruħhom. IL-MOVIMENT KERYGMA: L-ISKANDLU TAD-DIRETTUR Bl-iskandlu ġdid li allegatament ħoloq Patri Charles Fenech, id-Dumnikan li kien waqqaf il- Moviment Kerygma fl-1984, il-Knisja Maltija kompliet ħadet skossjatura kbira oħra. Żgur li Kerygma qatt ma kellha tfisser il-korruzzjoni ta' nisa vulnerabbli f 'atti ta' sess orali ma' patrijiet Dumnikani. U ma setax jonqos li d-dettalji li bdew ħerġin fil-mezzi tax-xandir dwar ir- relazzjonijiet tal-mexxej tal-Kerygma f 'Malta rrabbjaw lill-fidili u komplew ifarrku l-kredibilità tal-Knisja lokali. Ir-rabja kompliet ikkargat meta sar magħruf li r-Response Team tal-Knisja żamm omertà sħiħa dwar l-iskandlu, sakemm il-każ beda ħiereġ fil-mezzi tax-xandir. Jidher li kien hemm kumplott sħiħ fi nħawi kurjali u fl-Ordni Dumnikana biex l-iskandlu ma jinkixifx. U kien hemm anki tentattivi biex jinxtara s-skiet b'eluf kbar ta' flus permezz ta' nħawi li dejjem ipprietkaw minn fuq l-għolja tal-"morali" (sic) u l-"messaġġ profetiku." Issa, min ma jemminx żied iċ- ċiniżmu tiegħu u min għadu jemmen irid jara kif se jirrikonċilja ruħu ma' Knisja korrotta, liebsa ta' imperatriċi giddieba ipokrita. Le. Kristu mhux dak. Kristu mhux hekk. Il-ġudijiet għadhom jittraduh sal-lum. Anki għas-sess orali ma' nisa fuq kura mentali. U nerġgħu naslu għall-mistoqsija importanti fil-programm Reporter: Fil-Knisja min se jdewweb il- kukkanja? Min se jifdi l-Knisja u jwassalha "lejn il-verità"? Min se jipproklama Kerygma mingħajr skandli li jkomplu jriegħdu l-pedamenti? Fil-każ ta' Patri Fenech, l-Ordni tad-Dumnikani, mill-Isqof Emeritu 'l isfel, għażlet l-omertà. Ebda diskussjoni fuq il-mezzi tax-xandir Dumnikan, bħal Radju Marija, operat mid-Dumnikani tar-Rabat ta' Malta. Aħjar ir-rużarju għall-anzjani mill- ftuħ, id-dixxerniment u d-djalettika dwar l-iskandlu tal-patrijiet. Nota: (Kerygma, mill-Grieg, tfisser "il-proklamazzjoni tal-messaġġ" tal- att deċisiv tas-salvazzjoni fil-mewt u r-reżurezzjoni ta' Kristu (Rum.16:25; I Kor 1:21). Kerygma tfisser ukoll il-kelma mnebbħa ta' profeta (Is 16:1). Fl-1930 tnisslet it-teoloġija kerygmatika minn uħud bħal Franz Lakner u mbagħad Hugo Rahner, Joseph Jungmann u oħrajn. F'REPORTER: KUKKANJA FIL-KNISJA Il-Kurja ta' Malta: il-faċċata li tgħatti x-xquq u l-intriċċi "Le. Kristu mhux dak. Kristu mhux hekk. Il-ġudijiet għadhom jittraduh sal-lum. Anki għas-sess orali" MEDIASPOT MINN MARIO AZZOPARDI

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 23 November 2014