Illum previous editions

illum 30 November 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/424607

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 39

Il-Ħadd 30 ta' Novembru 2014 | illum 21 F orsi tajjeb li lkoll nieħdu pawsa mill-politika lokali u naraw ftit x'qed jiġri lil hinn mix-xtut tagħna. Verament ta' skantament kif sitt xhur biss wara rebħa enormi fl-elezzjonijiet Ewropej b'marġini simili għal dak tal-Elezzjoni Ġenerali ta' sena qabel, il- Gvern Laburista jinsab tant taħt pressjoni minn oppożizzjoni rinvigorata li skopriet mexxej li qed jikkultiva d-dimensjoni umana u jikxef il-lat emottiv tiegħu u jingħaqad b'mod aktar effettiv mal- vutant-ċittadin. Imma l-enerġiji ġodda tal-Partit Nazzjonalista m'humiex biżżejjed sabiex jispjegaw id-diffikultajiet li jinsab fihom il-Gvern: huwa ċar li l-prestazzjoni ta' bosta ministri m'hix tilħaq l-aspettattivi u bejn il-paroli u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. L-uġiegħ ta' ras għall-Prim Ministru jidhru li qed jikbru u l-anqas m'hu daqshekk evidenti x'tibdiliet irid iwettaq fl-iskwadra tiegħu. Imma tibdiliet żgur ser ikollu jwettaq, għal raġuni jew oħra, anke istituzzjonali, u wieħed irid jara kif il-kowċ ser jiskjera l-aħjar formazzjoni possibli sabiex mhux biss jitnaqqsu l-awtogowls li qed jikkonċedi t-tim, imma anke nibdew naraw xi gowl. Imma daqshekk għal-lum fuq is- sitwazzjoni lokali. Il-figuri li l-Eurostat ippubblika nhar il-Ġimgħa ma tantx huma sbieħ u l-ekonomija kemm fl-UE kif ukoll fiż-Żona Ewro għadha f 'qagħda mwiergħa. Il-qgħad fl-UE f 'Ottubru baqa' fil-livell ta' 11.5%, kważi ħaddiem minn kull tmienja. Madankollu, din il-figura taħbi differenzi kbar bejn pajjiż u ieħor: il-qgħad jinsab fil-livell ta' 4.9% fil-Ġermanja u 5.1% fl-Awstrija mentri hija ta' 25.9% fil-Greċja u 24% fi Spanja. Madankollu, fi 22 pajjiż ir-rata ta' qgħad fl-aħħar sena naqset, mentri, f 'ħamsa oħra żdiedet, bl-ogħla żidiet jiġu reġistrati fl-Italja (minn 12.3% għal 13.2%) u l-Finlandja (minn 8.3% għal 8.9%). B'kollox, hemm 24.413m nies qiegħda fl-UE28, daqs il-popolazzjoni tal-Olanda u l-Iżvizzera flimkien. Minnhom, 18.395m jinsabu fiż-Żona Ewro. Il-figuri tal-qgħad juru żieda fl-aħħar xahar ta' 42,000 fl-UE28 u 60,000 fiż-Żona Ewro. Min-naħa l-oħra, f 'Malta r-rata ta' qgħad kienet ta' 5.6% fl- aħħar ta' Ottubru, fost l-anqas fl-Ewropa waqt li bosta negozji qed jilmentaw li qed isibuha ferm diffiċli jsibu ħaddiema. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, is-settur privat lokali qed ikollu jiddependi fuq ħaddiema barranin mentri l-Maltin spiss jagħmlu minn kollox sabiex jidħlu jaħdmu fis-settur pubbliku. Anke r-rata ta' inflazzjoni kompliet tħasseb lill-mexxejja Ewropej. Mentri għal żmien twil l-inkwiet kien jiġi mir-rata għolja ta' inflazzjoni, spiss akkumpanjata minn stanjazzjoni ekonomika, il-famuża stagflation, issa qed nirriskjaw l-istagdeflation, stanjazzjoni akkumpanjata minn deflazzjoni. F'Novembru, ir-rata ta' inflazzjoni kienet turi biss żieda ta' 0.3% fuq is-sena ta' qabel, tnaqqis minn 0.4% f 'Ottubru 2014. Madankollu, wieħed irid jgħid ukoll li fl-aħħar sena, il-prezz tal-enerġija niżel f '2.5% u jekk wieħed ineħħi l-fatturi li juru l-aktar volatilità, bħall-enerġija, ikel, xorb alkoħoliku u tabakk, l-inflazzjoni fiż-Żona Ewro baqgħet stabbli fir-rata ta' 0.7%, rata li turi d-domanda mgħaxxa li teżisti. Huwa evidenti li l-qagħda ekonomika m'hi xejn sodisfaċenti u l-persistenza ta' din l-istanjazzjoni ekonomika qiegħda tkebbes in-nirien tal- estremiżmu li partiti ta' natura populista jippruvaw jisfruttaw. Qiegħda wkoll tkabbar l-indifferenza lejn il-proċess demokratiku kif rajna fl-elezzjonijiet f 'żewġ reġjuni Taljani l-Ħadd li għadda b'anqas minn 50% tal-elettorat jindenja jmur jivvota. S'issa l-għajnuna li l-istat tal-welfare jagħti lil min jispiċċa bla xogħol evita ż-żieda tal-appoġġ lill- partiti u movimenti estremisti imma m'hemm l-ebda garanzija li jekk is- sitwazzjoni ma titjiebx fil-futur qarib, ma jkollniex repetizzjoni ta' dak li rajna fis-snin tletin bl-axxendenza ta' movimenti faxxisti fl-Ewropa. Minkejja li l-istituzzjonijiet demokratiċi huma ġeneralment f 'saħħithom, wieħed m'għandhux jissottovaluta l-periklu li tali istituzzjonijiet jaffaċjaw mill-issuktar tal- qagħda ekonomika preżenti fl-Ewropa. Il-problema hi li bosta gvernijiet qajla għandhom spazju fejn jiċċaqalqu bil-piż tad-djun li akkumulaw matul is-snin u l-biża' li jinkisru l-kriterji tat-trattat ta' Maastricht. Għaldaqstant, ftit huma dawk il-pajjiżi Ewropej li jistgħu jiddejnu aktar sabiex jistimulaw l-ekonomija tagħhom u dawk li bħal Ġermanja jistgħu, huma aktar mehdijin li jibbilanċjaw il-baġit tagħhom milli jimbarkaw fuq xi pjan ta' investiment pubbliku, speċjalment fil-qasam tal- infrastruttura li anke l-ekonomija f 'saħħitha Ġermaniża għandha bżonn. Verament diġà jeżistu bosta fondi nazzjonali u Ewropej li l-pajjiżi u r-reġjuni mhux dejjem jirnexxielhom jonfqu. Minħabba l-burokrazija li tali programmi jinvolvu, kif ukoll anke xi kultant in-nuqqas ta' flus biex jikkoofinanzjawhom, bosta programmi ma jintużawx jew ma jiġux użati għal kollox. Imma kif diġà għidna, s-sitwazzjoni attwali qajla hi sostenibbli u anke qabel ma daħlet fl-inkariku l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida fil- bidu ta' dan ix-xahar, il-kap tagħha, l-eks-Prim Ministru, eks-Ministru tal-finanzi Lussemburgiż u eks-kap tal-Ewrogrupp tal-ministri tal-finanzi Ewropej, Jean-Claude Juncker wiegħed li l-Kummissjoni l-ġdida sejra tniedi programm ta' investiment pubbliku sabiex jistimula l-ekonomiji moribondi Ewropej. Ftit huma dawk li jiddubitaw il-ħtieġa ta' tali programm. L-Ewropa għaddejja minn perjodu qajla feliċi; anke l-Papa Franġisku fid-diskors li ta lill-Parlament Ewropew nhar it-Tlieta li għadda ma qagħdx jomgħod il-kliem u qal li l-Ewropa għandha bżonn ta' impetu u enerġija ġdida għax spiss tidher "anzjana u milgħuba". "Bħala riżultat, l-ideat il-kbar li darba ispiraw 'l-Ewropa jidhru li tilfu l-attrazzjoni tagħhom u ġew sostitwiti bit-teknikalitajiet burokratiċi tal-istituzzjonijiet," kompla l-Papa. Il- kwisjoni hi li ġaladarba l-Ewropa nieqsa minn statisti ta' spessur, bl-eċċezzjoni possibli ta' Frau Merkel, sabiex iqajmu l-kontinent mill-qagħda kritika li jinsab fiha, jekk Juncker u l-Kummissjoni tiegħu għandhomx l-istatura meħtieġa sabiex jimlew il-vojt ideoloġiku li ħakem l-Ewropa, u mhux biss, fejn bosta drabi l-politika hi determinata mis-'sound-bite', mit-'tweet' u mid-dehra teleġenika tal- politiku u qajla mis-sustanza tal-ideat. Il-programm li nieda Juncker nhar l-Erbgħa, ser ikun determinanti sabiex titwieġeb din il-mistoqsija. L-idea tal-inizjattiva tal-Kummissjoni, il- Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku (FEIS) hi sabiex timmobilizza l-likwidità li teżisti fl-Ewropa, ħafna minnha injettata mill-Bank Ċentrali Ewropew biex isaħħaħ il-bilanċi tal- banek, u tistimula l-ekonomija. F'dawn l-aħħar snin ta' karestija, l-investiment pubbliku fl-infrastruttura kien ferm baxx. Is-sena l-oħra, tali investiment fiż-Żona Ewro kien biss 2% tal-PGD, nofs dak Amerikan. Juncker irid ibiddel is-sitwazzjoni u permezz tal-FEIS irid iżid l-investiment fl-infrastruttura tat- trasport, tal-enerġija u tal-konnettività diġitali. Juncker qed jittama li l-FEIS ser jimmobilizza infiq totali ta' €315bn biex joħloq 1.3m impjiegi ġodda. L-għan hu li grupp ta' esperti indipendenti ser jidentifika proġetti potenzjali anke fl-oqsma tal-edukazzjoni u riċerka u żvilupp filwaqt li l-burokrazija ser titnaqqas sabiex titjieb il-klima ta' investiment. Madankollu, bosta kkritikaw dan il-programm bħala wieħed inadekwat. Effettivament, il-flus involuti huma ferm anqas mit-€315bn li seraq ix-xena. Kulma ser toħroġ il-Kummissjoni hu €16bn u dan ġej minn dak li baqa' minn programmi oħra li ma ntefqux. Il-Bank ta' nvestiment Ewropew ser joħroġ €5bn oħra sabiex il-€21bn disponibbli ser jippermetti lil BIE, li s'issa qgħad ferm attent kif isellef biex ma jitlifx it-'Triple A' rating tiegħu, jsellef €63bn. Dan il-finanzjament, skond Juncker, ser jippermetti l-utilizazzjoni totali ta' €315bn f 'kapital li l-investituri istituzzjonali fil-preżent m'għandhomx żvog fejn jutilizzaw. Huwa fatt li d-domanda għall-kreditu fl-Ewropa hija batuta. Dan jista' jkun kemm minħabba l-fatt li l-banek jibżgħu jsellfu aktar lill-azjendi midjunin sa ruħ ommhom kif ukoll minħabba anqas aptit għall-investiment. Imma jekk verament ser jiżdied l-investiment pubbliku fi proġetti ta' ħtieġa mingħajr ma jiżdied id-dejn tal-pajjiżi individwali, il-programm tal-Kummissjoni Ewropea jista' tassew ikun ta' fejda kbira. Imma wieħed irid iżomm quddiem għajnejh għala dan il-programm laqqat ħafna kritika: il-flus disponibbli huma biss 0.8% tal-PGD Ewropew fuq medda tat-tliet snin li ġejjin li matulhom dan il-programm ser ikun fis-seħħ. Madankollu mil-lat pożittiv, permezz tal-inizjattiva tal-Kummissjoni l-BEI ser ikun koinvolt fl-irxuxtar tal-ekonomiji Ewropej. Il-piż mhux ser jibqa' biss fuq l-BĊE li dejjem qiegħed jirrilassa l-politika monetarja tagħha b'mod u manjiera li kien impensabbli sentejn ilu. Dan il-programm ser jippermetti wkoll lill-istati membri jistimulaw l-ekonomiji tagħhom mingħajr ma jirrilassaw il-politika fiskali tagħhom. Anzi mid- dħul li dan l-investiment ser jiġġenera, ser ikunu f 'posizzjoni aħjar li jwettqu r-riformi strutturali li huma meħtieġa. Investiment pubbliku pan-Ewropew flimkien ma' politika monetarja fiż- Żona Ewro aktar espansiva u riformi strutturali tal-pajjiżi individwali jistgħu jkunu l-botox li x-xiħa Ewropa għandha bżonn biex teħles mit-tikmix li rikibha f 'dawn l-aħħar snin. Juncker għamel imħatra: jekk ma tirnexxiex, ikun ikkonferma l-opinjoni ta' bosta, inkluż is-sottoskritt, li ma kienx il-persuna ideali għal din il-kariga f 'dan il-mument tassew delikat. Jekk tirnexxi, jwiegħed lid-detratturi tiegħu u jinżel fl- istorja bħala l-persuna li ħareġ lil Ewropa mill-fondoq li tinsab fih. Segwini fuq Twitter @ellisjoseph jew fuq Facebook għall-aġġornamenti mid-dinja ta' madwarna. L-Imħatra ta' Juncker JOE ELLIS "L-Ewropa spiss tidher anzjana u milgħuba" - Il-Papa Franġisku

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 30 November 2014