Illum previous editions

illum 7 December 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/429116

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 35

Il-Ħadd 07 ta' Diċembru 2014 | illum 9 ssuspettaw xejn għax ħasbu li kien taqlib normali. Qabel ma telgħu t-taraġ li hemm fuq ix-xellug kif tidħol fir-razzett, liema taraġ jagħti għall-għorfa, il-Pulizija reġgħu sejħu lil Ġanni, iżda għal darb'oħra ma kienx hemm risposta. Għaldaqstant il-Pulizija talbu lill-infermiera biex tibqa' tistenna isfel sakemm huma jitilgħu t-taraġ u kif fetħu l-bieb raw lil Ġanni Grixti fuq is-sodda wiċċu 'l fuq u bil-flokk ta' taħt tiegħu stess imdawwar m'għonqu. Huwa kellu jdejh u saqajh marbutin. Il-mod kif instab il-katavru tal-anzjan kien jindika li ma kienx bniedem waħdu li wettaq dan id-delitt faħxi. Fl-istess kamra fejn instab l-anzjan kien hemm ħafna taqlib. Il-kxaxen kienu kollha miftuħin u ħafna minn dak li kien hemm fihom spiċċaw fl-art u fuq għamara oħra. Kien evidenti li l-anzjan kien spiċċa vittma ta' ħallelin li biex isikktuh mhux biss aggredewh imma wkoll fgawh bil-flokk ta' taħt tiegħu stess. Grixti x'aktarx li pprova jiddefendi lilu nnifsu waqt li kien qed ikun imsawwat. Huwa kellu daqqiet fuq wiċċu kif ukoll f 'partijiet oħra ta' ġismu. Jidher li kif il-qattiela raw li Grixti ma beżax minnhom, żammewh u dawrulu l-flokk ta' taħt ma' għonqu u bdew jissikkawh sakemm intilef minn sensih u miet fgat bi ħwejġu stess. Meta l-Pulizija komplew iduru fir-razzett ta' Ġanni Grixti sabu aktar taqlib. Mhux magħruf x'setgħu serqulu, imma l-qattiela kellhom il-ħin kollu tagħhom biex iqallbu u jfittxu mingħajr ebda xkiel ta' xejn. Dan għax fejn jinsab ir-razzett ma kien hemm l-ebda djar oħra, kif fil- fatt għadu hekk sal-lum. It-triq hija dik li minn Ħal Far tagħti għal Birżebbuġa u r-razzett jinsab inqas minn żewġ kilometri 'l bogħod mill-Port Ħieles. Il-mod kif instab il-katavru ta' Grixti, il-Pulizija jemmnu li meta daħlu fuqu l-kriminali, huwa kien jew rieqed jew diġà fis-sodda. Għalkemm kien ġie stabbilit li l-anzjan kien ilu madwar jumejn mejjet, l-investigaturi ma setgħux jgħidu jekk il-qattiela daħlux fuqu matul il-lejl jew ftit wara li dalam. Daħlu mit-trejqa Minħabba li l-investigaturi ma kinux sabu sgass fil-bieb ta' quddiem tar-razzett ta' Grixti, qatt ma eskludew li l-qattiela daħlu billi qabżu ċint li hemm fi Triq tal-Papa kantuniera ma' Triq Ħal Far. Minn hemm jidher li telgħu t-taraġ li jagħti għall-għorfa fejn kien jorqod Grixti u ħasdu lill-anzjan li x'aktarx kien diġà rieqed jew kien lest biex jidħol fis-sodda. Wara li ħelsu mill-anzjan il-qattiela setgħu jkomplu jqallbu l-post. Mhux eskluż ukoll li dawn reġgħu ħarġu minn fejn daħlu u setgħu ħarbu kemm mit-triq prinċipali lejn Birżebbuġa jew bil-kontra lejn Ħal Far, jew jekk saqu fi Triq il-Papa, din tagħti wkoll għal Birżebbuġa lejn l-inħawi ta' Wied il-Buni. B'dan l-omiċidju kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr David Scicluna li mexxa l-inkjesta. Bħala esperti, kienu nħatru fuq dan il-każ il-Perit Richard Aquilina u Dr Anthony Abela Medici flimkien mal- Uffiċjali tax-Xena tar-Reat. L-investigazzjonijiet tal- Pulizija tmexxew mill-eks Spettur Nicholas Ciappara. Persuni li kienu tkellmu mal-Pulizija stqarrew li l-aħħar darba li kienu raw lil Ġanni Grixti kien l-Erbgħa jew il- Ħamis ta' qabel instab maqtul. Ma ngħatax importanza minħabba l-politika Meta kont qed nagħmel ir- riċerka dwar dan l-omiċidju, sfortunatament ftit li xejn sibt informazzjoni. Dak iż-żmien, fl-1986, pajjiżna kien għaddej minn kampanja politika ħarxa u anke mumenti ta' tensjoni. Kien żmien meta l-Pulizija kienu impenjati b'argumenti jaħarqu u anke bombi ma' diversi postijiet. L-attivitajiet politiċi kienu aktar importanti minn kull ħaġa oħra. Dawn l-attivitajiet politiċi kienu qegħdin iwasslu għall-Elezzjoni Ġenerali tal-1987, li kienet waħda mill-aktar Elezzjoni Ġenerali "taħraq" fl-istorja ta' pajjiżna. Għaldaqstant l-aħbar ta' qtil ta' anzjan li kien jgħix waħdu, li nqatel biex jisirquh, ftit li xejn ingħatat importanza għaliex il-ġurnali kienu aktar mimlijin bl-istejjer marbutin max-xena politika. Sorsi qrib il-Korp tal- Pulizija qalulna wkoll li anke l-Pulizija ma kinux ħlew ir-riżorsi tagħhom fuq dan l-omiċidju għax kienu huma wkoll impenjati biex iżommu l-ordni fil-pajjiż kif ukoll biex jinvestigaw dawk "ir-reati politiċi" li kienu qegħdin iseħħu ta' kuljum. Aktar omiċidji Barra l-attivitajiet politiċi u l-problemi li ġew magħhom li ħallew lill-Pulizija impenjati, inqas minn ġimagħtejn wara kien seħħ omiċidju ieħor meta fil-25 ta' April f 'Ħal Qormi nqatel Carmel Micallef. Aktar qabel, fit-28 ta' Frar kien hemm qtil ieħor, dak ta' Emanuel Micallef fil-Għargħur u aktar tard – fit-30 ta' Ottubru nqatlet Maria Stella Magrin f 'Bormla, fid-9 ta' Diċembru fl- Għarb, Għawdex inqatel Frenċ Vella. Dawn l-omiċidji kollha solvuti mill-Pulizija u anke tressqu persuni l-Qorti. Fil-5 ta' Diċembru tal-istess sena kien inqatel Raymond Caruana fil-każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Gudja, qtil li għadu mhux solvut u li wkoll ingħata t-timbru ta' qtil politiku. B'dawn id-delitti, il-Pulizija ma kellhomx biex ikomplu jinvestigaw il-qtil tal-anzjan Ġanni Grixti. Tkellimna ma' qariba tal- vittma Ippruvajna nsibu lil xi ħadd li jiġu minn Ġanni Grixti. Fl-aħħar jiem sibna lil Ċettina Farrugia ta' 69 sena minn Birżebbuġa stess. Ċettina hija l-mara tan-neputi tal-vittma, li ftit tax-xhur ilu tilfet lil żewġha. Ċettina qaltilna li peress li z-ziju ta' żewġha kien jgħix waħdu u hemm distanza minn fejn toqgħod hi u r-razzett ta' Ġanni, ftit li xejn taf fuqu. Hija qalet li meta sabuh mejjet ma kinux tħallew jersqu lejn il-post u għalhekk ma setgħetx tiddiskrivilna x-xena li sabu l-Pulizija. Dwar Ġanni Grixti, hija qaltilna li tiftakru jaħdem fir-raba' imma meta kien iżgħar ma tafx eżatt x'kien jagħmel. Mistoqsija jekk tafx x'kienu serqulu jew jekk kellux x'jisirqulu, Ċettina Farrugia stqarret li l-anzjan kien ta' għalih waħdu u ħafna mill-ħin kien iqattgħu fir-razzett. Hija qalet li kellu ħutu, illum mejtin, imma rrepetiet li ftit li xejn kienet taf dwar il-ħajja taz-ziju tar-raġel tagħha. Ir-razzett ta' Grixti qed tieħu ħsiebu l-istess Ċettina fejn il- post qed jinżamm f 'kundizzjoni tajba. Il-mara tmur darbtejn kuljum fir-razzett biex tieħu ħsieb xi klieb u qtates. Nuqqas ta' koperazzjoni Ippruvajna naraw kif il- Korp tal-Pulizija seta' b'xi mod jgħinna dwar dan il-każ mingħajr ma jiżvelaw xi tip ta' informazzjoni li tista' tfixkel l-investigazzjoni tagħhom. Għamilna talba, ġejna mwegħdin li se jikkooperaw għal aktar minn darba, iżda sfortunatament sibna 'bieb magħluq' u l-ebda koperazzjoni. 'Birżebbuġa fl-1986 Nifhmu li għaddew aktar minn 28 sena minn fuq dan l-omiċidju, iżda minkejja dan jista' jkun li xi ħadd seta' kien għaddej mill- inħawi u nnota xi ħaġa. Bħalma qed nagħmlu ma' kull storja ta' delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in- numri 119 jew 21224001. Appell twarrab minħabba x-xena politika Ir-razzett fejn inqatel Ġanni Grixti Ritratti: John Pisani …il-qattiela kellhom il-ħin kollu tagħhom biex iqallbu u jfittxu mingħajr ebda xkiel ta' xejn. Dan għaliex fejn jinsab ir-razzett m'hemm l-ebda dar oħra…

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 7 December 2014