Illum previous editions

illum 14 December 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/433163

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 35

TGĦID Malta laħqet l-għanijiet repubblikani tagħha matul dawn l-aħħar 40 sena? Fil-fehma tiegħi, tneħħi bidliet statutorji, l-ispirtu Repubblikan – bħal dak Indipendenti – baqa' lura. Mhux tant għax il-karatteristiċi kolonjali minnhom infushom idumu ħafna biex jgħibu daqskemm minħabba n-nuqqas ta' rieda li rridu nbiddluhom. Il-ġrajja Maltija fi ħdan l-Imperu Brittaniku hija parti mill-istorja tagħna. Din ħadd ma jista' jiċħadha. Matul kważi żewġ sekli, bosta Maltin ħassew u fehmu li l-ġejjieni tagħhom kien assigurat fix-xibka imperjali li kienet tkopri l-kontinenti kollha – tant hu hekk li barra t-territorju tagħna fil-Mediterran, il-Maltin u l-Għawdxin kellhom aċċess ta' emigrazzjoni għal artijiet oħra, xi wħud imbiegħda daqs l-Awstralja u oħrajn eqreb daqs il-Gżejjer Joniċi u l-Ġibiltà. Fi ħdan l-Imperu, Malta sabet postha mal- kolonji l-oħra u ħassitha parti minn familja taħt kap wieħed, il-monarkija Ingliża. Aktar minn hekk, ma' dawn il-pajjiżi tat sehemha fi gwerer dinjija u fasslet l-amministrazzjoni u l-istrutturi soċjo-ekonomiċi tagħha fuq il-mudell Ingliż. Dan baqa' sejjer sal- kostituzzjoni indipendenti nnifisha li ġiet imfassla mal-Ingliżi. Kellna nistennew sal-1974 biex il-maġġoranza assoluta tal-parlamentari Maltin ħarġet b'kostituzzjoni li takkomoda iżjed l-istat li xtaq u beda jsib triqtu lil hinn mix-xatba Brittanika. Għeja Ċelebrattiva Kull sena, l-anniversarju tar-Repubblika jinzerta jiġi mħares wara l-festi Nazzjonali l-oħra kollha. Aktar minn hekk, jiġi fil- qalba ta' diskussjoni taħraq dwar in-nefqa annwali tal-Gvern u preċiż qabel il-Milied. Minħabba li kienu għaddew għaxar snin tondi tondi wara l-Indipendenza, dawn iż-żewġ anniversarji kbar ukoll jinzertaw flimkien għal festi speċjali – bħal din is-sena. Fi kliem ieħor dan ifisser li t-tempiżmu f 'Diċembru ma tantx jista' jgħin għal xi entużjażmu partikolari għax il-poplu jkun diġà qed ibati minn għeja ċelebrattiva. Din is-sena, kemm Jum ir-Repubblika u kemm Jum l-Indipendenza, għall- ewwel darba, ġew imfakkra f 'atmosfera ta' anqas diviżjoni – anzi wieħed jista' jinnota li ż-żewġ festi, bis-saħħa ta' promozzjoni pożittiva mill-Gvern tal- ġurnata, resqu u ppruvaw inessu kull forma ta' pika bejn min ġab xiex għall- ġid ta' kulħadd. Il-politiċi Maltin, fl-aħħar bdew jifhmu li dak li żergħu l-Ingliżi, il- firda fost il-mexxejja, mhix it-triq ideali għall-futur. Ħasra li din l-atmosfera paċifika nazzjonali fi żmien l-Indipendenza dis-sena ġiet imxellfa bil-preżenza tal-Prinċep Ingliż li għada pitgħada għad ikun ir-re tal- pajjiż li minnu stinkajna biex ninqatgħu. L-idea Repubblikana f 'Malta, wara r-Rumani, kienet ħajja ħafna fi żmien il-Franċiżi. Tradizzjonalment bis-saħħa tar-rivoluzzjoni Franċiża, l-ħsieb Repubblikan hu assoċjat ma' nazzjonaliżmu, militanza u sens ta' kburija b'dak li jaf jagħmel u jħoss il-poplu. F'Malta l-kisba tar- Repubblika fl-1974 għenet ħafna biex tiġi msawra identità aktar indipendenti minn dik li nħolqot wara l-Indipendenza. Il-kwistjoni tas-snin sebgħin fuq l-estensjoni tal-bażi tal- Forzi Brittaniċi għenet ukoll biex tqajjem sentimenti nazzjonali meta rajna lill- Ingliżi jwebbsu rashom għax ma ridux joħorġu dak li pajjiżna kien qed jippretendi wara li kienu għammxulna għajnejna fis-snin erbgħin meta tawna l-George Cross u wikkewna bih fuq il-bandiera sal-lum. Liturġija Repubblikana Il-liturġija repubblikana hekk kif imfassla minn Mintoff fis-snin sebgħin u tmenin, daħlet b'mod jew ieħor b'aktar qawwa fil-pajjiż meta tfaċċat perċezzjoni ċara li l-Ingliżi fostna m'għadhomx superjuri, m'għadhomx jistgħu jħossuhom xi ħaġa aħjar mill-bqija tal-Maltin mhux biss għax konna indipendenti imma wkoll għax ftit ftit tneħħewlhom ħwejjeġ li permezz tagħhom kienu għadhom f 'pożizzjoni li jinfluwenzaw il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin minn xandir, munita, kommunikazzjoni sa difiża. Il-Maltin imqar jistennew fi kju għand tal-grocer ma kellhomx iżjed għalfejn jiġu umiljati meta Ingliż jaqbeż lil kulħadd u jiġi milqugħ qisu iben l-allat. Sa dak iż- żmien konna għadna pronti nindirizzaw Sir lil kull bjond għal kull ħaġa ta' xejn qisna sudditti ubbidjenti. Din il-liturġija saret permezz ta' diversi ħwejjeġ. Meta l-Libja għenet fis- sostenn finanzjarju sakemm intemmu n-negozjati, swiet biex nagħrfu li jeżistu ġirien eqreb u forsi aktar galantomi minn ħaddieħor. Meta fis- sistema edukattiva daħal l-Għarbi (ukoll jekk iddaħħal b'mod mgħaġġel u minn għalliema Għarab li mhux dejjem kienu ppreparati daqs kemm xtaqna) intbaħna kemm ilsienna hu Semitiku. Meta twaqqfu entitajiet nazzjonali importanti għall- ekonomija bħal Airmalta, Seamalta, Tugmalta, Enemalta ġiet enfasizzata Malta bħala brand tagħna anki fl-industrija u l-kummerċ u mhux iżjed biss dik barranija. Taqbel u ma taqbilx ma' dawn id- deċiżjonijiet minn aspetti oħra xorta jibqa' l-fatt li ħallew influwenza pożittiva fuq kif naraw lilna nfusna. Ma' dawn, wieħed ma jridx jinsa l-għadd mgħaġġel ta' monumenti fl-ispazju pubbliku li fakkru u għollew l-eroj tagħna, bħal vittmi tas-Sette Giugno, Dun Mikiel Xerri (ukoll jekk sar fuq inizjattiva privata imma f 'post prominenti), Vassalli u l-monument tal-Ħelsien u tal-Ħaddiem. Tneħħi busti u statwi ta' rġiel f 'qagħdiet varji iżda li jixxiebhu, li hi marda li m'hemmx li noħorġu minnha, Malta qajla ħasbet f 'monumenti li jwasslu messaġġi kollettivi tal-memorja nazzjonali. Biex tkompli tagħqad, minbarra l-monument tal-Assedju quddiem il-Qorti, il-belt kapitali tagħna tista' biss tiftaħar b'qatta' monumenti Ingliżi bosta minnhom bla sens fir-rabta tagħhom ma' pajjiżna jekk mhux biex jenfasizzaw is-superjorità ta' dawk li riedu jfakkruna f 'min kien jikkmanda, seba' armi rjali madwar il-Palazz tal-President Malti huma biżżejjed biex jaqtgħulek nifsek. Ispirazzjoni Nazzjonali Qatt ma fhimt għala l-maġġoranza tal-mexxejja Maltin fil-belt kapitali qishom beżgħu jintroduċu monumenti b'ispirazzjoni nazzjonali qisna għadna nibżgħu niftaħru b'rixna, anzi fl-2009 neħħejna l-martri tal-1919 u morna naħbuhom fis-siġar ta' Hastings. La dħalna l-Belt bil-monument tal-Indipendenza, la dħalna b'tar-Repubblika (għandu profil baxx ħafna għax qisha dik l-arma qatt ma kienet daqstant popolari) u l-anqas b'tal-Ħelsien. Ma nistax nifhem għala ma nistgħux naħsbu llum f 'monument li jgħaqqad lil kulħadd u jiġi spirat minn mogħdija ta' sekli twal li wasslitna għal dak li aħna llum – simboliku, forsi astratt, fl-idjoma tal- lum imma nazzjonali u allura repubblikan pereżempju fi Pjazza Repubblika minflok ir-Reġina Vittorja li wara kollox kienet ħadet post Vilhena fl-1891. Vittorja tkun f 'kumpanija aħjar Hastings. Ma nafx għaliex il- Barrakka ta' Fuq ma tiġix iddedikata lill-monumenti Maltin u sservi ta' pantheon rispettabli, ma nafx għaliex ma jsirx programm serju li jfassal parametri ta' kif għandu jkun żviluppat l-ispazju pubbliku fil-kapitali Maltija b'mod li jirrispetta u jgħolli s-simbolu tal-ogħla awtorità. Bini ġgantesk tal-parlament ma' dħul il- belt ma jagħmilx dan. Jien nemmen li Misraħ San Ġorġ għandu jissejjaħ Pjazza Malta b'għelm Malti flok l-arma monarkika Brittanika li wara kollox tfakkar biss il-gidba tal-1814. U din il-pjazza għandna nibżgħu għaliha billi nieqfu norganizzaw tined, fieri, swieq u divertiment f 'wesgħa li pajjiżi oħra quddiem palazz distint bħal dak bi ġrajja daqstant marbuta ma' dak li sawwarna jqisuh bħala spazju sagru li jistieden rispett, ċertu kwiet u solennità. U jekk se nerġgħu noħorġu s-suldati quddiem id-daħla tal-palazz forsi xi ħadd ifakkarhom li huma Maltin u qed jgħassu President Malti minflok li jibqgħu jagħtu l-ordnijiet bl-Ingliż. Qisu l-lingwa Maltija baqgħet tajba biss għall-kċina… u għat-traduzzjonijiet li ma jaqra ħadd minn Brussell. Charles Xuereb huwa l-awtur ta' France in the Maltese Collective Memory, Perceptives, Perspectives, Identities after Bonaparte in British Malta li se toħroġ it-tieni edizzjoni tiegħu fi ftit jiem oħra. Il-Ħadd 14 ta' Diċembru 2014 | illum 11 Wara 40 sena kemm aħna tassew repubblikani? Charles Xuereb Tined, fieri, swieq u divertiment f'dan il-misraħ iwaqqgħu s-solennità li jixraqlu l-palazz tal-president

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 14 December 2014