Illum previous editions

illum 14 December 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/433163

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 35

Il-Ħadd 14 ta' Diċembru 2014 | illum 15 isiru miżuri biex il-kawżi jgħaġġlu u jonqsu, "jekk tammetti l-akkuża waqt kumpilazzjoni tista' tiftihem il-piena minn qabel u din estendejnieha fil- qrati kollha u b'hekk f 'xahar toħroġ sentenza." Kompla jgħid li issa jekk hemm xhud li wkoll għaddej minn xi ġuri ieħor jista' jixhed f 'ġuri ieħor qabel tinqata' s-sentenza tiegħu. Bonnici qalli li dan kollu hu frott tal-ħafna li qed jaħdmu bla heda biex issir ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja." Fil-Kultura, taħt Bonnici jaqa' l-impjieg ta' Lou Bondi u issa anke Anton Attard il-kap eżekuttiv tax- xandir. Żewġ attivisti Nazzjonalisti li ħafna Laburisti akkaniti u anke uffiċjali tal-Partit Laburista li qed jiktbu bla heda fuq is-siti soċjali kontra dawn it-tnejn u jikkritikaw lil partit tagħhom talli ħallihom f 'karigi għoljin. Owen Bonnici ħares lejja u qalli, "Aħna x'wegħedna? Li nkunu gvern ta' Malta Tagħna Lkoll. Aħna tajna kelma li Malta tkun ta' kulħadd u jien se nżomm ma' din il-kelma. Miegħi għandi nies li ilhom jimmilitaw fil- Partit Laburista aktar minni, hemm oħrajn li ilhom ukoll jimmilitaw fil- Partit Nazzjonalista aktar milli ili jien fil-Labour u hemm oħrajn li mhumiex militanti tal-ebda partit. Iżda dawn kollha lesti li jaħdmu." Owen Bonnici bil-kalma kollha qalli li hu jifhem is-sentiment ta' kulħadd, "iżda d-direzzjoni tagħna hi waħda demokratika li hu min hu basta jaħdem. Semmejtli lil Lou Bondi. Miegħu naħdem ħafna fil-qasam kulturali u naħdem tajjeb miegħu bħalma naħdem tajjeb ma' Jason Micallef u Albert Marshall." Kompla jgħidli li Bondi għandu ħafna x'jagħti fil-kultura u qed jagħti, bħalma hemm oħrajn li isimhom mhux magħruf li jaħdmu ħafna wkoll. Reġa' tenna li hu jaħdem ma' kulħadd basta jaħdmu, ikun xi jkun it-twemmin tagħhom. Qalli wkoll li l-bord u s-CEO tal-PBS din il-ġimgħa riedu jitfgħu r-riżenja tagħhom bħala etika (anke jekk il-kap Eżekuttiv ma kellux obbligu li jagħmilha) minħabba li kien għadu kif inħatar ministru ieħor flok Manwel Mallia, "Jien għidtilhom biex ma jaħlux ħin jiktbu ittri ta' riżenja għax jien se nirrifjuta kull riżenja. Għidtilhom biex il-ħin jużawh għax-xogħol u mhux għar-riżenji." Dan ifisser li l-bord tal-PBS u s-CEO se jibqgħu hemm. Malli nħatar ministru tax-xandir nazzjonali, l-ewwel kummenti ta' Bonnici kienu li jrid xandir imparzjali. Dan ifisser li qabel ma kienx hemm xandir imparzjali? "Fl-aħħar leġislatura seta' kien aħjar, fejn anke l-awtorità tax-xandir kienet sabithom ħatja diversi drabi fuq imparzjalità." Iżda jien kont qed nalludi għal imparzjalità taħt il- ministru Mallia fejn dan l-aħħar kien qed jiġi kritikat mill-Oppożizzjoni dwar dan, "Taħt Mallia sar progress enormi fejn il-bord tal-PBS hu mħallat politikament fejn hemm ukoll eks deputat Nazzjonalist it-Tabib Frank Portelli, is-CEO Anton Attard kulħadd jaf minn fejn ġej, u ċ-Chairman, Tonio Portughese għandu rispett minn kulħadd filwaqt li l-Kap tal-Aħbarijiet, Reno Bugeja kulħadd jaf x'isarraf. Naħseb li dan kollu hu mertu tal- ministru ta' qabli." "Malli l-Prim Ministru tani x-xandir f 'idejja mort nara x'jgħid il-programm elettorali dwar ix-xandir u fl-ewwel kummenti tiegħi għidt eżatt dak li wegħedna fil-programm elettorali paġna 161: Inwettqu riforma fil-PBS biex nassiguraw li jaqdi l-aħjar funzjoni ta' xandir pubbliku b'anqas indħil politiku, filwaqt li nassiguraw xandir ta' kwalità u ekwu li jixraq lill-poplu. U dak li se nagħmel." Owen Bonnici qal ukoll li hu jaf li b'ċertu dwejjaq ta' ħaddiema fil-PBS li qed iħossu li t-talent tagħhom mhux qed jiġi apprezzat u qal li se jieħu ħsieb li dan id-dwejjaq jintemm għax hu jrid juża t-talenti ta' kulħadd u ħa jkun hemm xandir mill-aqwa. Kompla qal li nzerta li llum stess, il-Ħadd, hemm 'open day' fil-PBS u dan se jużah biex iżur hemm u jiltaqa ma' kulħadd, "wara se nibda niltaqa' mat-tmexxija u mal-ħaddiema kollha biex nitkellmu flimkien aktar fid-dettall." Dwar it-tragward u fejn irid jasal ix-xandir pubbliku, Owen Bonnici qal, "Id-demokrazija hi mibnija fuq tliet kolonni jgħidu, l-eżekuttiv (il-kabinett), il-leġislattiv (Parlament) u l-ġudikattiv (il-qorti) iżda jien ngħid li hemm ir- raba' kolonna li hi l-mezzi tax-xandir, u jien irrid inġib ix-xandir fuq livell tal- BBC ta' Malta." Hawn qalli issa tiktibx li se nġibu fuq il-livell tal-BBC iżda li jkun speċi ta' BBC għal Malta u tbissem. Owen Bonnici qalli wkoll li fortunatament il-kultura qiegħda fid-dekasteru tiegħu wkoll u dan se jgħin biex ix-xandir pubbliku jkollu programmi ta' livell kulturali li forsi ma jbigħux reklami iżda jkunu ta' kwalità, "għalkemm hemm bżonn ukoll il- bilanċ għall-introjtu. Iżda għal dawn il- programmi l-PBS se jitħallas mill-gvern (li nzerta mill-istess Ministeru allura m'għandux ikun hemm diffikultà) u fil- fatt se nagħmlu l-istess ma' stazzjonijiet privati l-oħra fejn se nħallsu għal programmi kulturali." Id-dekasteru ta' Bonnici hu vast immens u mhux faċli biex tiddiskuti kollox iżda ma stajtx inħalli barra l-Kunsilli Lokali fejn l-Oppożizzjoni qed tikkritikah li mhux qed jagħti flus biżżejjed lill-Kunsilli Lokali u minn meta dawn tneħħew minn idejn Josè Herrera, waqaf kollox. Bonnici wieġeb b'mod diplomatiku immens fejn beda jgħid li Herrera għamel xogħol tajjeb iżda qal li l-kritika tal-Oppożizzjoni mhix ġusta. "Għax aħna ħdimna fuq l-istess formola li mexa l-gvern ta' qabel fejn jidħol finanzjament tal-Kunsilli. Anzi aħna qed nagħtu iżjed għax ħloqna skema fuq l-istil kif isiru l-fondi Ewropej. Poġġejna miljun ewro f 'fond fejn kull kunsill lokali jista' japplika għal fondi biex jorganizza avvenimenti kulturali fil-lokalità tiegħu. Ħloqna bord tal- għażla li jagħżel liema skema kulturali organizzata mill-Kunsilli jkun ħaqqha tieħu minn dawn il-fondi. "Barra hekk, jien u Stefan Buontempo li miegħu naħdem mill- viċin ħafna mingħajr ħafna daqq ta' trombi qattajna sajf sħiħ naħdmu u niddiskutu dwar l-elezzjonijiet lokali li ddeċidejna li nagħmluhom fl-2015, naqbżu dawk tal-2017 u jkunu għal ħames snin. Għax b'hekk il-kunsilli jkunu jistgħu jippjanaw fit-tul." Dwar ir-riforma tal-gwardjani lokali li ilha tissemma li se ssir madwar sena għadu ma sar xejn. "Għax jekk nieħdu deċiżjonijiet malajr, niġu kritikati li ma kkonsultajniex biżżejjed u jekk nikkonsultaw u nieħdu ż-żmien, jikkritikawna li ma wasalnix. "Aħna naħdmu bil-kwiet u qed nibnu sistema sostenibbli fi struttura li ma titlifx flus. Nemmen ukoll li l-gwardjani lokali għandhom jiġu użati aħjar. Jien meta mmur l-iskola għat-tifla u nara pulizija hemm taqbadni dieqa għax inħoss li qed naħlu pulizija li jmissu qed jinvestiga xi każ u mhux joqgħod ma' skola. Hemmhekk xogħol ta' gwardjan. Nemmen ukoll li l-gwardjani għandhom jieħdu ħsieb li jagħtu ċitazzjonijiet lil min jarmi l-iskart barra u lil min ma jiġborx il-ħmieġ li jħallu warajhom il-klieb, fost affarijiet oħra. Però dalwaqt inkunu lesti biex dawn ir-riformi jibdew jaħdmu, għax irridu riformi sostenibbli." Qabel sellimna lil xulxin, Owen Bonnici xtaq jgħaddi messaġġ dwar l-għajta 'Malta tagħna Lkoll' li bdejtlu biha l-intervista, "L-għajta 'Tagħna Lkoll' hi li nibnu fuq it-talent u l-bżonn li niġbdu ħabel wieħed biex inkunu fost l-aħjar fl-Ewropa. Biex niksbu suċċess irridu niġbdu ħabel wieħed ġejjin minn liema partit ġejjin u dan jista' jsir. Il-Ministeru tiegħi hu vetrina ta' Malta Tagħna Lkoll fejn hemm taħlita ta' nies li qed naħdmu flimkien għal suċċess." vetrina ta' 'Malta Tagħna Lkoll' "Ma' Lou Bondi naħdem tajjeb ħafna l-qasam tal- kultura" "Qatt qabel il-kriminali ma kellhom daqshekk drittijiet" Il-kumment ta' Manuel Cuschier fuq Facebook dwar x'għandu jsir il-PBS Ritratti: Chris Mangion

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 14 December 2014