Illum previous editions

illum 14 December 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/433163

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

20 illum | Il-Ħadd 14 ta' Diċembru 2014 WARA li Floria Tosca tidrob u toqtol lill-kap tal-pulizija antirivoluzzjonarja Scarpia, f 'mument ta' dagħdigħa u mibegħda, tradizzjonalment narawha tpoġġi żewġ gandlieri maġenb il-katavru u tpoġġi kurċifiss fuq sidru. Floria tħares madwarha u hija u titleffef sew fil-mantell qabel ma tisparixxi tlissen kważi minn taħt l-ilsien, "E avanti a lui tremava tutta Roma!", b'ton sardoniku u fl-istess waqt mgħaġġeb iżda wkoll trijonfanti. Wara li jara l-foresta miexja lejh, preċiżament kif kienu ħabbrulu tlett isħaħar qarrieqa u onesti fl- istess waqt, ir-re użurpatur jinżel għall-battalja finali mad-destin, u r-raġel imħabbar mis-sħaħar jinfdu bix-xabla u dak jaqa' u jmut. Hekk imut l-agħar tirann tal-Iskozja u l-aħħar darba li jidher quddiemna narawlu biss rasu maqtugħa mill- kumplament ta' ġismu, trofew tar-rivoluzzjoni, l-att l-aktar erojku tat-tiranniċidju. Dawn iż-żewġ omiċidji, tnejn mill-aktar magħrufa u drammatiċi li qatt intwerew fuq il-palk, jaqblu f 'ħaġa waħda: kemm hija hekk kbira l-waqgħa tat-tirann u fl-istess waqt kemm din il-waqgħa tispiċċa ħelu ħelu. Waqt li l-qattiel jirrifletti fuq l-omiċidju li jkun għadu kemm wettaq l-udjenza tingħaqad miegħu fl-istagħġib li dak li darba kien il- personifikazzjoni tal-waħx u t-terrur issa spiċċa daqsxejn ta' katavru, imneżża' minn kull glorja, umiljat u mormi. Scarpia jispiċċa bix-xemgħat jixegħlu, Macbeth b'rasu għall-wiri u għaż-żebliħ. Fiż-żewġ każi dak li kien terrorizzanti issa jsir grottesk jekk mhux ukoll redikolu. Il-kobor jiċkien, jew aħjar jiċċekken b'tant ħeffa li x-xena aħħarija kważi ma titwemminx, għaliex it-tirann dejjem jitqies mhux biss bħala eroj iżda, aktar minn hekk, bħala alla: qawwi, setagħni, u fuq kollox, etern. Dawn kienu x-xbihat u l-ħsibijiet li ġew iżuruni ftit tal-jiem ilu meta sibt ruħi fuq it-taraġ tal-bini li sal- lum ħamsa u għoxrin sena ilu (u ftit jiem ma' dawn) kien il-kwartieri ġenerali tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista Rumen (PCR). Is-Sibt li għadda f 'Bukarest it-temperatura kienet qiegħda taħsibha tmissx iż-żero; it-temp griż bħal taħżiża rrabjata bil-lapes ta' tifel fuq biċċa karta u l-pjazez; il-vjali u l-boulevards li mit-Tnejn sal-Ġimgħa jirvellaw bit-traffiku mgħaġġel u nervuż kienu totalment vojti bil-bankini miksija bil-borra kannella u maħmuġa. Fil-Pjazza tar-Rivoluzzjoni, dik li sa ħamsa u għoxrin sena ilu kienet magħrufa bħala l-Pjazza tal-Palazz, is-skiet donnu għandu tifsira. Int u tħares lejn il-famuża gallarija tal-binja li llum tilqa' l-Ministeru tal- Intern u r-Riforma Amministrattiva ma tistax ma tiftakarx f 'żewġ indirizzi li t-tirann Rumen Nicolae Ceasescu għamel lill-eluf miġbura. L-ewwel diskors, f 'Awwissu 1968, jikkundanna l-invażjoni taċ- Ċekoslovakkja mit-tankijiet tal- Unjoni Sovjetika u s-satelliti tagħha. It-tieni diskors, appuntu fil-21 ta' Diċembru 1989, kien l-aħħar wieħed qabel mal-mexxej Rumen u martu spiċċaw assassinati f 'dak li għadu mhuwiex għal kollox ċar kienx l-att finali ta' rivoluzzjoni popolari jew kolp ta' stat li bidel l-uċuħ u ħalla l-istess sistema. L-aħħar jiem tal-koppja Ceausescu, mill-ħarba bil-ħelikopter sal-ħtif ta' karozza bis-sewwieq b'kollox u l-aħħar vjaġġ imsakkrin fl-għeluq tal-azzar ta' tank militari, sal-ġuri ta' malajr u l-eżekuzzjoni barbara ftit mumenti wara, jirrakkontaw b'mod mill-aktar drammatiku l-waqgħa tal-kobor. Filwaqt li l-popolazzjoni Rumena kienet qiegħda tmut bil-ġuħ u l-ksieħ minħabba d-diżastru ekonomiku, il- koppja kienet qiegħda tgħix f 'palazz lussuż miksi bl-irħamijiet u mdawwal bil-linef tal-kristall, hekk kif jiddetta l-kredu tal-ugwaljanza proletarja. Imma mbagħad propju l-aħħar mumenti tagħha l-koppja kellha tqattagħhom fl-aktar kundizzjonijiet skwallidi li wieħed jista' jimmaġina, li wieħed qatt ma seta' jimmaġinahom jispiċċaw fiha. Il-katavri ta' Nicolae u martu Elena, li jgħidu li kienet illitterata u sadattant fl-1983 l-Università ta' Malta tatha dottorat Honoris Causa, jispiċċaw immiegħka fl-art, bid-dmija ħierġa mit-toqob tal- balal moħlija fuqhom. Il-kobor li jiċkien, anzi jiċċekken Imqar il-famuża gallarija li tagħti għal fuq il-Piata Revolutiei, hekk kif tersaq taħtha, tinduna biċ- ċokon aktar milli bil-maestà tagħha. Quddiem il-vojt griż tal-pjazza siekta s-Sibt waranofsinhar, mingħajr ebda ħjiel ta' xi festeġġjament tal- anniversarju tal-fidda ta' tmiem it-tirann, il-gallarija donnha tinżel fil-baxx, titbaxxa, jekk mhux ukoll tiċkien. Donnu li qabel tersaq verament taħtha, b'idejk imgeddsin sew fil-bwiet tal-ġakketta, il-famuża gallarija, l-istess bħal dak li ħareġ fiha biex jindirizza l-poplu, tidher akbar milli hi u meta tintebaħ bid- daqs veru tagħha lakemm ma jibdiex jiddispjaċik u tiddiżappunta ruħek. "Sic semper tyrannis", jingħad mal- assassinju ta' Ġulju Ċesri. Mill-pjazza fejn darba waħda l-poplu sikket il-litanija ta' gideb li t-tirann għajjat hu u jittawwal mill-gallarija sal-appartament daqs tikka u mudlam ta' Iuliana hemm erba' waqfiet tal-metrò, għoxrin minuta fuq il-karozza tal-linja u għaxra oħra bil-mixi. Ma żammejtx kont ta' kemm-il sular tlajna bil- lift tal-bibien strambi. Ninġabru ħamsa min-nies madwar mejda ta' metru u nofs kwadru ħa nieħdu platt brodu tal-pitravi u nieklu fis- skiet u fid-dawl baxx ħafna. Iuliana tgħidli li hi u żewġha għandhom tletin sena oħra jħallsu d-dejn fuq dan l-appartament u li l-paga tagħha tmur mill-ewwel għand il- kredituri tagħhom. Tgħidli li b'xi mod ikampaw u li l-akbar xewqa li għandha hi li bintha ta' erba' snin titgħallem il-pjanu u għada pitgħada tibda ddoqq fit-teatri Ewropej u ssir sinjura. Tgħidli wkoll, iżda, li ma tafx kif taqbad tixtrilha pjanu u lanqas ma taf fejn tista' tpoġġih. Imma xorta dik hija x-xewqa l-kbira tagħha. Ftit tal-ġimgħat ilu l-poplu Rumen reġa' wera li xeba'. Innota li dak li nieda ħamsa u għoxrin sena ilu għadu ma ġiex komplut. Iddardar bil-mexxejja li kellu, li baqgħu jqattru l-wirt tal-kelliem tal-gallarija fil-Pjazza tar-Rivoluzzjoni. F'wirja ta' kollettività popolari, ta' ras iebsa u ħeġġa protestarja, il- poplu eleġġa president minn grupp etniku minoritarju li saħansitra jħaddan reliġjon differenti minn dik tal-maġġoranza vasta tal-poplu. Ried jaqleb folja biex ikompli jew jibda jikteb l-istorja l-ġdida. Anki fil-griż, fid-dlam ta' appartamenti fejn ikollok titħaxken, qalb il- fatati tal-istorja, hemm lok għall- ottimiżmu. Postscriptum Nieħu l-okkażjoni nixtieq il-festi t-tajba lill-qarrejja. IMMANUEL MIFSUD IL-GALLARIJA Imqar il-famuża gallarija li tagħti għal fuq il-Piata Revolutiei, hekk kif tersaq taħtha, tinduna biċ-ċokon aktar milli bil-maestà tagħha

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 14 December 2014