Illum previous editions

illum 14 December 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/433163

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 35

messet il-qiegħ wara biss 20 xahar ta' Gvern Laburista, riżultat ta' sensiela ta' każijiet li ma jagħmlux ġieħ lill-Korp li kien responsabbli minnu Manwel Mallia. Illum minflok Korp tal-Pulizija li jnissel sens ta' sigurtà u serħan il-moħħ, għandna Korp demoralizzat u mifni b'każijiet ta' abbuż ta' poteri u ksur tad-drittijiet taċ- ċittadini. Il-Kap tal-PN ta prova dwar kemm hu determinat li jieqaf għal kull forma ta' abbuż li jipprova jwettaq il-Gvern Laburista. Simon Busuttil qiegħed b'mod konsistenti jitkellem u jaġixxi favur il-verità, jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed mill- ġdid isir forza politika li tħares bil-fatti d-drittijiet ta' kull Malti u Għawdxi. Il-mezzi tax-xandir urew kemm il-ħidma tagħhom hija essenzjali biex il-Gvern ta' pajjiżna jinżamm dejjem responsabbli ta' għemilu. Li kien għall-Gvern, dawn il-fatti kienu jibqgħu mistura u ma kienet tinġarr l-ebda responsabbiltà politika. Arnold Cassola – Ċermen tal-AD Dan il-każ uriena l-istat miżeru li jinsabu fihom it- trasparenza u l-kontabilità fil-politika Maltija. Il-PN fil-Gvern kien abdika milli jassumi responsabbiltà politika meta ħalla lil Austin Gatt u lil Tonio Fenech joħorġu 'scott free' fil-każijiet rispettivi taċ- ċermen tal-Enemalta korrott sa snienu fix-xiri taż-żejt u tas-Segretarju personali tal-Ministru Fenech li kien instab ħati li xxaħħam. Il- Prim Ministru Muscat ukoll ipprova jgħatti l-gideb evidenti tal-Ministru Mallia, imma l-evidenza tal-fatti u l-għajta tal-opinjoni pubblika kienu tant qawwija li fl-aħħar kien imġiegħel ikeċċi lill-Ministru. Issa qed insiru nafu kif fil- Korp tal-Pulizja kien hemm individwi korrotti li lesti jigdbu u jdaħħlu fil-għawġ lin-nies u spettur li saħansitra lest jimmanipola u jiffabrika l-evidenza. Il-Kummissarju l-ġdid tal-pulizija jgħidilna li r-rispett u d-dixxiplina kienu għebu kważi ghal kollox mill- Korp. Mill-banda l-oħra rajna wkoll ħniżrijiet magħmula minn ċerti membri tal-armata fiċ-Ċentri ta' detenzjoni, b'abbuż sesswali fuq immigranti, u membri tal- armata involuti fi sparaturi u fl-użura. Nittama li dan it-terremot mhux biss jagħti kontribut biex iseħħ titjib fil-Pulizija u fl-Armata imma jwassal ukoll biex mil-lum 'il quddiem, kull poliitku ikun accountable bil-fatti għall- iskrutinju tan-nies u jkun lest jassumi responsabbiltà politika għal kull għemil li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Irridu trasparenza assoluta. Biex nibdew, il-Prim Ministru għandu jippubblika minnufih iż-żewġ inkjesti li Manuel Mallia ried jaħbilna: dwar l-attakk fuq il-pulizija fl-għassa ta' Ħaż-Żabbar, u l-oħra dwar il-pulizija li tefgħu lil Darryl Luke Borg bi żball il-ħabs. Daniel Micallef – President PL Kien episodju li xxokkja u dejjaq lil kulħadd. Ittieħdet azzjoni immedjata, fejn wara inkjesta indipendenti rajna azzjoni politika b'saħħitha tittieħed fi ftit ħin - azzjoni bla preċedent. Nemmen li tali azzjonijiet għandhom u ser ikunu l-kejl il-ġdid fejn tidħol responsabbiltà amministrattiva u politika f 'dan il-pajjiż. Lil hinn mill-inċident, in-nies iridu jkunu ċerti li dawk li qegħdin hemm biex jipproteġuhom u jżommu l-ordni, ikunu denji tal-uniformi li jilbsu. U jkunu ċerti wkoll li meta jirrappurtaw xi ħaġa lill-Pulizija, speċjalment b'mod anonimu, dawn jistgħu jagħmlu dan b'mod kunfidenzjali. Hija ħasra li inċident iżolat bħal dan jispiċċa jtappan intortament il-ħidma ta' tant pulizija li b'dedikazzjoni kbira jagħmlu dmirhom ta' kuljum, b'riskju għal ħajjithom. Fuq livell politiku, l-effett fuq livell ta' partiti, jiġġudikah il-poplu. Fuq naħa għandek Oppożizzjoni li għamlet 25 sena fil-Gvern mingħajr qatt ma ġarret responsabbiltà ta' xejn, u li l-prijorità tagħha hija li tiskurja l-punti politiċi quddiem din is-sitwazzjoni u fuq in-naħa l-oħra għandek Gvern li ddeċieda wara inkjesta indipendenti, u rajna r-responsabbiltà politika u amministrattiva tintrefa'. Dan il-pajjiż kien dara jara u jisma' b'inċidenti u skandli li jmutu wara ftit żmien, mingħajr ma tintrefa' l-ebda responsabbiltà. Dan il-Gvern aġixxa mod ieħor. Wieħed jinnota li l-Oppożizzjoni biddlet totalment ir-riga tal-kejl tagħha fejn tidħol responsabbiltà politika minn sena u nofs ilu 'l hawn u dan jawgura tajjeb kemm għal dak li jiġi ppruvat li ġara f 'amministrazzjonijiet passati kif ukoll għal dak li jista' jiġri fil-preżent u l-futur. Ian Borg – Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Għall-ewwel darba, rajna Prim Ministru li qam għall- okkażżjoni. Wara ftit minuti biss li rċieva r-rapport ta' inkjesta indipendenti, li nżammet skont poteri mogħtija lilu mil-liġi ta' Malta, ħa deċizjoni iebsa li jneħħi ministru ewlieni mill- Eżekuttiv. Dan anke jekk kif stabbilit mill-istess fatti, il-Ministru qatt ma nvolva ruħu b'mod dirett fil-każ. Huwa dispjaċir tara kollega jitlef postu mill-Kabinett, iżda fl-istess waqt taprezza kif din l-amministrazzjoni qed tibdel verament il-politika Maltija. Żgur li din id-deċiżjoni kuraġġuża, qed tgħolli l-livell ta' kontabilità mill-politiċi lejn il-poplu tiegħu, minn issa 'l quddiem. L-Oppożizzjoni għandha tieħu messaġġ daqstant ieħor qawwi mir-rapport ippubblikat, fejn qed issir referenza għall- allegazzjonijiet malafamanti tagħha. Kienet aktar moħħha sabiex tgħolli l-istatura ta' Kap li huma ftit dawk f 'pajjiżna (skont statistika ta' dan il-ġurnal) li jemmnu kif xi darba jista' jkun fdat bit-tmexxija tal-pajjiż. Nikita Zammit Alamango – Viċi President FŻL L-effetti tal-każ tax-xufier tal- eks-Ministru Mallia nemmen li se jkunu diversi. Il-fatt li l-Ministru Carmelo Abela mhux ġej mill-qasam legali jew dak pulizjesk se jgħin sabiex ikun jista' jibda paġna ġdida fit-tmexxija ministerjali. Dan huwa importanti biex il-poplu jerġa' jikseb il-fiduċja neċessarja fil-Korp tal-Pulizija, li għal dawn l-aħħar snin kienet naqset b'mod sinnifikanti. Il-poplu jittama li għad jerġa' jasal dak iż-żmien fejn il-korpi jkunu jimxu b'mod kontabbli u responsabbli għall-aġir tagħhom. Min-naħa politika, kif qal il-Prim Ministru, dan il-każ għandu jservi ta' tagħlima lil kull min jaħseb li jista' juża l-pożizzjoni tiegħu b'detriment għas-soċjetà. Din tgħodd għal kulħadd, minn Ministri, sal-iċken persuna li taħdem fiċ-Ċivil. Nemmen li f 'dan il-każ, il- PM mexa fuq dak li ilu jgħid minn qabel l-elezzjoni u sejjaħ inkjesta indipendenti skont il-liġi sabiex jiġu stabbiliti l-fatti kollha kif xieraq. Din hi l-ewwel darba li PM ħa deċiżjoni hekk drastika u ntrefgħet ir-responsabbiltà politika kif kulħadd jippretendi li għandu jsir f 'pajjiż demokratiku. Nittama li l-Oppożizzjoni timxi fuq dan l-eżempju u terfa' r-responsabbiltà politika mhux kif ġara fil-passat, biex verament naraw politika onesta bil-fatti u mhux biss bil-kliem. Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil Manwel Mallia tax-xogħol siewi li wettaq u nawgura kull suċċess lill- Ministru Carmelo Abela. Il-Ħadd 14 ta' Diċembru 2014 | illum 7 post-Emmanuel Mallia

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 14 December 2014