Illum previous editions

illum 21 December 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/437147

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 21 ta' Diċembru 2014 | illum 19 T iegħi hija waħda mill- ewwel ġenerazzjonijiet tal-era tat-televiżjoni. Ta' missieri kienet l-ewwel ġenerazzjoni tar-radju; it-tfal ta' min kien miegħi fil-bank tal-iskola hija l-ewwel ġenerazzjoni tal-era diġitali. Meta faqqa' mitt sena ilu l-ewwel konflitt mondjali, la kien hemm radju, la kien hemm televiżjoni u wisq anqas l-internet. Matul il-gwerra, faqqgħet imxiegħa ta' influwenza li ħalliet miljuni ta' mwiet. Din ġiet imlaqqma l-Influwenza Spanjola imma ma kienet Spanjola xejn. L-influwenza kienet ħakmet il-pajjiżi Ewropej kollha imma Spanja kienet l-unika pajjiż mingħajr ċensura militari peress li ma kinetx fil- gwerra. B'hekk, l-aħbarijiet dwar l-imxiegħa dehru biss fl-istampa Spanjola . It-Tieni Gwerra Mondjali ġabet l-avvent tar-radju li sar għodda propagandistika per eċċellenza mentri permezz tat-televiżjoni, l-orrur ta' gwerra fil-bogħod, dik tal-Vjetnam għall-ewwel darba wasal fis-salott ta' kulħadd. Twieldu l-all-news channels, stazzjonijiet li ttrasformaw l-aħbarijiet f 'forma ta' intratteniment. Probabbilment l-apoteosi tat-televiżjoni kienet waqt il-bumbardament ta' Baghdad mill-Amerikani li ġie mxandar dirett mis-CNN mill-gallarija tal-lukanda fejn kien joqgħod il-korrispondent tagħha, Peter Arnett. Meta l-Amerka bbumbardjat Kabul wara 9/11, Al Jazeera biss kienet fuq il-post wara li kien waqa' taħt it-takkuna tat- Talibani. Kien suċċess medjatiku li Al Jazeera sfrutta. Ir-riżorsi tal- Qatar assigura li għall-ewwel darba l-midja tal-punent bħas-CNN jew BBC World (li kienet abbandunat ftit qabel pjanijiet għal BBC Arabic minħabba nuqqas ta' riżorsi) kellhom kompetizzjoni serja. Illum, kull pajjiż li għandu ambizzjonijiet globali għandu l-all-news network tiegħu biex jipprova jinfluwenza l-opinjoni pubblika. Imma l-akbar kompetizzjoni għat-televiżjoni nibtet bl-avvent tal-internet li qed jirrivoluzzjona l-mod kif l-aħbarijiet jaslu għand iċ-ċittadin/konsumatur. L-aħbarijiet illum saru instantanji u kif irrimarkajt ftit ġimgħat ilu, iċ-ċittadin/konsumatur sar ukoll iċ-ċittadin/reporter li jista' jagħżel li ma jibqax biss passiv imma li jkun divulgatur attiv tal-aħbarijiet. Seħħet bidla radikali: kif stqarr nhar il-Ġimgħa il-President Obama fir-rigward ta' inċident ġdid ta' maltrattament ta' raġel iswed mill- pulizija, inċidenti bħal dan dejjem ġraw imma llum qegħdin jiġu aktar għall-attenzjoni pubblika wara li jiġu ffilmjati miċ-ċittadin/ konsumatur/divulgatur li jpoġġuhom fuq is-siti soċjali bir-riżultat li jsibu ruħhom fil-midja tradizzjonali. Ir-rivoluzzjoni l-kbira tal-internet qed tagħti lok għall-konverġenza tal-kanali ta' informazzjoni. Ma tridx tkun xi profeta kbir biex tbassar li l-era tal-ġurnali kartaċei daħlet f 'niżla interminabbli. Il- kwistjoni mhix jekk il-ġurnali tal- karta humiex ser jibqgħu joħorġu imma meta se joħorġu l-aħħar. Il-qlib għall-istampa diġitali beda u huwa inevitabbli u anke r-radju u t-televiżjoni li wkoll saru aċċessibli għal kulħadd permezz tal-internet qed jinbidlu. L-avvent tal-era diġitali qiegħed iġib magħha mhux biss opportunitajiet imma anke sfidi ġodda f 'kull qasam. Ma stajtx ma nasalx għal tali riflessjoni meta din il-ġimgħa, flimkien ma' marti, tlaqt għal erbat ijiem ta' vaganza kif inħobbu nagħmlu f 'dan il-perjodu tas-sena. L-iskrin tal-mowbajl tiegħi indikali li rrid nagħmel iċ-check- in fil-lukanda li konna bbukjajna u wrieni t-triq li rridu nagħmlu permezz tal-katamaran u bil- karozza. Urini wkoll it-temp ta' fejn konna sejrin u malli wasalna, telgħet l-informazzjoni dwar il-films li kienu qed jintwerew fl-eqreb ċinema. Dan kollox sar awtomatikament għaliex kont irċivejt imejl ta' konferma tar- riżervazzjoni fil-lukanda tagħna. Tista' tgħid li l-mowbajl beda jaqrali moħħi u qed jidhru fuqu artikli simili għal dawk li nħobb naqra u mis-siti li niffrekwenta u juri l-aħbarijiet tal-postijiet fejn immur. Dan kollu huwa possibli bit- teknoloġija tal-Global Positioning System, jew kif ilkoll nafuh, il-GPS li llum jinsab fuq l-apparat elettroniku kollu. Permezz tal-GPS, mhux biss iċ-ċittadin jista' jkun jaf fejn hu u liema hi l-aħjar triq biex jasal fejn irid imur, imma għandu ukoll awtomatikament għad-dispożizzjoni tiegħu minjiera ta' informazzjoni dwar il-post fejn ikun qiegħed. Barra minn hekk, bit-teknoloġija tat- telefonija ċellulari, faċli li wieħed isir jaf fejn tkun qiegħda persuna peress li l-mowbajl ta' kull wieħed u waħda minnha jkun f 'kuntatt kontinwu ma' ċelel differenti tax-xibka telefonika skont fejn wieħed ikun. B'hekk ilkoll kemm aħna sirna wkoll ċittadini/ immonitorjati u diġitalment dipendenti. Kull pass li nagħmlu qed jiġi reġistrat f 'xi lokalità rimota mis- servers tal-kumpaniji li jipprovdu s-sistema operanti tal-mowbajls tagħna: Google, Apple, Microsoft jew Blackberry. L-iżviluppi teknoloġiċi fetħulna orizzonti tassew ġodda imma fl-istess ħin issoġġettawna għal sorveljanza kontinwa bla preċedent. Il-vulnerabilità tad-dipendenza diġitali tagħna laqtitni fil-qrib xi sena u nofs ilu meta ċempilli l-bank u qalli li t-trasferiment ta' flus li kont ordnajt kien ġie lura għaliex il-kont li kont indikajt kien laħaq ingħalaq. Jiena ma kont ordnajt l-ebda trasferiment imma xi ħadd kien irnexxielu jidħol fil-kont tal-Gmail tiegħi, xtarr min hu l-bank tiegħi u tah struzzjonijiet biex jitrasferixxi l-flus mingħajr ma kont naf. Mhux hekk biss imma l-imejls li l-bank bgħattli bdew imorru għandu. Kont xortija tajba li ma serqunix imma minn dakinhar 'l hawn, biddilt il- proċedura tal-password. F'dawn l-aħħar snin, assistejna għal żviluppi u xenarji ġodda. Kellna l-każ ta' suldat Amerikan, Bradley (illum Chelsea) Manning li kellha aċċess għall-informazzjoni klassifikata kixfet 250,000 cable diplomatiku u 500,000 rapport tal-armata li bdew jiġu ppubblikati ftit ftit minn Julian Assange ta' Wikileaks. Kellna wkoll il-każ ta' Edward Snowden li kien jaħdem man- National Security Agency u s-sena l-oħra ddeċieda li jikxef il-mod kif l-aġenziji tal-intelliġenza tal- Amerika u ta' pajjiżi oħrajn jissorveljaw il-kommunikazzjonijiet bl-imejl u t-telefonati madwar id- dinja b'mod indiskriminat. Anke politiċi u kapijiet tal-istat jiġu spjunati u r-rivelazzjonijiet ta' Snowden ħolqu problemi diplomatiċi serji bejn l-Amerka u l-alleat tradizzjonali tagħha, il-Ġermanja peress li sar magħruf li anke l-mobile tal-Kanċilliera Angela Merkel kien qed jiġi spjunat. Sar magħruf ukoll li anke Franza timmonitorja l-komunikazzjonijiet kemm fi Franza kif ukoll barra mill- pajjiż. Kif qal xi ħadd mis-servizzi sigrieti tal-punent, kulħadd jaf li kulħadd jispjuna fuq xulxin u ħadd ma kellu jieħu skandlu b'dak li kixef Snowden. Ma rridux ninsew lanqas l-ispjunaġġ industrijali li tiegħu l-industrija Ewropea, speċjalment, dik Ġermaniża hija spiss vittma. Intqal li f 'ċertu kumpaniji, sabiex is-sigrieti industrijali ma jinkixfux, id-diriġenti jiġu mġiegħla waqt il- laqgħat mhux biss jitfgħu l-mowbajls tagħhom imma anke jaqilgħu l-batteriji tagħhom. Kellna wkoll l-inċident tal-virus li laqat il-programm nukleari Iranjan. Dan il-virus, Stuxnet għamel ħsara kbira liċ-ċentrifugi tal-impjanti nuklejari Iranjani u l-programm Iranjan ta' arrikkiment tal-uranju li hu meħtieġ fil-bombi atomiċi ntefa' bosta snin lura. Ħadd ma jaf eżatt min żviluppah dan il-virus imma s-suspetti waqgħu fuq xi aġenzija tal- ispjunaġġ tal-punent jew tal-Iżrael. Dan ma kienx l-unika eżempju ta' gwerra ċibernetika: il-pajjiżi Baltiċi wkoll ġieli kellhom attakki ċibernetiċi li x'aktarx oriġinaw mir- Russja li magħha m'hemmx rapporti tajbin. Imma minkejja dan kollu, fl- iżvilupp ta' din il-ġimgħa tfaċċa xenarju ġdid u inkwetanti meta studjow importanti ta' Hollywood, Sony Pictures ikkanċella l-premiere ta' film minħabba t-theddid ta' hackers anonimi. Il-film in kwistjoni, The Interview jittratta komplott tas-CIA sabiex jinqatel il- mexxej Nord Korean, Kim Jong Un minn żewġ ġurnalisti Amerikani li jkunu ġew mistiedna jintervistawh. Il-film hu parodija u mid-dehra, Kim jitpinġa b'mod tant favorevoli li jiġbed is-simpatija tal-udjenza imma l-awtoritajiet ta' Pyongyang ma ħadux ġost. Waslu biex jibagħtu ittra lis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda jilmentaw dwar il-film li ddeskrivewh bħala provokazzjoni ta' att terroristiku. Xi ġimgħat ilu, hackers mhux magħrufa ppenetraw is-sit ta' Sony Pictures (li qabel kien jisimha Columbia Pictures sakemm Sony xtrawha mingħand Coca-Cola) u kixfu ħafna informazzjoni, fosthom l-istorja tal-film il-ġdid ta' James Bond u kemm ser jitħallsu l-atturi tiegħu. Kixfu wkoll eluf ta' imejls li kienu ferm imbarazzanti. Il- president ta' Sony Pictures kellha tiskuża ruħha wara li nkixfet imejl li fiha għaddiet kummenti insensittivi dwar Barack Obama. F' imejl oħra, producer għadda kummenti dwar kemm Angelie Jolie hija mimlija biha nnifsha. Meta dawn il-hackers talbu l-irtirar tal-film u heddew vjolenza lil min jurih, is-swali taċ-ċinema li kienu se jibdew juruh fil-Milied bdew ifellqu. Wara ftit, anke Sony Pictures iddeċidiet li tirtira l-film għalkemm issa qiegħda tgħid li sejra tirrilaxxah b'xi mod ieħor. Mhux biss, xi swali riedu li minflok The Interview, jintwera film ieħor Anti-Korean, Team America: World Police imma Paramount iddeċidew li ma juruhx. Id-deċiżjoni ta' Sony Pictures qajmet kontroversja kbira u bir- raġun. Obama qal li ma jistax ikun li dittatur jiddeċiedi ili jiċċensura xi ħaġa li ma turihx f 'dawl tajjeb. Wara li l-FBI iddikjaraw li l-attakk oriġina mill-Korea ta' Fuq, Obama wiegħed rispons proporzjonat u fil-waqt opportun. George Clooney attakka l-midja li xxalat fuq l-informazzjoni mikxufa mill-hackers biex kabbru l-problemi ta' Sony Pictures u saħħu idejn il-hackers. Ikkritika wkoll lil sħabu fl- industrija ċinematografika li ma ffirmawx petizzjoni li kien qed idawwar biex il-film ma jiġix irtirat. Bosta sejħu d-deċiżjoni ta' Sony Pictures bħala attakk bla preċedent fuq il-libertà tal-espressjoni. Din hi d-dinja tal-era diġitali li qed ngħixu fiha: bi gvernijiet jispjunaw fuq il-komunikazzjoni taċ-ċittadin, iċ-ċittadin taħt sorveljanza silenzjuża tal-kolossi tal-informatika u tat- telefonija ċellulari u b'dittatur ta' pajjiż mfaqqar bil-ġenn ekonomiku ta' min imexxih jiddeċiedi liema films nistgħu naraw. L-avvent tal-era diġitali ġab miegħu ħafna progress imma rridu wkoll noqogħdu attenti mill-periklu li nsiru s-soċjetà li George Orwell kien bassar fl-1984. Il-Milied it-Tajjeb lil kulħadd ! Segwini fuq Twitter @ellisjoseph jew fuq Facebook. 1984 + JOE ELLIS

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 21 December 2014