Illum previous editions

illum 21 December 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/437147

Contents of this Issue

Navigation

Page 2 of 35

Il-Ħadd 21 ta' Diċembru 2014 | illum 3 JOHN BUSUT TIL ILKAP tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal f 'konferenza tal-aħbarijiet li l-Partit ma' kellux għalfejn jerfa' r-responsabbiltà politika dwar il-każ tal-qtil ta' Mamadou Kamara għax kien diġà ħallas il-prezz billi l-poplu tefgħu fl-Oppożizzjoni. Busuttil qal dan b'referenza għall- inkjesta tal-Maġistrat Valenzia li fiha ħareġ li ma ttieħdu l-ebda passi ta' dixxiplina kontra dawk l-uffiċċjali involuti fil-qtil ta' Mamadou Kamara. Skont ir-rapport jidher li l-kurunell li kien imexxi ċ-ċentri ta' detenzjoni qal li l-eks Ministru Carm Mifsud Bonnici kien waqqaf milli jittieħdu passi dixxiplinarji ħalli ma jinterferux mal-investigazzjoni tal- Pulizija. Il-Kap Nazzjonalista qal li l-poplu żgur li meta vvota kellu f 'moħħu dan il-qtil. Barra minn hekk, skont Busuttil, Carm Mifsud Bonnici m'għadux ministru u ma' jistax jitneħħa. Kompla jgħid li wara l-mewt ta' Kamara il-Gvern kien biddel il-mod kif jitmexxew iċ-ċentri ta' detenzjoni. Qal ukoll li r-rapport kien tlesta f 'Ottubru tal-2012 u staqsa għaliex il-Gvern Laburista ma ħarġux qabel u stenna sentejn biex joħorġu. Intant, il-kummenti ta' Busuttil wasslu għal aktar mistoqsijiet, fosthom: Għaliex il-PN fil-Gvern ma ħariġx ir-rapport meta dan kien għandu 5 xhur qabel l-elezzjoni? U jekk dan ma ħariġx, kif seta l-poplu jivvota favur jew kontra dan il-każ? Dwar dan staqsejna opinjonisti u politiċi biex jagħtuna l-verżjoni tagħhom dwar il-mod li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jgħid li refa' r-responsabbiltà fuq dan il-każ. Peppi Azzopardi - Preżentatur u Opinjonista In-nies f 'Malta iktar tkażaw fuq it-trattament inuman tal-kelba Star milli li nqatlu tal-inqas żewġ immigranti. Kien hemm ħafna iżjed nies fil-protesta b'solidarjetà mal-kelba Star milli fil-protesta b'solidarjetà ma' ħuna l-immigrant maqtul. U allura Dr. Simon Busuttil m'għandux raġun jgħid li n-nies "ma vvutawx lil PN' minħabba t-trattament inuman ma' ħutna l-immigranti assistiti. Anzi. Naħseb ġara bil-maqlub. Li għan-nies, il-Gvern ta' Gonzi kien 'OK' wisq mal-immigranti assistiti. U allura f 'dan il-każ, ir-riżultat tal-elezzjoni ma 'ħassarx' ir-responsabbiltà tal-Gvern tal- PN fuq sitwazzjoni inumana li għadha tiġri bħalissa. U l-għażla taż-żmien tal-Prim Ministru li ħalla dan ir-rapport moħbi sentejn oħra u ppubblikah biex jiskorja punti politiċi, tkompli tagħmel is- sitwazzjoni aktar gravi u tal-mistħija. Carmel Cacopardo – Alternattiva Demokratika Jidher li meta jaqbillu l-Kap tal-Oppożizzjoni jqis ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali bħala penitenza għad-dnubiet kollha tal-PN fil-Gvern. Kieku dan hu minnu, jitkellem fuq il-futur biss u jinsa l-passat ta' kulħadd. Fir- realtà, l-unika passat li l-Kap tal- Oppożizzjoni jrid jinsa, hu dak tal-PN. Ir-realtà li l-PN qed jipprova jinsa hi li l-Partit Nazzjonalista (bħalma għamel ukoll il-Partit Laburista), ikkontribwixxa għall- mewt tal-immigranti billi għal xi żmien hu wkoll tkellem favur il-pushbacks li riedu jagħmlu Berlusconi u Maroni. Huwa dan li jrid jinsa l-Kap tal-Oppożizzjoni. Ir-responsabbiltà għall-mewt tal-immigranti jrid iġorrha kull min rewwaħ, min ftit u min ħafna, kontra l-immigranti. Kif setgħu jiġġudikaw in-nies, jekk sa ftit ġranet ilu ħadd ma kien jaf x'kien fih ir-rapport? Jeffrey Pullicino Orlando – Eks Membru Parlamentari u Opinjonista Ir-risposta ta' Dr. Simon Busuttil hi manifestazzjoni evażiva. Il-poplu ma kienx jaf bl-aġir tal-Onor. Carm Mifsud Bonnici meta mar biex jivvota fl-2013 għax ir-rapport tal-inkjesta ma kienx ġie ppubblikat mill-Gvern Nazzjonalista. Allura mhux minnu li tħallas xi prezz politiku riżultat tal-fatt li meta Carm Mifsud Bonnici kien Ministru ordna li ma jittiħdux passi kontra uffiċjali implikati fil-qtil tad- detenut. Dr. Mifsud Bonnici għadu 'shadow Minister' fl-Oppożizzjoni Nazzjonalista, minkejja li issa ġie ppubblikat ir-rapport li żvela dan il- każ. U dan speċjalment in vista tal- pressjoni li ntefgħet fuq il-Ministru Mallia mill-Partit Nazzjonalista dan l-aħħar biex jirriżenja minħabba dak li ġie deskritt bhala indħil żejjed jew nuqqas ta' trasparenza totali f 'investigazzjoni li kienet tirrigwarda x-xufier tiegħu. Andrew Azzopardi - Preżentatur u Opinjonista Hu ferm faċli li nagħmlu d-dijalettika politika fuq każ bħal dak ta' Kamara. Hu ferm aktar faċli nammettu tort jew nagħtu tort fuq każ bħal dak ta' Kamara. Att kuraġġuż ikun jekk jirnexxilna li nużaw il-politika, il-partiti u l-politiċi biex nitkellmu u nirriflettu dwar dak li jwassal biex xi ħadd jagħmel att tant attroċi bħal dan. F' komunitajiet barra minn pajjiżna saru rivoluzzjonijiet sħaħ għax mewt bħal din, ma ġietx mgħarbula mill-ġustizzja kif kienet timmerita fejn dawk li wettqu l-vjolenza ħargu 'scot-free'. Intant, nammira l-pożizzjoni li ħa Dr Simon Busuttil fejn b'mod indirett qed jgħid li l-PN iġorr parti mir-responsabbiltà, imma issa rrid nara l-partiti politiċi jpoġġu rashom ma' xulxin, jippruvaw jifhmu jekk dan l-aġir hux sintomatiku ta' tħassir tas-soċjeta' tagħna u nagħmlu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex insaħħu l-kultura ta' inklużjoni, ta' ħajja u ta' drittijiet umani – forsi b'dak il-mod, il-mewt ta' Kamara ma tkunx kompletament għalxejn. Toni Abela – Deputat Mexxej Laburista u Opinjonista Meta l-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li l-Partit Nazzjonalista ħallas għad-defiċjenzi li għamel meta kien fil-poter għax il-poplu neħħihom mill-Gvern permezz tal-vot, fosthom minħabba l-każ tar-rapport ta' Kamara, bħal speċi qed jgħid li tilef każ qabel ingħatat is-sentenza u qabel l-każ stess sar magħruf. Il-Kap tal-Oppożizzjoni tant irid ifarfar mir-responsabbiltà ta' dak kollu li sar taħt l-amministrazzjoni l-oħra, li nesa xi ħaġa ferm importanti fil-loġika: li għalkemm ir-rapport ta' Kamara kien lest xhur qabel l-elezzjoni ġenerali, u għal raġunijiet li ħadd ma jaf bihom, dan kien ippubblikat fil-ġimgħat li għaddew. Dan ifisser li l-elettorat dak iż-żmien ma setax jifforma ġudizzju dwar dak li għamel il-Partit Nazzjonalista speċjalment abbażi ta' dan ir-rapport. Li tivvota partit biex tneħħiħ mill-Gvern mhux kastig, iżda ġudizzju demokratiku." Il-każ tal-qtil ta' Mamadou Kamara Il-PN diġa ħallas il-prezz billi l-poplu tefgħu fl-Oppożizzjoni - Simon Busuttil Peppi Azzopardi, Carmel Cacopardo, Jeffrey Pullicino Orlando, Andrew Azzopardi u Toni Abela

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 21 December 2014