Illum previous editions

illum 28 December 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/439088

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 31

Il-Ħadd 28 ta' Diċembru 2014 | illum 17 K ienet sena tassew taħraq kif ilkoll kemm aħna ndunajna, imma x'aktarx mhux daqs dawk li ġejjin. Skond stimi preliminari tal-Organizzazzjoni Metereoloġika Dinjija (WMO) li ħarġu fil-bidu ta' Diċembru, is-sena 2015 ser tkun waħda mill-aktar snin sħan, jekk mhux l-aktar sħuna, li qatt ma ġiet irreġistrata. Dan hu l-aktar minħabba l-fatt li t-temperatura f 'wiċċ il-baħar laħqet livelli rekord li, flimkien ma' fatturi oħra, tat lok għal xita qawwija u għargħar f 'bosta pajjiżi u niexfa estrema f 'oħrajn. Dan it-tibdil fil-klima qiegħed fil- fatt jikkontribwixxi għal estremi metereoloġiċi f 'pajjiżi differenti. L-istqarrija proviżorja tal-WMO dwar l-Istatus tal-Klima Globali fl-2014 tindika li t-temperatura medja globali fuq il-wiċċ il-baħar u l-art minn Jannar għal Ottubru kienet 0.57°C aktar mill-medja ta' 14.00°C għall-perjodu ta' referenza bejn l-1961 u l-1990 u 0.09°C aktar mill-medja tal-aħħar għaxar snin (2004-2013). Dawn il-figuri forsi ma jidhrux ħafna imma fil-fatt huma ta' sinnifikat kbir fir-rigward tal- kontinwazzjoni tal-ħajja fuq din il-pjaneta. Jekk l-istess tendenzi jibqgħu evidenti f 'Novembru u Diċembru, u dan jidher li hu l-każ, din is-sena tkun l-aktar waħda sħuna li qatt ġiet reġistrata, aktar mis-sena 2010, 2005 u 1998. Skont is-Segretarju Ġenerali tal-WMO, Michel Jarraud, "L-informazzjoni proviżorja għall- 2014 tfisser li erbatax mill-ħmistax- il sena l-aktar sħan li qatt ġew irreġistrati kienu kollha fis-seklu 21. M'hemm l-ebda waqfien fiż- żieda globali tat-temperatura. Dak li rajna fl-2014 huwa konsistenti ma dak li nistennew minn klima li qed tinbidel. Sħana rekord flimkien ma' xita torrenzjali u għargħar li qerdu l-għixien ta' ħafna. Dak li huwa partikolarment insolitu u allarmanti din is-sena hu t-temperaturi għoljin fuq żoni kbar tal-wiċċ tal-oċean, anke fl-emisferu tat-tramuntana." Jarraud ma setax ikun aktar enfatiku sabiex jikkumbatti dawk li għadhom, minkejja l-evidenza xjentifika kollha, jiċħdu li d-dinja qiegħda tisħon minħabba l-attività umana. Jarraud kompla jgħid li l-emissjonijiet rekord ta' gassijiet serra qed ipoġġi l-pjaneta fi triq ta' futur aktar inċert u inospitabbli. Bażikament qed nilagħbu mal- futur tal-pjaneta, mal-aktar ħaġa mportanti li tista' teżisti, li fuq il-pjaneta tagħna l-ħajja kif nafuha tibqa' possibli. Ir-rabta bejn it- temperaturi għoljin u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tidher aktar u aktar konfermata bl-evidenza xjentifika. L-aħħar analiżi tal-WMO turi li l-livelli atmosferiċi ta' biossidu ta' karbonju (CO2), metan (CH4) u l-ossidu ta' diażotu, l-hekk imsejjaħ 'gass tad-daħq' (N2O) laħaq livelli rekord fl-2013. Il-medja globali tal-livelli atmosferiċi ta' CO2 kienet ta' 396.0 parti kull miljun (ppm), ftit jew wisq 142% tal-medja tal-era qabel ir-Rivoluzzjoni Industrijali. Aktar inkwetanti kien il-fatt li ż-żieda mill-2012 kienet ta' 2.9 ppm li hija l-akbar żieda minn sena għal sena u b'numru ta' stazzjonijiet fl- emisferu tat-tramuntana jirreġistraw livelli ta' aktar minn 400 ppm. Iż- żieda fil-livelli atmosferiċi ta' CO2 bejn l-2003 u 2013 tammonta għal madwar 45% mis-CO2 iġġenerat mill-attività umana. L-istess jista' jingħad fir- rigward tal-gassijiet serra l-oħra : il-konċentrazzjoni ta' CH4 fl- atmosfera fl-2013 laħaq rekord ġdid ta' 1824 parti kull biljun (ppb) li hu madwar 253% tal-livell pre-industrijali. Il-metan hu gass li jagħmel ħsara kbira u huwa kkawżat ukoll mill-gass tagħna u tal-annimali. B'mod partikolari l-baqar jipproduċu ħafna gass u għaldaqstant, min jiekol anqas ċanga, jew isir kompletament veġetarjan, ikun qed jgħin biex jikkumbatti t-tibdil fil-klima. Mill- banda l-oħra, il-konċentrazzjonijiet globali ta' N2O laħqu 325.9 ± 0.1 ppb, 121% tal-livell pre-industrijali. Il-WMO kompliet tosserva fl- istqarrija tagħha li t-temperaturi għoljin fl-ewwel għaxar xhur tas- sena seħħew minkejja li ma kienx hemm il-fenomenu magħruf bħala El Niño li jiġri meta l-arja sħuna aktar mill-medja fil-Paċifiku tal-lvant tingħaqad mas-sistemi ta' pressjoni atmosferika bir-riżultat li t-temp madwar id-dinja kollha jiġi affetwat. Madankollu, it-temperatura f 'wiċċ il-baħar laħqet il-livell li joqrob dik li jkun hemm waqt El Niño u ħafna mill-fenomeni assoċjati ma' El Niño kienu osservati f 'ħafna partijiet tad- dinja. Dan ix-xenarju wassal lil Christiana Figueres, Segretarja Eżekuttiva tal-UN Framework Convention on Climate Change (UNFCCC) biex tgħid "Il-klima qed tinbidel u kull sena r-riskji ta' avvenimenti klimatiċi estremi u l-impatt tagħhom fuq l-umanità qed jikber. Fortunatament, il-klima politika qed tinbidel ukoll u jidher li l-gvernijiet, kif ukoll investituri, negozji u bliet individwali qed jersqu lejn ftehim sinnifikanti dwar il-klima universali f 'Pariġi 2015 - ftehim li jrażżan iż-żieda fit-temperatura globali għal anqas minn 20 C billi juri t-triq għat-tneħħija tad-dipendenza tal-ekonomija mondjali fuq il- biossidu ta' karbonju u jagħti lok għan-newtralità klimatika fit-tieni nofs tas-seklu." L-UNFCCC hija organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda li qed twettaq xogħol imprezzabli fir-rigward tat-tibdil fil-klima bil- pubblikazzjoni regolari ta' rapporti li qed ipittru stampa dejjem aktar perikoluża għall-klima fid-dinja minħabba l-attività umana. It-tama ta' Figueres hi li wara s-summits inkonklussivi ta' Copenhagen u ta' Lima li għalaq ftit jiem ilu, is-summit li ser isir is-sena d-dieħla f 'Pariġi jwassal għal ftehim aħħari sabiex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 20 C aktar milli kienet fl-era pre- industrijali għaliex livell ogħla minn hekk jipperikola l-ħajja fuq id-dinja. Sabiex dan iseħħ, trid issir bidla radikali fil-mod kif tiġi ġġenerata l-attività ekonomika fid-dinja. F'Lima kien hemm nuqqas ta' qbil bejn il-pajjiżi sinjuri li kienu l-ewwel li kienu industrijalizzati u li huma responsabbli għal ħafna miż-żieda fil-klima u dawk li jew għadhom sotto-żviluppati jew li qegħdin jiżviluppaw b'rata mgħaġġla bħaċ- Ċina, l-Indja u l-Vjetnam. Il-ftehim ta' Kyoto tal-1992 kien jiddistingwi bejn dawn iż-żewġ gruppi ta' pajjiżi u kien jobbliga biss lill- pajjiżi żviluppati (Annex I) sabiex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Illum, ix-xenarju ekonomiku nbidel sew u l-pajjiżi hekk imsejħin industrijalizzati qegħdin fi proċess ta' deindustrijalizzazzjoni b'ħafna mill-attività tal-manifattura tagħhom tispiċċa titwettaq f 'pajjiżi tal-lvant tal-Ewropa jew tat-Tielet Dinja, b'mod partikolari fiċ-Ċina. Ir-riżultat aħħari ta' dan il-proċess hu li l-pajjiżi li storikament kienu industrijalizzati qed jesportaw ħafna mill-emissjonijiet ta' gassijiet serra lill-pajjiżi anqas żviluppati minnhom. Fuq insistenza tal-pajjiżi industrijalizzati, din id-distinzjoni bejn pajjiżi sinjuri, hekk imsejħin ta' Annex I u dawk anqas sinjuri tneħħiet fil-ftehim ta' Lima. Issa kull pajjiż hu mistenni li jindika sal- aħħar ta' Marzu kemm hu dispost li jnaqqas l-emissjonijiet tiegħu tal- gassijiet serra. Imbagħad l-UNFCCC jikkalkula sa Novembru 2015 iż-żieda medja fil-klima li tirriżulta mill-impenji nazzjonali kollha sabiex il-konferenza ta' Pariġi jkollha idea ta' xi tnaqqis ulterjuri jrid isir sabiex it-temperatura ma tiżdiedx aktar minn 20 C. It-test tal-ftehim ta' Lima jipprospetta 'ftehim ambizzjuż' fl- 2015 li jirrifletti "responsabbiltajiet komuni imma differenzjati u l-kapaċitajiet rispettivi" ta' kull pajjiż "fid-dawl ta' ċirkostanzi nazzjonali differenti." Il-pajjiżi żviluppati ntrabtu wkoll li jipprovdu għajnuna finanzjarja lil pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma 'vulnerabbli' għat-tibdil tal-klima. L-istqarrija tat-3 ta' Diċembru li għadda tal-W.M.O. telenka bosta sitwazzjonijiet ta' klima anomala li ġraw fl-ewwel xhur ta' din is-sena: xita ħafna aktar mis-soltu f 'bosta partijiet tad-dinja, tempesti tropikali kif ukoll nixfa f 'bosta postijiet oħra bħal Kalifornja, Nevada u Texas li kellhom anqas minn 40% tax-xita tal-medja bejn l-1961 u l-1990. Dan il-kaos klimatiku qed ikollu anke effett ekonomiku u ħadd mhu aktar konxju minn dan mill-kumpaniji tal-assikurazzjoni li jkollhom iħallsu l-kumpens għal dawn id- diżastri ambjentali. Anke l-militar bdew iħarsu lejn it-tibdil fil-klima bħala theddida serja għas-sigurtà nazzjonali. Kif rajna, li jintlaħaq ftehim fuq livell internazzjonali hija impriża tassew diffiċli. Imma l-kritiċità tas- sitwazzjoni qiegħda ġġiegħel bosta bliet u azjendi sabiex jieħdu azzjoni unilaterali sabiex inaqsu l-'carbon footprint' tagħhom u b'hekk, itaffu l-kawżi taż-żieda fit-temperatura. Qiegħed jikber il-moviment sabiex id-dinja ma tibqax tuża aktar enerġija fossila wara s-sena 2050 u b'hekk, telimina l-emissjoni umana ta' gassijiet serra. Dana jfisser li ħafna mir-riżorsi ta' idrokarburi u faħam li ġew identifikati fid-dinja ma jkunux jistgħu jintużaw u dan se jfisser ċaqlieq drammatiku tar- riżorsi mondjali. Ma nilludux ruħna li aħna pajjiż żgħir u allura m'għandniex responsabilitajiet in meritu. Ras imb'ras, nemettu CO2 ftit anqas mill-Italja u ftit aktar minn Franza. Kull wieħed minna jista' jagħmel sforz biex inaqqas il-'carbon footprint' tiegħu billi jadotta bosta miżuri: aktar użu ta' trasport pubbliku jew trasport kollettiv (aħna l-Maltin fost l-aktar fl-Ewropa li nużaw trasport privat biex immorru għax-xogħol), adozzjoni ta' miżuri sabiex titjieb l-effiċjenza termika fil-bini tagħna, anqas ikel ta' laħam u tifi regulari ta' dwal u computers li m'humiex meħtieġa. Din mhix ċajta u jekk id-dinja ma tieħux azzjoni radikali fis-snin li ġejjin, dan jista' jkun l-aħħar seklu sħiħ tal-ħajja fuq din id-dinja. Ara wkoll l-artiklu "Il-Klima ta' Bidla" fil-ħarġa tas-27 ta' Diċembru 2009 u "Drama fi Stokkolma" fil- ħarġa tad-29 ta' Settembru 2013. Is-Sena t-Tajba lil Kulħadd ! Segwini fuq Twitter @ellisjoseph jew fuq Facebook. Sena sħuna - mhux daqs dawk li ġejjin JOE ELLIS "Dan jista' jkun l-aħħar seklu sħiħ tal- ħajja fuq din id-dinja"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 28 December 2014