Illum previous editions

illum 28 December 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/439088

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

18 illum | Il-Ħadd 28 ta' Diċembru 2014 KIEN hemm uħud li ħaduha bi kbira li xi ħadd li spiss wera ruħu kritiku tal-istat, li saħansitra ssatirizza lill-istat, lir-Repubblika u r-ritwali tagħha, li esprima diversi drabi u b'diversi modi l-iskumdità bil-klassi politika; jaċċetta ġieħ ir-Repubblika f 'għeluq l-erbgħin sena tagħha. Ma nistax inlum lil dawn l-individwi, iktar u iktar meta forsi sa issa kienu jidenfitikaw irwieħhom u jassoċjaw il-fehmiet politiċi tagħhom ma' fehmiet li aktarx ma joqogħdux f 'kuntest ċerimonjali li l-istat jorganizza annwalment biex iġedded is-simboliżmu tal-eżistenza tiegħu. Ġimagħtejn ilu, fis-Sala tal-Gran Kunsill, il-President tar-Repubblika għamlet diskors uffiċjali li aktarx jagħti interpretazzjoni aġġornata tar- Repubblika. F'indirizz ta' ftit minuti l-President, kif mistenni minnha, tat ġieħ lir-Repubblika billi rrikonoxxiet id-differenzi f 'Malta u l-poplu tagħha erbgħin sena ilu u llum. Semmiet li l-poplu sar aktar edukat, aktar f 'saħħtu, sar jgħix aktar u llum il- ġurnata qiegħed igawdi firxa usa' ta' drittijiet, b'aċċess aktar miftuħ għall- edukazzjoni u x-xogħol. M'għandix dubju li mhux kulħadd lest li jaqbel ma' dan id-diskors, u wieħed jista', fil-fatt, iqisu bħala eżerċizzju ieħor fir- retorika politika li tħeġġeġ li tqanqal lin-nies u tagħmihom. Jien se nagħżel li ninterpreta d-diskors tal-President b'mod inqas superfiċjali minn hekk forsi, b'mod inqas previdibbli u mekkaniku. L-ottimiżmu tal-President mhux biss irid jittieħed fil-kuntest tal-okkażjoni iżda jrid jitqiegħed f 'kuntrast ma' dikjarazzjonijiet oħrajn fl-istess indirizz. Jidher li skont il-President, is-saħħa u l-fibra tar-Repubblika ma jiddependux biss mill-politiċi li jmexxuha iżda minn dik li hi ssejħilha "ċittadinanza kritika u attiva". Għal aktar minn darba tul id-diskors tagħha, il-President irreferiet għall- imħuħ kritiċi li huma responsabbli fil-manteniment tar-Repubblika. Pereżempju: "Inħeġġeġ lis-soċjetà ċivili biex tibqa' tgħin lill-pajjiż jirrifletti b'mod kritiku u jieħu azzjoni għaqlija fil-konfront ta' kontradizzjonijiet umani li nsibu f 'soċjetà ċkejkna." Aktarx li l-President riedet tara kif tinkoraġġixxi l-idea li l-istat m'għandux biss jieħu ħsieb it-tqassim tal-ħobża ta' kuljum taċ-ċittadini tiegħu, imma li dawn iċ-ċittadini għandhom ifasslu ħajjithom anki bi spirtu kritiku. Id-diskors tagħha fiċ- ċerimonja fis-sala tal-Gran Kunsill donnu li kien indirizzat l-aktar lejn dak in-nukleu li jista' joffri, permezz tal-ħsieb aktar minn xejn, ħsieb kritiku li jisfida l-istatus quo mhux għall-gost li jirribella daqskemm għas-sostenn ta' repubblika li ħadet iż-żmien tagħha biex timmatura politikament u li għad fadlilha x'taqdef biex tkun tassew repubblika matura. Fil-ħsieb tal-President ir-Repubbulika teħtieġ "ċittadinanza li tirrifjuta li tkun oġġett tal-istorja" u li, minflok, tkun is-suġġett, l-aġent li jmexxi l-istorja mingħajr pompożità erojka iżda b'determinazzjoni. Din il-maturità li għadha ma waslitx minkejja l-passi li għamlet ir-Repubblika tul dawn l-erbgħin sena tista' tintlaħaq biss jekk il-ħassieba u ċ-ċittadini tagħha jibdew ifittxu li jeradikaw "il-medjokrità fil-ħsieb". Huwa tassew sinifikanti li l-kap tan- nazzjon, mingħajr tlaqliq tiddikjara li "Repubblika li tibża' mill-intellettwali, li toħnoq, tirredikola jew tinjora l-ħsieb kritiku, hija Repubblika dgħajfa li ma laħqitx il-milja tagħha." Dak li qiegħda tħeġġeġ il-President huwa li l-intellettwali jieħdu sehem aktar qawwi fil-ħajja tar-Repubblika billi, qabel xejn, ikunu kritiċi tal-istess repubblika. Meta wieħed iħares lejn l-istorja, għandu bilfors jirrikonoxxi s-sehem ta' diversi ħassieba u artisti li bil-ħsieb tagħhom offrew dan l-atteġġjament kritiku. Biżżejjed wieħed jara l-ispirtu voċiferu tal- ewwel kittieba tagħna biex jifhem il-kunċett tal-ħsieb kritiku. Ngħidu aħna min kiteb bil-lingwa tiegħu meta l-kurrent (fil-bidu tas-seklu għoxrin) kien li dil-lingwa tintrema'. Jew min ħareġ bl-idea ta' Malta Maltija meta kien għad hemm l-idea qawwija ta' Malta kolonja. Jew min iddubita r-retorika indipendentista u saħaq li l-Indipendenza, minbarra fuq il- karta, hemm bżonn li tkun fil-moħħ. Jew min ħareġ ir-rabja lejn il-klan politiku responsabbli għall-qasma ta' Malta f 'żewġ tribujiet. F'dawn l-aħħar mitt sena kienu dejjem il- kittieba fost l-avangwardja kritika li ffaċċjat in-nazzjon fil-mumenti kritiċi tal-istorja tiegħu. Kienu l-kittieba fost dawk li riedu lil Malta nazzjon sovran, repubblikan u modern. Dak li ddikjarat il-President fid-diskors tagħha huwa l-affermazzjoni, did- darba mill-Kap tal-Istat, ta' dak li diversi kittieba kienu ilhom jisħqu li għandu jkun ir-rwol tagħhom fis- soċjetà. Id-diskors tal-President kien wieħed nieqes minn ħafna retorika tipika ta' diskorsi li jsiru f 'okkażjonijiet bħat-13 ta'Diċembru. Minbarra l-ħtieġa tal- element riflessiv u kritiku, il-President saħqet fuq l-obbligu li r-Repubblika (jiġifieri l-grupp politiku tal-pajjiż) tibda tindirizza b'impenn ġust il- problema serjissima tal-ambjent f 'Malta. Dan sar pajjiż tal-konkrit li fih m'għad hawn ebda spazju għar- rikreazzjoni, għar-riflessjoni u għall- għejxien komdu u san taċ-ċittadini. Dawn huma kummenti li diversi attivisti u ħassieba u kittieba – fi kliem ieħor il-faxxa kritika – issa ihom żmien twil jisħquhom fl-attiviżmu tagħhom. Tkellmet ukoll, il-President, fuq il-pjaga tal-prekarjat u l-ħniena li r-Repubblika hija obbligata li turi mal- immigranti u r-refuġjati li jitilqu minn djarhom xi mkien fl-Afrika u jispiċċaw hawn. Id-diskors tal-President qabel l-għoti tal-ġieħ tar-Repubblika, allura, kien diskors li jsejjaħ għall-attiviżmu kritiku fid-dawl ta' diversi problemi li r-Repubblika, minkejja l-progress li għamlet, għadha jew bdiet taffaċċja. Kif naraha jien, fl-indirizz tagħha lil dawk li rċevew l-unuri tar-Repubblika, il-President għadditilhom messaġġ ta' x'inhu l-veru sinifikat li hemm ma' dik il-midalja mdendla mal-pavru. Għalija, speċjalment wara li smajt l-indirizz tal-President, l-onorifiċenza mgħoddija mir-Repubblika mhijiex daqstant sinjal ta' apprezzament għall-kontribut li dak li jkun seta' ta lir-Repubblika, anki jekk uffiċjalment din tkun ir-raġuni għala dak li jkun jingħata l-unur. Aktar minn hekk, il-ġieħ tar-Repubblika huwa responsabbiltà oħra, ikbar forsi, lejn ir-Repubblika. Din hija r-responsabbiltà mhux li dak li jkun jikkonforma u jimxi fit-triq tal-politiċi, iżda, għall-kuntrarju, li jkun kritiku fil-konfront tal-mexxejja politiċi u tar-rotta li r-Repubblika tingħata jew issib ruħha tinġarr fiha. Il-midalja, biex niftiehmu, mhijiex il- milja li wieħed ikun laħaq fil-karriera tiegħu, iżda tfakkira biex wieħed iservi ta' leħen kritiku. Dakinhar li aċċettajt il-ġieħ tar-Repubblika aċċettajt li nkompli, anzi nkattar, fl-esperjenza kritika. Hekk talbet ir-Repubblika, u hekk, nittama, li nkun kapaċi nkompli nagħmel. Nieħu l-okkażjoni biex nawgura lill- qarrejja u l dawk qribhom jew bogħod minnhom is-sena t-tajba. IMMANUEL MIFSUD DAK LI TRID IL-PRESIDENT

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 28 December 2014