Illum previous editions

illum 11 January 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/444530

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 31

16 illum | Il-Ħadd 11 ta' Jannar 2015 Il-Punt NAF li hija tema li naqla' ta' sikwit fil-kitbiet varji tiegħi, imma l-verità hi li l-problemi fejn jidħol l-ilsien Malti jikbru ta' kuljum qegħdin u mhux jonqsu jew jissolvew. Iżda llum nagħżel li nżomm 'il bogħod mill-Malti fejn jidħol ix-xandir u l-bqija tal-mezzi tax-xandir għax naf li hemm għaddejjin pjani u ħidmiet bit-tama li xi darba naraw jittieħdu miżuri li permezz tagħhom ix-xandara u l-ġurnalisti tagħna, jridu jew ma jridux, jibdew iħaddmu aħjar l-għodda lingwistika li suppost mogħnija biha. Xejn inqas inkwetanti dwar il-Malti mitkellem huwa l-preġudizzju u l-iżvantaġġ li qed jitpoġġa fihom bl- iskuża tal-bilingwiżmu. L-akkademiċi tagħna, malli ħafna minnhom bdew jaqtgħu qalbhom li jħallu xi effett fuq il-bqija, ma waqfux itambru fuq il-bilingwiżmu tal-Maltin. Huwa minnu li kien il- bilingwiżmu li għenna mmaxtru għajxien taħt il-ġnus ħakkiema li mlew l-istorja ta' dawn il-gżejjer. Għarbi. Grieg. Taljan. Ingliż. U huwa minnu wkoll li l-bilingwiżmu huwa arma qawwija f 'idejna llum fis-Seklu 21 meta rridu nibqgħu fuq quddiem tat- teknoloġija u l-informatika f 'dinja elettronika li qed tinbidel ta' kuljum. Għalhekk ma rrid lil ħadd jaħseb li b'xi mod irrid infarrak l-idea tal- bilingwiżmu, kemm għax ma ngħoddx ruħi bi kwalifikat biżżejjed kif ukoll għax ir- realtajiet tan-nazzjon ċkejken tagħna huma li huma, kif kienu dejjem li kienu. Imma issa ejjew nirraġunaw ftit dwar il-preġudizzju u l-iżvantaġġ. Bl-għajta tal- bilingwiżmu, huma ħafna, anzi l-biċċa l-kbira, tan-nies fid-dinja kummerċjali li jagħżlu li jagħmlu kollox bl-Ingliż. Mur fejn trid, u ssib kollox bl-Ingliż. Jiġifieri l-bilingwiżmu ħadem u għadu jaħdem biss favur it-tieni lsien tagħna. Imnalla l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti kien laħaq ħadem u stinka biex talanqas is-sinjali tal-postijiet bħala għajnuna għat-traffiku jsiru bil-Malti (u fejn meħtieġ, bħal San Pawl il-Baħar, bl-Ingliż ukoll) għax kieku iktar qegħdin ottu. Għas-saħħa tal-argument, iżda, jekk f 'Malta għandna żewġ lingwi uffiċjali (waħda biss hija nazzjonali, il-Malti) suppost li t-tnejn li huma jkunu stmati ndaqs, mhux hekk? Dan ifisser li jekk Malti, jaf jew ma jafx bl- Ingliż, irid jitkellem jew ma jridx jitkellem bl-Ingliż, imur f 'ħanut jew restorant u jsib xi barranija ħelwa tkellmu bit- taparsi Ingliż, nemmen jien li għandu kull dritt jinsisti li din tkellmu bil-Malti. Jekk din ir-Russa, Bulgara, Ukrena eċċ ma tkunx taf bil-Malti, allura jġibu lil ħaddieħor biex jaqdih. Min jagħmel hekk, madankollu, nistgħu nibqgħu ċerti li mill-ewwel se jgħidulu kiesaħ. Li għandna xi Maltin jitkellmu bl-Ingliż u ara ma jmurx xi wejter jew uffiċjal pubbliku jkellimhom bil-Malti, jaqbdu u jiksruh, ma jimpurtax. Dawk mhux talli mhumiex kesħin, iżda għandhom dritt skont id-duttrina ambigwa tal-bilingwiżmu à la Maltija! Din il-marda daħlet ġewwa u saret kankru. Saħansitra l-akbar istituzzjoni edukattiva tal- pajjiż, l-Università, għażlet li tabbanduna l-Ilsien Nazzjonali u, biex tgħaddina biż-żmien, qabdet u waħħlet mal-ħitan tagħha skoss tabelli bi frażijiet taparsi intelliġenti bil-Malti. Jekk dan mhux daħq fil-wiċċ ma nafx x'naqbad insejjaħlu. Il-punt tiegħi huwa wieħed: f 'Malta bilingwa, dejjem skont l-idea akkademika u prattika ta' x'inhu bilingwiżmu, jista' ċittadin jinsisti li meta jmur jinqeda x'imkien ikellmuh bil-Malti? Ikun kiesaħ jekk jagħmel hekk minkejja li jkun jaf jitkellem b'ilsna oħra, fosthom l-Ingliż? Dawn huma l-affarijiet li nies bħal Joe Friggieri u akkademiċi bravi oħrajn għandhom jaraw u mhux biss it-teknika ta' kif sejrin niktbu jew ma niktbux il-kliem misluf mill- Ingliż. L-argument li ċerti Maltin għandhom dritt jitkellmu bl- Ingliż "għax f 'Malta l-Ingliż huwa lingwa uffiċjali daqs il- Malti," nemmen jien, għandu jgħodd ukoll għal min irid iżomm id-dritt li f 'Malta jitkellem bil-Malti. Ma jistax ikun li fuq naħa waħda jkun kollox sew u noqogħdu ngħannu dwar il-ġmiel tal- bilingwiżmu, u fuq l-oħra nwerżqu li hu ksuħat. F'pajjiżi li huma ġenwinament bilingwi fir-realtà assoluta, l-liġi tesiġi li kollox isir biż-żewġ lingwi mħaddma. Il-liġi tagħna, għax tmur lura għall-ħakkiema barranin li għamluha biex taqdi l-interessi imperjalistiċi tagħhom, ma tispeċifikax dan. Dan ifisser li tista' tagħmel kollox bil-Malti jew kollox bl-Ingliż u barra bid- daqq. Ir-riżultat, iżda, nafu x'inhu – tgħassida ġmielha. Forsi wasal il-waqt li dawk kollha li jħobbu l-Malti, għax parti minnhom u jagħtihom l-identità nazzjonali tagħhom, jibdew "jitkessħu" u bħala maġġoranza sħiħa fil-pajjiż isemmgħu leħinhom kontra l-preġudizzju u l-iżvantaġġ li qed jinżammu fihom. Ħadd m'għandu jiddejjaq jitkellem bil-Malti u bil-jedd kollu jistenna lil min iwieġbu jew, aktar u aktar, jaqdih bil- Malti meta jkun qed iħallas tas-servizz. Lil min jgħidlek kiesaħ, żarratlu waħda bil-Malti u jifhmek żgur... għax ħafna minn dawk li jitkellmu bit-taparsi Ingliż meta jidgħu, allajbierek, bil-Malti jfajruhom! CHARLES FLORES Biex tgħaddina biż-żmien, l-Università qabdet u waħħlet mal-ħitan tagħha skoss tabelli bi frażijiet taparsi intelliġenti bil-Malti "Wasal il-waqt li dawk kollha li jħobbu l-Malti, għax parti minnhom u jagħtihom l-identità nazzjonali tagħhom, jibdew "jitkessħu" u bħala maġġoranza sħiħa fil- pajjiż isemmgħu leħinhom kontra l-preġudizzju u l-iżvantaġġ li qed jinżammu fihom" Jgħidulu kiesaħ

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11 January 2015