Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/444530
Il-Ħadd 11 ta' Jannar 2015 | illum 17 XI jkun patrijott? It-teżawru jagħti diversi sinonimi fosthom xi ħadd li jkollu sentimenti nazzjonali, partiġġjan, ċittadin leali, persunaġġ statali. Imma x'jiddefenixxi patrijott? Id-dizzjunarji jitkellmu b'passjoni: min iħobb, jaqbeż jew jiġġieled għal pajjiżu. Il-kelma tfaċċat l-ewwel darba fl-1605 meħudha mill-Franċiż qadim patriote, kumpatrijott, li kienet ġejja mil-Latin tardiv patriota mibnija fuq il-Grieg patriōtēs, patria dixxendenza msejsa fuq patēr li tfisser 'missier'. L-10 ġurnalisti Franċiżi, tlieta minnhom Musulmani, li ġew assasinati dil-ġimgħa f 'Pariġi l-President tar-Repubblika François Hollande sejħilhom patrijotti – mietu għal- libertà tal-kelma li pajjiżhom tant hu magħruf għaliha. Kemm ilu li ħareġ il- ktieb tiegħi France in the Maltese Collective Memory, Perceptions, Perspectives, Identities after Bonaparte in British Malta ħabib magħruf ħass li kellu jagħtini dan il-kumpliment. Tani ferm pjaċir li nista' nitqies xi darba patrijott ta' pajjiżi imma l-aktar li laqatni, issa li l-ktieb wasal fit-tieni edizzjoni f 'anqas minn tliet xhur, kien dak il-bniedem li staqsieni, x'jiġri jekk inneħħu l-monumenti tal-barranin mill-belt kapitali. Ta' min tridna nagħmlu monumenti Maltin? U hawn it-tingiża: mela aħna għandna xi patrijotti?! Qalli bl-akbar frankezza. Ma ħassejtx li kien qed jiġbidli saqajja. Ma rrabjajtx u bgħattu jixxejjer li ma jafx ġrajjet pajjiżna. Maħsud, waqaft u għamilt riflessjoni: kos, min huma l-patrijotti tagħna? Il-ktieb tiegħi iddedikajtu lill-patrijotti kollha li mietu fl-imblokk tal-1798-1800 bla distinzjoni għax sinċerament ma xtaqtx inqis lil dawk li setgħu, fuq iż-żewġ naħat, emmnu bis- sħiħ fil-kawża fejjieda ta' pajjiżhom. Ma jfissirx li kellu raġun kulħadd iżda min segwa lill-mexxejja tiegħu miskin mhux bilfors kien jagħraf min tabilħaqq jixtieqlu l-ġid. EROJ TAL-QEDEM Aktar ma nitbiegħdu fi ġrajjietna biex insibu dawn l-eroj aktar isiru skarsi, aktarx minħabba l-fatt li għad hawn saħansitra storiċi li għandhom fehmiet varji fuq kif u meta l-komunità ta' dal-gżejjer issawret. Abitanti f 'pajjiżna imorru lura sebat elef sena imma niddubita serjament kemm fadal minn dawk l-orakli ta' Ħaġar Qim jew il- Ġgantija. Żmien il-Kartaġiniżi huwa ħafna eqreb u l-fdal tagħhom bħal tar-Rumani hawn mhux hażin iżda wkoll minn dal-perjodu għandna dubji kbar kemm kien fadal wara li l-gżejjer ħatfuhom l-Għarab fis-Seklu Disgħa. Meta sirna Nsara xejn mhu ċar. Diffiċli tgħid jekk kienx San Pawl li ġabilna l-fidi, ukoll jekk waqafx hawn. Jidher li aktarx Malta daħlet fi ħdan il-Kristjaneżmu għax kienet tifforma parti mill-Imperu Ruman fis-Seklu Erbgħa. Konna Nsara tal-Lvant għal xi żmien kif jixhdu ċerti użanzi u lokijiet tal-Knisja Biżantina iżda x'baqa' jferfer minn dak iż-żmien sa ma għeb għal kollox id-din Musulman, hawn diversi opinjonijiet riċerkati. Jidher li l-akbar probabbiltà titfagħna lejn l-Anglabiti minn Sqallija, flimkien ma' taħlita ta' Musulmani u Ebrej li ġew mill-gżira qribna fis-seklu ħdax u organizzaw komunità fostna. ĠRAJJIETNA Bil-wasla tal-Konti Ruġġieru dawn ġew aktar organizzati tant li mhux biss tawna l-lingwa Semitika li nitkellmu sal-lum iżda wkoll waqqfu kull belt u raħal li ngħixu fihom. Miż-Żejtun sal-Mellieħa l-ismijiet aktar jixhbu bliet Għarab. Skont l-aħħar studji fuq kunjomna l-aktar diffużi huma l-oriġinali Semitiċi ta' dak iż-żmien – minn Borg sa Buhagiar, Camilleri sa Zahra. Wara li dawn in-nies minn Musulmani qalbu għal Insara biex jibqgħu hawn fis-Seklu Tlettax il-Maltin u l-Għawdxin taw ħafna provi tal-fidi Nisranija. Minn hawn forsi nistgħu nibdew infittxu l-patrijotti tagħna għax għandna storja miktuba aktar ċara. Il-leġġendi ma jonqsux iżda patrijotti bi provi jidher li għad irridu nirrikonoxxuhom. Insemmu fiż-żgur lil Ġużeppi Callus (magħruf Mattew) li ġie mdendel minn La Valette għax oġġezzjona għat-teħid ta' Malta. Żmien il-Kavallieri jagħtina diversi karattri li ġġieldu għal Malta, l-aktar waqt l-Assedju l-Kbir bħal Toni Bajada iżda żgur li l-akbar wieħed jibqa' Mikiel Anton Vassalli li kien l-ewwel intelletwali, politku li ħabb lil Malta tassew, xtaq il-ġid 'l uliedha bis-serjetà u sofra 20 sena eżilju għax abbandunawh l-istess ħutu Maltin u Għawdxin. UMBRAJNA LIL VASSALLI Ġrajjet Vassalli mimlija glorja iżda l-memorja kollettiva li bagħbsulna l-Brittaniċi bl-inkoraġġiment ta' membri tal-kleru żmien il-Franċiżi ġegħlitna ninsew u numbraw lil Vassalli għal aktar minn mitt sena. Sejħulu ġakbin, traditur, arrestawh, tefgħuh il-ħabs u eżiljawh. Matul dan il-martirju kollu wara li kien tħabat tant biex iġib lejn Malta t-twelid tad-demokrazija, tar-repubblikaniżmu, tal- modernità u l-libertà, sab ruħu tradut min-nies fit- tmexxija Maltija. Żgur li Ball u sħabu l-Ingliżi ma kinux jafu min hu Vassalli. Waqt l-imblokk Vassalli baqa' l-Belt mal-Franċiżi bħall-Isqof Labini iżda qatt ma nafu li kellu xi sehem militari jew iġġieled kontra l-Maltin. Isofri minn saħħtu, spiss dieħel u ħiereġ l-isptar, spiċċa biex ħareġ mill-Belt sena wara l-imblokk. Ġie arrestat għax il-Maltin għarfuh u tkellmu ma' Ball. Sa hawn fiha u ma fihiex; fi żmien ta' gwerra tieħu prekawzjonijiet iżda meta ġie biex jiġi eżiljat filwaqt li xi wħud minn sħabu inbidlithom is-sentenza tal- eżilju, it-talba tiegħu biex jibqa' Malta ġiet irrifjutata. Kmand min-naħa tal-Maltin dejjem kien il-kanonku Caruana, Żebbuġi bħalu li kien jilagħbha ta' ħabib tiegħu. Mhux talli ma daħalx għalih u ma għaddilux kelma tajba talli wisq nissuspetta li kien perċimess biex is- sentenza ta' eżilju titwettaq bla telf ta' żmien. Storja li tixbah lil ta' Manwel Dimech meta ma nġiebx lura mill- eżilju fl-1921, fejn miet, fuq l-insistenza tal-patri Dumnikan Malti Portelli. Nirringrazzjaw 'l Alla llum il-Knisja Maltija xorta oħra imma l-verità ta' ġrajjietna ma tistax tibqa' moħbija għal dejjem. Iż-żejt jitla' f 'wiċċ l-ilma. MONUMENTI LILL-EROJ Fil-ktieb tiegħi tant semmejt monumenti mhux f 'posthom fil-Belt kapitali tagħna li kważi qalgħuhieli 'tal-monumenti'. Xbajt ngħid li kull monument barrani bla sens qed jimblokka l-memorja tagħna, jieħu post dawk li jixirqilhom tifkira aħjar biex jgħinuna nsibu min tassew kien patrijott Malti. Xi wħud wasalna għalihom bit-tnikkir bħal tas-Sette Giugno u kważi nsibu kif naħbuhom. Meta l-Amerka riedu li pajjiżhom ikollu storja ta' verità raw kif għamlu u bdew itellgħu monumenti u plakek f 'kull belt u raħal; l-Italja għamlu l-istess. Aħna għandna nfittxu min huma dawk li jixirqilhom tifħir u għożża b'rispett u foħrija. Vassalli aktarx jibqa' l-akbar patrijott Malti. Tajnieh il- ġenb sakemm bdejna naraw kif stajna noħorġu minnha. Fis-snin tletin, wara li l-Ingliżi għarfu jinqdew bil-Malti biex jgħallmu l-Ingliż u jwarrbu t-Taljan, bdejna nfaħħru lil Vassalli biss bħala lingwista. Dun Karm stess ifaħħru fl- 1933 f 'sunett partikulari iżda l-parti Franċiża qisha qatt ma kienet, ma jsemmihiex. Illum nieħu gost ngħid li sibt kopja tal-permess tal-pulizija tal-1807 Pariġi li jiddeskrivi lil Vassalli tant tajjeb li minnu l-Artist Paul Farrugia kien tant ġentili li ħariġli xbieha awtentika tiegħu. Għajnejh penetranti; m'għandux bixra ta' arroganza jew qattiel li qatt ma kien. Kien studjuż, mexxej tal-ħsieb, viżjonarju li ra 'l bogħod. Flok il- monument tal-logutenant Brittaniku, ħabib ta' Maitland, li miet żagħżugħ Malta fl-1816 fil-Barrakka ta' Fuq quddiem il-lift missna npoġġu monument ġdid lil Vassalli, mhux iżjed jixbah lil Garibaldi li kien ġeneral militari, imma kif jidher li kien fil-verità meta mar Pariġi ta' 44 sena u ħalla deskrizzjoni ċara ta' wiċċu, it-tul u l-bixra. X'qed nistennew biex nagħtu ġieħ lil min jistħoqqlu u ma nibqgħux nidhru redikoli, jekk ukoll mhux lagħqa, mal-barrani? CHARLES XUEREB Kif Naħsibha Min huma l-patrijotti Maltin? Il-monument ta' Edwards li miet Malta fl-1816 bla qatt laħaq għamel xi ħaġa għal pajjiżna; floku quddiem il-lift tal-Barrakka jixraqlu post onorat Vassalli bix-xbieha l-ġdida