Illum previous editions

illum 11 January 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/444530

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

18 illum | Il-Ħadd 11 ta' Jannar 2015 F is-16 ta' Diċembru 2014, l-ommijiet f 'Peshewar fil-Pakistan bħas-soltu qamu kmieni filgħodu biex ihejju l-kolazzjon għall- uliedhom biex imorru l-iskola. Riedu li wliedhom jitgħallmu. Uliedhom riedu jitgħallmu. Bħas-soltu wliedhom ħarġu mid-dar bil-kolazzjon fil-bagalja flimkien mal-kotba, li wkoll huma ikel… tal-moħħ! Dawk it-tfal, flimkien ma' xi għalliema tagħhom fis-16 ta' Diċembru 2014, ma rritornawx lura lejn l-għeżież tagħhom. Dakinhar, fundamentalisti talibani dahlu fl-iskola tagħhom determinati bl-aktar mod barbaru, li jikkonvinċu li l-ikel tal-moħħ ma kien tajjeb għal ħadd. Fetħu n-nar bl-addoċċ fuq dawk l-istudenti u l-għalliema tagħhom. Ikkonvertew awla ta' tagħlim f 'biċċerija b'differenza waħda... li l-bhejjem jinqatlu b'aktar dinjità. F'temp ta' ftit sekondi ħasdu l-ħajja ta' xejn anqas minn 140 student. Fosthom erba' għalliema! Għal xi jumejn, rajna xeni ta' ommijiet jixhru. Studenti oħrajn Pakistani jqiegħdu bukketti tal-fjuri fil-post fejn inqatlu dawn l-innoċenti. Kienu ħallewni mnikket għall-aħħar, filmati ta' kotba tal-istudju, pinen, nuċċalijiet u basktijiet tal-iskola litteralment jgħumu f 'għadajjar ta' demm. Għaddew jumejn u dan l-inċident intesa. Ma kien hemm ebda demostrazjonijiet jew protesti sinifikanti fil-qalba tal-Ewropa. Ebda Kap ta' Stat fil-Punent ma laqatni b'xi dikjarazzjoni spettakolari dwar dan il-każ. Bħal donnu l-imwiet bil-mijiet tagħhom ta' kuljum barra l-Ewropa, li wkoll ikunu vittmi tal-intolleranza, ma sarux jagħmlu aħbar kbira. Ftit ftit qegħdin isiru biss statistiċi. Frażi li kienet intużat fil-kuntest tal-olokawstu tal-Lhud! L-Ewropa saret qisha dik il-mara li jiddispjaciha għall-mewt fuq l-għatba tal-ġara iżda tagħli meta tasal fuq tagħha. Dan huwa l-ewwel ħsieb li ġieni f 'moħħi meta smajt bl-inċident orribbli u barbaru fuq il-kwartieri ta' sieħbi Charlie Hebdo. Inċident li ħalla ċivili, ġurnalisti u pulizija mejtin. Dak li ġara fil-qalba tal-Ewropa ċivilizzata u ironikament fejn twieldu d-drittjiet tal-bniedem, jiġri ta' kuljum anke fuq skala ħafna akbar f 'pajjiżi barra mill- Ewropa. Iżda kellu jkun dan l-inċident biex il-klassi politika Ewropea jxommu li l-ikel fuq in-nar qiegħed jinħaraq. Għal darba oħra kellhom ipattu dawk li l-anqas jaħtu għall-iżbalji ta' dawk li ma rawx fit-tul. Il-biża' tiegħi hi li l-kbir għadu ġej. Jekk ma noqogħdux attenti u nirreaġixxu b'isteriżmi u b'mod emozzjonali dan jista' jkun ballun tal- borra. Aktar ma jitgerbeb bis-saħħa għan-niżla aktar jikber. Jiena dejjem ngħid li t-test tad-demokrazija qiegħed fl-agħar żmien tiegħu u mhux meta kollox ikun sejjer sewwa. Dan huwa dak iż-żmien għal dawk li jemmnu fid-demokrazija. Fil-mumenti l-aktar emozzjonali rridu nħallu lir-raġuni ssaltan. Dan huwa l-mument fejn irridu nħallu lir-raġuni tiggwidana. Se jkun hemm ħafna li japprofittaw mill-mument biex fl-għalqa tad- demokrazija jiżirgħu s-sikrana tal- intolleranza. Fil-fatt diġà bdejna nisimgħu b'argumenti li sa ftit ilu konna qatt ma konna nobsru li se nerġgħu nisimgħu. Hawn min irid jerġa' jdaħħal il-piena kapitali. Hawn min qiegħed jargumenta li ma' min iwettaq ċertu reati m'għandniex nimxu b'id tal-ħarir u nagħmlu ġurijiet għalxejn. Erġajna bdejna nisimgħu b'liġijiet li jifirdu lill-emmigranti minn ċittadini. Jekk nirreaġixxu b'mod isteriku u emozzjonali l-ballun tal-borra tal- intolleranza se jikber. Ikun żball jekk nibdew niġġeneralizzaw u npoġġu lil kulħadd fl-istess keffa. Anke l-leminija Marie Le Pen, ħasset li kellha tagħmel appell lill-poplu Franċiż li m'għandniex niġġeneralizzaw. L-Imam Sadi, il-Kap tal-Komunità Iżlamika f 'Malta qal tajjeb li atti singulari u sporadiċi bħal dawk li qegħdin jitwettqu madwarna jmorru kontra t-tagħlim tal-Islam. Dawn ma jirrapreżentawx lid-dinja Iżlamika, iżda gruppi fundamenatalisti li kieku għadu magħna, anke Mawmettu jikkundanna. Fir-realtà kull fundamentalist, kemm jekk Musluman u anke jekk mhux, mhux ħabib tad-demokrazija. Dawn jagħmlu minn kollox biex ifixklu jew iħottu kull proċess ta' demokrazija. Dan, pereżempju, qiegħed jiġri faċċata tagħna fil-Libja. Għalhekk, jien nemmen li dak li rajna f 'Pariġi u fi bliet oħrajn madwar id-dinja, aktar milli huma attakk imnisssla mill-intolleranza, huma provokazzjoni biex anke minn jemmen fid-demokrazija jibda jitlef il-fiduċja fiha. Dawn ix-xorta ta' terroristi li mhumiex imnebbħa minn xi prinċipju ta' liberazzjoni, iżda minn ideologija tal-intolleranza għandhom għan wieħed: li jġibu fix-xejn il-valuri tal-libertà billi l-politiċi u l-popli Ewropej isiru bħalhom. Fi ftit kliem il-missjoni tagħhom hi, li jislamizzaw f 'sens negattiv u mhux bil-valuri veri tal-Islam, anke lil dawk li jemmnu fil-valuri tal-libertà u tad-demokrazija. Iridu jikkonvertu lil min jemmen fit-tolleranza, f 'persuna intolleranti. Kull wieħed minna, inkluż jiena, irridu nirreżistu din it-tentazzjoni. L-anqas ma rridu nitfixklu l-kawża mal-effett. Dak li qegħdin naraw madwarna huwa biss l-effett ta' kawża ħafna akbar minn kemm naħsbu. L-inċident ta' Pariġi m'għandux iservi biss biex ikollna mument tal-luttu u tpattija. Dan għandu jservi mument ta' pawża biex il-Punent, u hawn ninkludi wkoll lill-Amerika, jeżamina l-politika tiegħu fir-rigward tal-bqija tad-dinja. Jeżamina wkoll fejn żbalja meta ta l-appoġġ tiegħu biex jitneħħew dittaturi iżda ma għamel xejn aktar wara. Jistaqsi jekk ftaħniex il-kaxxa ta' Pandora meta ħarisna aktar lejn l-interessi kummerċjali milli tan-nies. Jiena m'għandi ebda dubju li Charlie Hebdo jaħsibha l-istess. Il-ħabib tiegħi Charlie "Jekk ma noqogħdux attenti u nirreaġixxu b'isteriżmi u b'mod emozzjonali dan jista' jkun ballun tal-borra" Ommijiet jixhru wara l-attakk fuq l-iskola fil-Pakistan, attakk li ntesa wara jumejn TONI ABELA

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11 January 2015