Illum previous editions

illum 11 January 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/444530

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

20 illum | Il-Ħadd 11 ta' Jannar 2015 X'KIEN jiġri eżatt kieku Charlie Hebdo kien jiġi ppubblikat f 'pajjiż li fil- kodiċi kriminali tiegħu għandu artiklu li jiddikjara li xi ħadd li jinqabad jagħmel "delitti kontra s-sentiment reliġjuż" jista' jeħel perjodu ta' priġunerija? X'kien jiġrilhom kieku l-karikaturisti ta' dan il-pajjiż kienu jpinġu lit-tliet persuni tat-Trinità Mqaddsa jissodomizzaw lil xulxin, jew ipinġu lil Kristu, il-Profeta u Budda f 'orġja omosesswali? Skont il-kodiċi kriminali ta' Malta, biex nieħdu eżempju konkret, kienu karikaturi b'dawn ix-xbihat kienu jitqiesu irreverenti u blasfemiċi u min jagħmilhom kien jeħel perjodu ta' priġunerija ta' bejn xahar u sitt xhur, u f 'każ li l-karikaturi juru lil Budda u l-Profeta u mhux lil Kristu bejn xahar u tliet xhur. Għaldaqstant importanti li nżommu f 'moħħna li meta anki l-politiċi tagħna qalulna "Je Suis Charlie", jew "Illum aħna lkoll Franċiżi" huma stess qegħdin iżommu liġi fis- seħħ li tipprojbixxi l-eżistenza ta' dan Charlie li suppost, minn din il-ġimgħa, kellna nibdew nidentifikaw irwieħna miegħu. Charlie Hebdo ma jeżistix f 'Malta. Ma nafx kemm-il multa ta' €11.65 kienu jaqilgħu u kemm-il xahar kienu jieklu ħabs dawk l-istess nies immassakrati bil-kalaxnikov kieku kellhom l-uffiċċju tagħhom, ngħidu aħna, il-Belt Valletta. Sadattant, mhux kulmin ikkundanna l-att terroristiku jemmen fis-sħiħ li r-redazzjoni ta' Charlie Hebdo għandha dritt tpinġi l-karikaturi irreverenti tal- ikoni reliġjużi. Dan mhux f 'Malta biss. Hemm min qiegħed iħoss li s-slogan "Je Suis Charlie" huwa trivjalizzazzjoni ta' dak li ġara. Hemm min iħoss li Hebdo huwa ġurnalett razzista li kien qiegħed ikompli jiffomenta l-iżlamofobija. Imbagħad hemm min iħares lejn dan il- ġurnalett bħala pubblikazzjoni infantili li l-kontributuri tiegħu jieħdu gost ikunu skandalużi sempliċiment biex ikunu kontroversjali: il-gost, forsi anki narċissistiku, tal- kontroversja. Il-libertà tal-espressjoni hija prinċipju li ħafna huma lesti jaħilfu għalih. Huwa prinċipju li jitqies bħala dritt fundamentali. Sakemm – u hawn titfaċċa l-famuża "sakemm" – din l-espressjoni ma tweġġax, ma toffendix lil oħrajn. Mhuwiex faċli, iżda, tikkwantifika l-offiża. Jekk Charlie Hebdo jinqara minn mitt persuna u waħda minn dawn – waħda biss – tħossha offiża, se napplikaw is-sistema tar-rieda tal-maġġoranza biex niddeċiedu dak il-materjal huwiex offensiv jew le? Jekk persuna waħda tħossha offiża – ġenwinament offiża – għandhom id-disgħa u disgħin l-oħra jaċċettaw l-oġġezzjoni u jwaqqfu l-pubblikazzjoni? Anki għaliex wieħed jista' jħossu offiż bl-offiża ta' ħaddieħor. Jien, ngħidu aħna, inħossni offiż b'ħafna affarijiet li ħaddieħor jeħodhom b'normali. Pereżempju t-trattament taċ-ċittadin minn ħafna politiċi nħossu offensiv. Nista' niċċensura lit-tali u lit-tali politiku għax qiegħed joffendini b'imġibtu? X'limiti għandu jkun hemm – dejjem jekk għandu jkun hemm limiti – għal-libertà tal-espressjoni? Hemm każi fejn il-'pudur' jew is-'sens komun' jitolbu li ngħattu ftit, li nillimitaw, li forsi anki niċċensuraw dak li qiegħed jesprimi ħaddieħor? Hemm limitu fuq x'għandna nxandru, x'għandna nuru? Pereżempju min iddeċieda li fil-filmat drammatiku li juri ż-żewġ terroristi jiġru fit-triq bil-kalaxnikov kellu jitgħatta t-tir fatali lill-pulizija Ahmed Merabet jgħajjat jitkgħaweġ fuq il-bankina, jgħajjat bl- uġigħ u jittallab bil-ħniena biex jitħalla jgħix? X'kienet ir-raġuni għala dik is-sekonda atroċi titgħatta fil-mezzi tax- xandir? Dak it-tir kien jisboq il-limitu li jiggverna x'għandu u x'ma għandux jintwera forsi? Jekk l-individwi għandhom limitu kemm jifilħu jaraw atroċitajiet, jista' jkun li l-individiwi għandhom limitu kemm jifilħu jaraw satira? Xi ħadd iddeċieda li dak it-tir fatali kellu jitgħatta, forsi mqar b'rispett tal-vittma jew il-familjari tiegħu. Il- punt hu li xi ħadd, forsi anki ġustament, ħass li mhux kollox jgħodd għall-ħarsa tan-nies. Wara l-attakk li ħalla tnax-il ruħ mejta t-terroristi telqu minn fuq il-post b'karozza sewda. Għajtu l-għajta li Alla huwa kbir u għajtu wkoll li kienu għadhom kemm qatlu lil Charlie Hebdo. Charlie Hebdo ma mietx. U se jdum ma jmut. Aktar minn qatt qabel Charlie Hebdo sar istituzzjoni issa. Jekk sal-bidu tal-ġimgħa Charlie Hebdo kien il-paladin tal-libertà tal-espressjoni, speċjalment tal-espressjoni irreverenti, issa sar il-martri li xteridlu demmu imma baqa' ħaj. Filwaqt li dawn it-terroristi ħadmu l-pjan tagħhom bi preċiżjoni klinika, ħadu żball kbir fil-kalkoli tagħhom dwar it-tmiem ta' Charlie Hebdo. Il-qtil ma kien qatt se jwassal għat-tmiem u d-difna ta' Charlie Hebdo. Forsi hija klixè imma hemm strumenti aqwa mill-kalaxnikov. Imqar minħabba li issa hemm sentiment qawwi ta' reżiljenza u ta' ritaljazzjoni. Fuq kollox dan l-attakk ma kienx battalja reliġjuża. Ir-reliġjon mhijiex il- kwistjoni vera hawnhekk, u għaldaqstant ikun żball kbir jekk il-Franċiżi u l-bqija jdaħħlu f 'rashom (jew aħjar isaħħu l-preġudizzju diġà eżistenti) li l-Iżlam huwa essenzjalment vjolenti u terroristiku. Bħal kull gwerra 'qaddisa' oħra, din hija gwerra ta' mibegħda li, b'mod mill-aktar perfidu, tuża r-reliġjoni(jiet) biex tqanqal aktar mibegħda. Sfortunatament, iżda, diġà l-Lemin estrem qiegħed jogħrok idejh li għandu skuża ġdida biex jesprimi l-mibegħda lejn l-Iżlam. Min iddeċieda li fil-filmat drammatiku li juri ż-żewġ terroristi jiġru fit-triq bil-kalaxnikov kellu jitgħatta t-tir fatali? Int Charlie Hebdo? IMMANUEL MIFSUD Ftit noti dwar Charlie Hebdo:

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11 January 2015