Illum previous editions

illum 11 January 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/444530

Contents of this Issue

Navigation

Page 3 of 31

4 illum | Il-Ħadd 11 ta' Jannar 2015 Ikompli minn paġna 1 Din il-ġimgħa l-Ministru għall- Ġustizzja u Gvern Lokali, Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali, Stefan Buontempo ħabbru li twaqqaf fond għall- proġett kapitali tal-kunsilli lokali, liema fond se jkun fond addizzjonali ma' dak li l-gvern jalloka ta' kull sena għall-Kunsilli Lokali. Bonnici spjega li l-fond huwa ta' miljun ewro u se jkun intenzjonat għall-proġetti kapitali. "Qed tingħata prijorità lil dawk il-proġetti li jagħtu xi ħaġa lura lill-gvern u qed ikun ukoll suġġerit li l-Kunsilli jfittxu xi tip ta' sponsorship addizzjonali ħalli l-proġetti ma jkunux jiddependu biss minn dan il- fond." Il-Ministru qal ukoll li l-għażla tal-proġetti se ssir minn bord li twaqqaf apposta wara li jkun evalwa s-sottomissjonijiet, liema sottomissjonijiet iridu jintbagħtu fi żmien tliet ġimgħat. Mistoqsi minn din il- gazzetta jekk iż-żmien allokat għas-sottomissjonijiet hux twil biżżejjed, is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li l-Kunsilli Lokali diġà għandhom f 'moħħhom ideat għal proġetti varji fil- lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. "Uħud minnhom diġà għandhom proposti għal proġetti li kellhom jibqgħu fuq l-ixkaffa għal tul ta' żmien minħabba nuqqas ta' fondi filwaqt li oħrajn diġà għandhom proposti li ġew diskussi f 'laqgħat tal-istess Kunsilli Lokali." Buontempo qal li diġà kien hemm reazzjoni pożittiva għall- fond addizzjonali li tħabbar mill- Gvern għaliex il-Kunsilli Lokali qed jarawha bħala opportunità li biha proġetti jistgħu jimmaterjalizzaw irwieħhom għal ġid tal-komunitajiet u r-residenti tagħhom. "F'dinja globalizzata u kompetittiva hemm bżonn li jittieħdu d-deċiżjonijiet biex jitwettqu l-affarijiet li hemm bżonn jitwettqu b'għaqal iżda mingħajr dewmien żejjed." Intant din il-gazzetta tkellmet ukoll ma' tliet sindki kif ukoll mal-President tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni li tawna dawn il-kummenti. Stephen Sultana – Sindku PL, Santa Venera L-inizjattiva li ħa l-Gvern hija miżura ta' min ifaħħarha u dan għal raġuni li se tkun qed tkompli tagħti nifs lil dawk lill-Kunsilli li huma bieżla u ħabrieka fl-ideat. Minkejja li tliet ġimgħat jistgħu jkunu ftit wisq sabiex tiġi mfassla proposta, kull Kunsill Lokali suppost ikun fassal Business Plan liema pjan ikun jinkludi fost l-oħrajn anke proġetti kapitali li jkun jixtieq jimplimenta. Nieħu għal Kunsill Lokali ta' Santa Venera, bil-commitments li wiret minn amministrazzjoni preċedenti kien ikun impossibli sabiex aħna bħala Kunsill jimplimenta proġetti kapitali sakemm ma jikkunsidrax li japplika għal fondi mill-UE jew inkella jidħol għal self bankarju. B'permezz ta' din l-inizzjattiva, il-Kunsill tagħna daħal biċ-ċans li waħda mill-ħolmiet tiegħu ssir realtà. Mario Gauci – Sindku PN, Għargħur Is-sejħa titlob li l-Kunsilli għandhom jidentifikaw forom differenti ta' mekkaniżmu ta' finanzjament kif ukoll ġejna infurmati li l-Bord tal- Evalwazzjoni se jkun qed jieħu inkonsiderazzjoni l-involviment tas-settur privat fit-twettiq tal- proġett propost. Dan ifisser li l-Kunsill irid, sal-aħħar ta' dan ix-xahar, fost l-oħrajn, ikun iddeċieda fuq l-proġett, ġab stimi tal-ispiża involuta, ra x'permessi jista' jkun hemm bżonn kif ukoll identifika terzi persuni li jkunu interessati li jidħlu sħab fil-proġett. Fl-opinjoni tiegħi naħseb li ftit aktar minn tliet ġimgħat hu żmien qasir ħafna sabiex isir dan kollu u tiġi preżentata applikazzjoni kif suppost ħalli tiġi approvata. Dan speċjalment ukoll meta tqis li din hi l-ewwel sejħa ta' din ix-xorta. Samuel Azzopardi – Sindku PN, Rabat Għawdex L-inizjattiva hi waħda pożittiva għax il-kunsilli lokali minn inizjattivi bħal dawn nistgħu nikkumpensaw għan-nuqqas ta' fondi li għandna. Kull kunsill ikollu f 'moħħu x'se jagħmel matul is-sena iżda perjodu ta' 3 ġimgħat hu kemxejn qasir speċjalment meta qed jgħidulna biex noħolqu proġetti bi sħab mal-privat. Għax b'hekk mhux biss irridu nippreparaw studji ta' flessibiltà iżda trid issib wkoll il-partner privat u dan kollu fi 3 ġimgħat. Kull kunsill jipprepara x'se jagħmel iżda ma nkunux lestejna l-istudji kollha. Issa aħna kunsilli ta' bliet qodma l-istudji huma ħafna itwal minħabba restrizzjonijiet. Għandu jkun hemm iżjed inċentivi bħal dawn strutturati bħal dawk tal-fondi Ewropej. Nemmen li għandha toħroġ sejħa għal kunsilli kollha x'inhuma l-prijoritajiet għal kull lokalità u meta joħroġ xi fondi għal xi proġett jiġi preferut min niżżel l-ewwel prijorità tal- kunsill rispettiv. Għax issa qed jiġri li kulħadd qed japplika għal kollox biex jipprova jakkwista kulma joħroġ, anke jekk il-kunsill ma jkollux bżonn il- proġett li joħroġ il-fondi għalih. Paul Gatt – President, Assoċjazzjoni Nazzjonali Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni Ċertament li biex wieħed jagħmel proposta tajba huwa meħtieġ aktar żmien speċjalment meta tqis li din hija inizjattiva ġdida u għalhekk il-Kunsilli Lokali ma kinux ippreparati għaliha. Apparti hekk il-Kunsill irid jiddeċiedi xi proġett se jippreżenta u jista' jagħti l-każ li jkunu meħtieġa permessi minn Awtoritajiet oħra bħall-MEPA, TM eċċ. L-avviż għal din l-inizjattiva jsemmi wkoll li, għalkemm mhux fattur determinanti, se tingħata konsiderazzjoni debita lil dawk l-inizjattivi li b'suċċess jirnexxilhom jikkontribwixxu ritorn finanzjarju permezz ta' forom differenti ta' mekkaniżmi ta' finanzjament bħal PPP, donazzjonijiet u sponsorships. Dan kollu għalhekk jieħu ħafna żmien. Irrid insemmi però li bħala Kunsilli Lokali għandna nkunu dejjem lesti għal kull eventwalità ta' opportunità li tista' tiżviluppa u għalhekk huwa ħażin li Kunsill Lokali jaġixxi biss meta toħroġ sejħa. Infakkar li anki fejn jidħlu proġetti tal-Unjoni Ewropea, normalment il- perjodu tal-applikazzjoni jkun twil sitt ġimgħat u li allura ma jistax Kunsill Lokali japplika għal proġett jekk ma jkollux kollox lest minn qabel. Il- Kunsilli Lokali jridu jaslu fi stat li jkollhom pjanijiet fit-tul u sa fejn hu possibli jkollhom kollox imħejji, inkluż fejn ikun il-każ, applikazzjoni approvati mill- Awtoritajiet konċernati. Nuqqasijiet li qed nara fis- sejħa huma: 1) Mhux qed jissemma li se tingħata konsiderazzjoni ta' kemm il-proġett ikun lest biex jibda. 2) Mhux qed jissemma kemm se ddum l-evalwazzjoni u meta l-Kunsilli Lokali jkunu infurmati bir-riżultat. 3) Mhux qed jissemma jekk Kunsill Lokali hux se jkun qiegħed jintrabat ma' żmien speċifiku meta jlesti l-proġett. 4) M'hemmx indikazzjoni ta' kemm Kunsilli Lokali jistgħu jibbenefikaw. Jista' jkun li Kunsill Lokali jieħu l-flus kollha hu? Jew se tingħata preferenza lil aktar proġetti iżgħar? Jekk ma jkunx speċifikat dan jista' jkun li Kunsill Lokali jieħu ħafna xogħol fuq proġett kbir għalxejn. Fl-aħħar nett ta' min jinnota però li sar titjib notevoli meta mqabbel ma' inizjattivi simili passati. Biżżejjed insemmi li għall-ewwel darba qed jinħatar Bord ta' Appell sabiex Kunsill li ma jkunx sodisfatt mid- deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla jkun jista' jressaq l-ilment tiegħu quddiem il-bord tal-appell. Prijorità lil dawk il-proġetti li se jagħtu xi ħaġa lura lill-gvern

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11 January 2015