Illum previous editions

illum 18 January 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/448094

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 31

16 illum | Il-Ħadd 18 ta' Jannar 2015 Il-Punt DAN l-aħħar smajna ħafna dwar ir-rapport mill- Kummissjoni maħtura mill- Gvern biex tipproponi qafas ġdid ta' remunerazzjoni għal dawk li jokkupaw karigi politiċi ewlenin. Dan ir-rapport kien imwiegħed fil-Manifest Elettorali tal- Partit Laburista. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, qed inpoġġu l-karru quddiem iż-żiemel. Inħoss li qabel nitkellmu dwar żidiet f 'salarji, pagi u onorarji għandna l-ewwel niddiskutu s-sistema politika li rridu nadottaw f 'pajjiżna. Hawn tqum l-ewwel mistoqsija: Għandna nibqgħu marbuta mas-sistema tal-lum u mal-mentalità ta' karigi, politiċi u mhux, mimlija fuq bażi part-time fejn ta' spiss insibu l-istess nies jilbsu kpiepel differenti li mbagħad ma jispikkaw f 'ebda kariga li jkollhom u lanqas ma jġorru r-responsabbiltajiet u d-dmirijiet li s-salarji għolja tagħhom għandhom ifissru? Dan iwassal għat-tieni mistoqsija: Wasal iż-żmien li nimxu lejn sistema fejn speċjalment dawk fil-poter iżda anki dawk li jaġixxu minn wara l-kwinti jilbsu kappell wieħed biss biex ikunu aktar iffukati u jiddedikaw aktar ħin għax- xogħol tagħhom waqt li jiżviluppaw aħjar il-ħiliet tagħhom u jkunu kontabbli b'mod sħiħ għal dak li jwettqu? Fil-preżent Deputati Parlamentari mhumiex full-time u minbarra xogħol parlamentari għandhom ukoll xogħol ieħor u sorsi oħra ta' dħul. Filwaqt li l-maġġoranza tad-Deputati huma professjonisti, oħrajn mhumiex. Hu f 'dan il-kuntest u fil-kuntest tal-fehmiet li semmejt qabel li rridu naraw jekk Deputati għandhomx ikunu full-time. Hemm bosta vantaġġi b'Deputati full-time. Bla dubju din is-sistema tgħinhom ikunu aktar professjonali u ppreparati fix-xogħol tagħhom, b'xogħol ta' kwalità b'ideat u proposti riċerkati sew. Tgħinhom ukoll għal għarfien aktar speċjalizzat tal-qasam partikolari li jkunu responsabbli għalih jew li jkunu qed ikopru u jsegwu. Deputati full-time jkollhom iktar ħin biex jiltaqgħu man-nies u jkunu vuċi tajba għalihom fil- fora xierqa. Ikunu jistgħu jattendu laqgħat lokali u internazzjonali b'mod iktar regolari u jkunu iktar preparati għal dawn il- laqgħat. Fil-fehma tiegħi vantaġġ qawwi ta' deputati full- time huwa li nies verament iddedikati biss ikunu interessati jikkontestaw l-elezzjonijiet; dan għaliex kandidat ikun jaf li jekk jiġi elett ma jkunx jista' jkompli bix-xogħol normali tiegħu biex jieħu sehem aktar attiv fil-ħidma tal-Kamra. F'dan ix-xenarju wkoll, kunflitti ta' interess li jistgħu jiffaċċjaw Deputati part-time li jkunu fil-prattika privata żgur jonqsu sew. Il-bidla għal Deputati full- time ġġorr ukoll żvantaġġi. Fuq quddiem hemm il- problema ta' finanzjament. Minħabba r-regolamenti finanzjarji stretti li l-Gvernijiet huma marbuta li jirrispettaw flimkien max- xettiċiżmu ġenerali tan-nies lejn il-politiċi, li tkebbes sew l-iżjed f 'dawn l-aħħar snin, li tonfoq il-flus fuq ħlas lid-Deputati ma jkunx pass popolari mal-poplu. Mill-banda l-oħra Deputati full-time jkollhom iżjed ħin biex jindiehsu man-nies u jwessgħu l-kultura ta' klijenteliżmu u b'hekk ifittxu li jagħmlu iktar pjaċiri għall- kostitwenti tagħhom. Marbut ma' dan hemm ukoll il-power of incumbency li jagħti vantaġġ inġust lid-Deputati fuq kandidati oħra. Hemm ukoll l-iżvantaġġ li kandidati validi ma jkunux interessati li jikkontestaw l-elezzjonijiet għaliex nies b'karriera privata ta' suċċess mhux faċli li jċedu l-prattika privata tagħhom. Opinjoni tiegħi Inħoss li f 'dan l-aspett tat-tmexxija politika tal- pajjiż għandna nimxu b'mod aktar professjonali. Dan għandu jibda mid-Deputati Parlamentari, ikompli bin- nies li joperaw minn wara l-kwinti u possibilment anki jasal sas-sistema tal-gvern lokali tagħna. Jekk se jkollna Deputati Parlamentari full-time, għandna nikkunsidraw li jkollna numru iċken? Jekk hi kwistjoni ta' nuqqas ta' riżorsi finanzjarji, għandna nikkunsidraw li jkollna seba' distretti elettorali li jeleġġu ħames Deputati kull wieħed biex ikollna 35 Deputat minflok 65 li għandna llum? Fit-teorija sistema bħal din għandha ġġib bosta vantaġġi. Mhux biss tqiegħed responsabbiltajiet akbar fuq id-Deputati għaliex dawn ikollhom aktar ħin biex jispeċjalizzaw fl-oqsma li jikkonċernawhom imma jkollhom aktar ċans li jlaħħqu max-xogħol tal-Kamra. Waqt li hi essenzjali li Deputati full-time jkunu mħallsa aħjar għar-rwol tagħhom, hu daqstant importanti li jkollhom l-għajnuna biex iwettqu x-xogħol tagħhom sew. Dan għandu jwassal biex jissaħħaħ il-livell ġenerali tad-dibattiti fil-Kamra tad- Deputati. B'hekk l-opinjonijiet tad-Deputati jsiru aktar importanti u jingħataw iktar coverage fil-mezzi tax-xandir lokali waqt li jservu wkoll biex jiggwidaw l-opinjoni pubblika ġenerali b'mod aktar serju. Pass bħal dan jista' jgħin ukoll biex fis-seduti parlamentari jsir xogħol aktar iffukat waqt li s-sessjonijiet plenarji kif ukoll il-Kumitati tal-Kamra jkunu iktar produttivi. Żvantaġġ ewlieni ta' kostitwenza ikbar hi li kandidat ikollu żona akbar xi jkopri waqt il-kampanja elettorali. Dan ifisser li l-kampanji elettorali mill- kandidati jridu jsiru b'mod aktar organizzat, professjonali u serju biex iwasslu l-messaġġ tagħhom lill-kostitwenti u jżommu kuntatt magħhom b'mod iżjed ġenwin u aktar mill-qrib. Jista' jagħti l-każ li l-partiti politiċi jkollhom jiffaċċjaw taqlib sħiħ jekk ser jiġu eletti inqas Deputati. Fit-tħejjijiet għal Elezzjoni Ġenerali l-pariti bla dubju se jkollhom jaffaċċjaw kompetizzjoni ħarxa ħafna u missielta bejn il-kandidati fuq livell ta' distretti u l-kurrenti u l-kontrokurrenti li din is- sitwazzjoni toħloq mhux dejjem daqshekk faċli li jintesew u jintgħelbu fis-snin ta' wara. Waqt li minn banda waħda numru iċken ta' Deputati fil-Kamra tar-Rappreżentanti jfisser inqas opinjonijiet differenti u firxa iżgħar ta' proposti dan m'għandux ikun żvantaġġ kbir jekk jinżammu eżerċizzji ta' konsultazzjoni pubblika b'mod regolari u l-pubbliku jiġi mistieden jipparteċipa. Sistema bħal din tfisser ukoll li tonqos l-għażla ta' Deputati eletti fil-Parlament minn fejn il-Prim Ministru jkollu jagħżel il-membri tal- Kabinett. F'dan il-kuntest ta' min jiddiskuti b'mod serju l-possibiltà li jiġu appuntati Ministri teknokratiċi. Ministri teknokratiċi Jekk tidħol din il-proposta f 'Malta, din tkun tirrikjedi Gvern stabbli. Jekk Prim Ministru kellu jappunta Ministru teknokratiku minn barra l-Parlament, dan bl-ebda mod ma jaffettwa n-numru ta' Deputati tal- Gvern. Dan għaliex persuna teknokratika maħtura jkollha funzjoni partikolari fil- Kabinett (u b'hekk fil-fergħa eżekuttiva) bla ma jkollha vot fil-Parlament. Mistoqsijiet importanti li għandhom jiġu kkunsidrati f 'dan ix-xenarju jinkludu: a) Il-Prim Ministru tal-ġurnata se juża dan il-metodu ta' ħatra bħala paraventu biex jaħtar persuna li tkun ikkontestat l-Elezzjoni Ġenerali mingħajr suċċess? Biex dan ma jsirx għandu jiddaħħal ir-rekwiżit li persuna maħtura bħala Ministru minn barra l-Parlament m'għandha qatt tkun ikkontestat Elezzjoni Ġenerali mal-partit li jkun irid jinnominaha għal din il-kariga? b) Għandu jkun hemm dispożizzjoni li tippermetti l-ħatra ta' persuni li kienu membri tal-Kabinett f 'leġislaturi preċedenti? Dan hu punt dibattibli. Dan jista' jkun il-kas ta' meta persuna tkun għamlet żmien isservi l-pajjiż f 'istituzzjoni Ewropea jew internazzjonali u dan it-terminu jintemm. Waqt li minn banda waħda l-pajjiż jista' jkollu bżonn il-kontribut ta' persuna b'esperjenza ta' din ix-xorta mill-banda l-oħra hemm l-argument li la darba din il-persuna ġa tkun serviet fil- Kabinett, qatt ma tista' titqies bħala persuna mhux politika u teknokratika; c) Persuna li kkontestat l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsilli Lokali ma' partit politiku għandha tkun eliġibbli għal ħatra simili? Ladarba tkun ikkontestat ma' partit din il-persuna, strettament, ma tistax tibqa' titqies bħala figura mhux politika. Madankollu, jekk se nqisu lil dawn il-persuni wkoll bħala persuni mhux eliġibbli, inkunu qed nillimitaw sew l-għadd ta' persuni li minnhom Prim Ministru jkun jista' jagħżel il-Kabinett tiegħu. d) Hu sew li persuna teknokratika tinżamm milli tikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali li tinżamm minnufih wara li tkun serviet il-mandat tagħha? Inħoss li t-tweġiba għandha tkun iva għax b'hekk tiġi evitata t-tentazzjoni li din il-persuna jista' jkollha li tisfrutta l-popolarità tagħha jew inkella li tintroduċi miżuri maħsuba sabiex iżżid il- popolarità tagħha. Dr Marc Sant huwa avukat speċjalizzat fil-liġi kostituzzjonali. It-teżi tal-MA fil-Liġi Pubblika tiegħu kienet intitolata "Lejn Kamra tar- Rappreżentanti iktar relevanti, effiċjenti u demokratika" MARC SANT Ma npoġġux il-karru quddiem iż-żiemel "Il-bidla għal deputati fulltime ġġorr ukoll żvantaġġi. Fuq quddiem hemm il-problema ta' finanzjament"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 January 2015