Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/459451
16 illum | Il-Ħadd 08 ta' Frar 2015 Il-Punt FI Spanja, Podemos grupp politiku li m'ilux aktar minn sena u xahrejn jeżisti qed jagħmilha ċara li għandu jitqies bħala l-alternattiva għat-tmexxija leminija tal- gvern tal-popolari. Jekk dak li qed juru l-istudji ta' stħarriġ tal-opinjoni hu minnu, Podemos se jirbaħ fl-elezzjoni ġenerali ta' Spanja ħafna mill- voti li qabel kienu jmorru lill-partit soċjalista. Fi Franza, wara sentejn u nofs tat-tmexxija tal-President Hollande is-soċjalisti li kienu f 'maġġoranza fl-istituzzjonijiet kollha tar-repubblika Franċiza issa tilfu ħafna mis-saħħa politika tagħhom. Il-Ħadd li għadda, f 'elezzjoni każwali li nżammet minħabba li l-eks ministru tal-finanzi Moscovici rriżenja mill-Parlament hekk kif sar kummissarju Ewropew, il-partit soċjalista spiċċa fit-tieni post wara l-partit tal-lemin estrem il-Front Nazzjonali, immexxi minn Marine Le Pen. Fir-Renju Unit, il-Partit Laburista jinsab imbezza' bil-kbir li se jerġa' jaqa' lura fit- tellieqa elettorali għax fl-Iskozja l-partit favur l-indipendenza tal-Iskozja se jisraqlu voti bir- radam. Fil-Greċja Imkien il-qagħda diffiċli tal-partiti soċjalisti Ewropej ma ħarġet fiċ-ċar daqskemm għamlet fil-Greċja. Hemm il-partit soċjalista tilef il-gvern, daħal f 'koalizzjoni mal-partit tal-lemin u spiċċa responsabbli mal-gvern tal-politika ħarxa ta' ssikkar taċ-ċinturin li tħaddmet fil-Greċja fl-aħħar snin. L-elezzjoni tax-xahar li għadda ntrebħet b'mod konvinċenti minn partit tax-xellug radikali is-Siriza li wiegħed li se jaqleb ta' taħt fuq il-politika ta' awsterità. Il-partit soċjalista spiċċa mċekken kif qatt ma kien qabel. It-tendenza mal-Ewropa kważi kollha tidher li hi kerha għas-soċjalisti. Issa dan hu żmien li fih l-ekonomiji huma staġnati, il-qgħad hu kbir u l-iskuntentizza fost il-poplu "ż-żgħir" hi kbira. Suppost li hu żmien mill-aqwa biex il-kawża soċjalista tirranka. Qed jiġri bil-maqlub. Effettivament il-votanti soċjalisti jidher li kkonkludew li l-partit "tagħhom" m'għadux jiddefendi l-interessi tagħhom. Sar parti minn koalizzjoni mal-partiti tal-lemin u m'għadx hemm wisq differenza bejn it-tnejn. Fi żminijiet sbieħ, forsi l-votanti soċjalisti kienu jibqgħu jivvotaw għall-partit "tagħhom". Imma fi żminijiet iebsa, jispiċċaw iqisu li dan qiegħed jittradihom. Lejn iċ-ċentru Il-proċess li bih is-soċjalisti bdew jiżvinaw mill-appoġġ ilu għaddej. Fil-verità telaq mill-punt li fl-istess ħin wassal għall-akbar rebħiet politiċi tas- soċjaliżmu fl-aħħar tletin sena – il-pożizzjoni mfassla minn Tony Blair u oħrajn li kienu jaħsbuha bħalu. Huma sostnew li l-partiti Laburisti/soċjalisti/ soċjal-demokratiċi kellhom iħaddnu l-"moderazzjoni", jimmiraw li jingħoġbu mal- klassi tan-nofs li kienet saret l-akbar saff soċjali fil-pajjiżi Ewopej, iħaddnu politika favur is-suq ħieles u jnaqqsu l-interventi tal-istat fl- ekonomija. Dan ressaq lis-soċjalisti lejn iċ-ċentru politiku, naqqas il-biża' li ħafna votanti mill- klassi tan-nofs kienu baqgħu jħossu lejhom u tahom il-poter. Fit-tmexxija iżda ftit seta' jkun hemm differenza bejn dak li huma riedu jagħmlu u dak li kienu qed jagħmlu qabilhom il- gvernijiet taċ-ċentru lemin. Biss dak li qarribhom lejn iċ-ċentru u rebbaħhom l-elezzjonijiet fi żminijiet sbieħ x'aktarx li serva u qed iservi ta' mażżra fi żminijiet li jkunu ekonomikament imwiegħra. Quddiem qagħda ta' kriżi fl- oqsma tal-impjiegi, tat-tkabbir ekonomiku, tas-sostenibbiltà tas-servizzi soċjali u tal-faqar is-soċjalisti donnhom ma kellhom l-ebda alternattiva ħlief li jibqgħu jiġu mizmuma r-regoli tas-suq ħieles. Fil-Parlament Ewropew Il-problema kompliet tiġi mtaqqla bil-mod kif is-soċjalisti ħaddnu l-ideali Ewropej. Aktar ma għadda ż-żmien aktar dawn l-ideali bdew ukoll jitwettqu skont il-prinċipji neo-liberali li kienu ddaħħlu fuq bażi nazzjonali. Anki fl-Ewropa l-manuvrar politiku ressaq dejjem aktar lis- soċjalisti lejn iċ-ċentru lemin, kemm għax bejniethom kien hemm konverġenza ta' fehmiet ekonomiċi u kemm għax l-istess tqarrib beda jseħħ ukoll fil-qasam tal-binja Ewropea. Kienet ħaġa ċara minn xhur twal qabel l-elezzjoni Ewropea ta' Mejju 2014 kif x'aktarx li warajha, is-soċjalisti u l-popolari kienu se jispiċċaw f 'koalizzjoni kbira biex iżommu xi forma ta' kontroll fuq il-Parlament Ewropew. Xorta waħda s-soċjalisti pproponew li l-partit li jirbaħ il-maġġoranza tas-siġġijiet, għandu jingħata d-dritt li jinnomina l-President li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea. B'hekk, qalu, se tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fil-binja tal-Ewropa. Wieħed jiddubita madankollu kemm l-elettorat tradizzjonali u anqas tradizzjonali tas-soċjalisti kien jimportah mill-qawwa tal-Parlament Ewropew fl- istrutturi tal-Unjoni Ewropea. Meta l-popolari rebħu bi ftit, is-soċjalisti kellhom jappoġġjaw il-kandidatura ta' konservattiv bħala President tal-Kummissjoni. Din kienet u għadha pożizzjoni xejn konfortabbli (is- soċjalisti Spanjoli rrifjutaw li jaddottawha). Il-problema ħarġet aktar ċara bl-iżvilupp ta' movimenti hekk imsejħa populisti li jieħdu l-ispirazzjoni tagħhom mis-soċjalizmu radikali, bħas- Siriza. Is-soċjalisti demokratiċi jsibuha ħaġa diffiċli li jinjoraw il-kritika ta' dawk li jinsabu fix-xellug tagħhom; min jaf jekk hux bħal kif iħossuhom il-partiti taċ-ċentru lemin meta jiġu kkritikati mil-lemin estrem? Moribond? Dan ifisser li s-soċjaliżmu Ewropew jinsab moribond? Ma naħsibx, għalkemm nemmen li jinsab fi kriżi. Wieħed irid jifhem fejn mar tajjeb fl-aħħar snin u fejn forsi żbalja. Pereżempju, jidhirli li kien żvilupp tajjeb dak li wassal biex il-partit soċjalisti demokratiċi nfetħu lejn l-hekk imsejħa klassi tan-nofs. Il-klassi "tal-ħaddiema" kif magħrufa tradizzjonalment waħedha kienet spiċċat minoritarja fil-pajjiż, waqt li f 'ħafna aspetti fis-soċjetà post-moderna, l-klassi tan-nofs kienet qed iġġarrab kundizzjonijiet ta' ħajja li setgħu jitqiesu bħala komparabbli ma' dawk tal- ħaddiema. Min-naħa l-oħra, għalkemm kien aspett pożittiv li s-soċjaliżmu Ewropew aċċetta li l-ekonomija titmexxa skont il-prinċipji tas-suq ħieles, dan il-qbil ittieħed wisq 'il bogħod. Magħqud mal-aċċettazzjoni tal-għaqda Ewropea ġieli akkost ta' kollox, sibna ruħna f 'pożizzjoni fejn is-soċjaliżmu donnu spiċċa paralizzat, bla ebda għodda utli għad- dispożizzjoni tiegħu ħlief il-forzi għamja tas-suq biex jilqa' għall-gwaj ekonomiku u soċjali. Dil-problema kompliet taggrava bil-firxa tal-globalizzazzjoni li ħadd ma seta' jew xtaq iwaqqaf. Jidhirli li s-soċjalizmu Ewropew irid jirrevedi mill- qiegħ it-twemmin preżenti tiegħu dwar it-tmexxija ekonomika u internazzjonali. Iva għas-suq "ħieles" imma f 'limiti ċari. Iva għal stat li ma jipprovax jindaħal "kullimkien" imma jrid ikun ukoll stat li lest javvanza fejn is-suq ma jsolvix il-problemi soċjali. Iva għall-globablizzazzjoni imma trid tkun waħda li tista' tiġi mmexxija u kontrollata b'għaqal u b'ġustizzja. B'mod kurjuż, bidliet f 'din id-direzzjoni jistgħu jirnexxu aktar malajr jekk isiru l-ewwel fuq livell Ewropew. Biss ikolli ngħid li sa issa ma teżistix il-volontà biex tiġri dil-ħaġa. Forsi ma jdumux ma jinbidlu l-affarijiet. ALFRED SANT Il-proġett soċjalista moribond fl-Ewropa? "Il-partit soċjalista spiċċa fit-tieni post wara l-partit tal-lemin estrem il-Front Nazzjonali, immexxi minn Marine Le Pen" TKEĊNER Tinnaviga fil-kċina, issajjar, tarma l-mejda, taħsel il-platti, terġa' ssajjar • . AKTARX • ġejja mit-Taljan cucinare, jiġifieri ssajjar. https://www.facebook.com/kelmakelma.mt https://twitter.com/kelmakelma_mt ILMARA tad-dar dejjem għaddejja bla nifs TKEĊNER u tnaddaf. https://www.youtube.com/user/kelmakelmamt : Il-kelma tal-ġimgħa DR Michael Spagnol