Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/467062
Il-Ħadd 22 ta' Frar 2015 | illum 11 Is-sistema tal-kulleġġi ma ħadmitx u saħansitra falliet - MUT VERONICA LYNN MIZZI IKTAR kmieni din il-ġimgħa, l-Union tal-għalliema, l-MUT ħabbret li kienet se tagħmel strajk ta' siegħa fil-Liċeo tal-Ħamrun li jagħmel parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Dan kien qed isir minħabba li fi kliem l-MUT, is-sistema tal- kulleġġi, b'mod partikolari f 'dan il-kulleġġ, ma ħadmitx u saħansitra falliet. L-union sostniet li dan ġie kkawżat minħabba n-nuqqas ta' dixxiplina li għandhom numru ta' studenti li jattendu din l-iskola. Fil-fatt, il-President tal-MUT, Kevin Bonello waqt l-istess stqarrija qal li s-sistema tal-kulleġġi falliet f 'dan il-każ minħabba li l-attendenza fil-kulleġġi hi maqsuma ġeografikament. B'konsegwenza ta' dan, f 'din l-iskola b'mod partikolari qed ikun hemm numru mdaqqas ta' studenti li ġejjin minn ċertu żoni tal-pajjiż, li għandhom xi tip ta' problemi soċjali. Minħabba f 'hekk, f 'din l-iskola ġew irrappurtati bosta inċidenti u każi ta' vjolenza, bullying u theddid, kemm fuq studenti oħra, kif ukoll fuq għalliema u membri oħra tal- istaff tal-iskola. Skont kif qal Bonello, il-każi kienu jinkludu anke każi fejn għalliema partikolari ssakkret f 'kamra għax bdiet tibża' mill-istudenti, waqt li dawn bdew jippruvaw jiftħu l-bieb. Għal dan, saru diversi affarijiet, fosthom li nġabru l-aktar studenti li kienu qed joħolqu problemi u nbeda programm speċifiku għalihom sabiex jiġi evitat li jtellfu jew ixekklu mit-tagħlim ta' studenti oħra. Minkejja dan, l-MUT qalet li s-sitwazzjoni baqgħet l-istess u ħadu l-azzjoni industrijali preċiżament sabiex jissalvagwardjaw l-interess tal-istudenti li fil-fatt jixtiequ jitgħallmu. Min-naħa tagħha, l-MUT għamlet diversi proposti ta' tibdil li jista' jsir, kemm fl-immedjat, kif ukoll fit- tul. Għamlu osservazzjoni li l-iskola kellha nuqqas ta' diversi sistemi ta' sigurtà li jistgħu jgħinu lill-għalliema f 'xogħolhom bħalma huma sistema ta' kameras tas-sigurtà fiż-żoni komuni, bħall-kurituri u btieħi, kif ukoll sistemi ta' intercoms fejn tkun tista' ssir komunikazzjoni mal-uffiċċji dirett mill-klassijiet. Bħala soluzzjonijiet fit-tul, l-MUT kellha diversi proposti fosthom li l-istudenti fi skola sekondarja ma jibqgħux jintbagħtu kulleġġ partikolari minħabba l-lokalità fejn joqogħdu, imma jkunu maqsuma skont is-suġġetti li jkollhom fost l-oħrajn. Dan minbarra li għandha ssir bidla fil-liġi tal-edukazzjoni. Proponiet ukoll li jkun hemm xi diskussjonijiet dwar l-età tar- responsabbilità kriminali, fejn għalkemm din tniżżlet għal 14- il sena, l-ebda azzjoni ma tkun tista' tittieħed fil-konfront ta' studenti ta' età iżgħar li jkunu qegħdin jikkawżaw problemi fl-iskola. Min-naħa l-oħra, kienu bosta ġenituri li esprimew li s-sistema preżenti mhix taħdem u jeħtieġ li jsir xi ħaġa għaliex preżentement, bosta tfal ma jistgħux jaħdmu minħabba li studenti oħra jtellfu. Saħansitra, kien hemm xi ġenituri li saħqu li hemm bżonn li terġa' tiġi introdotta s-sistema tal-eżamijiet tal-Junior Lyceum sabiex l-istudenti li jridu jaħdmu ma jiġux imtellfa minn dawk li ma jridux jaħdmu. Dawn tal- aħħar ikunu flimkien fejn tkun tista' tingħatalhom attenzjoni partikolari. F'dan ir-rigward tkellimna mal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li qal li s-sitwazzjoni fl-iskola tal- Kulleġġ San Ġorġ Preca ilha hemm numru ta' snin u iktar kmieni f 'din is-sena skolastika sar rapport biex dawn l-isfidi jintgħelbu. "Ir-rakkomandazzjonijiet ta' dan ir-rapport kienu bdew jitwettqu. Uffiċjali fi ħdan il-Ministeru kellhom numru ta' laqgħat mal-MUT biex jiġu diskussi pjanijiet fil-qasir u fit-tul li pproponiet l-union u anke dawn qed isir xogħol fuqhom." Bartolo qal li din il- ġimgħa stess twaħħlu CCTVs fl-iskola u numru ta' miżuri ta' sigurtà oħra. Qal ukoll li nhar it-Tlieta li ġej hemm laqgħa ta' konċiljazzjoni skedata bejn l-Ministeru u l-MUT fejn se jkompli jsir ix-xogħol fuq dawn il-linji. Il-Ministru żied jgħid li l-għalliema u l-LSA's għandhom jaħdmu f 'ambjent fejn l-imġieba tal-istudent ma timminax l-esperjenza edukattiva filwaqt li rridu nifhmu li ċertu tfal ġejjin minn ambjent soċjali mhux faċli. "Li ngħinu lil dawn it-tfal ukoll hija waħda mill-punti fundamentali ta' edukazzjoni inklussiva li tant nitkellmu fuqha u għalkemm napprezzaw li mhux sfida faċli, qed issir ħidma biex dawn ukoll jingħataw ċans ta' esperjenza edukattiva fit-tfulija tagħhom." Mistoqsi dwar l-assenteiżmu, il-Ministru qal li r-rati ta' assenteiżmu fil-kulleġġi kollha naqas u hemm tfal li issa qegħdin l-iskola fejn qabel ma kinux. "Dan ukoll ifisser sfidi ġodda għall-edukaturi u l-amministrazzjoni tal-iskejjel fejn tfal minn ċertu sfond issa qed jiffaċċjaw ruħhom fl-iskejjel, fejn qabel kienu jkunu 'l bogħod mill-klassi. Il-fatt li qegħdin hemm fejn qabel ma kinux għandu jimlina kuraġġ u għandna naħdmu flimkien biex insibu esperjenzi li jistimulaw lil dawn it-tfal u żgħażagħ biex jiksbu esperjenza edukattiva li tagħmel sens għalihom." Bartolo temm jgħid li matul il-ġimgħat li ġejjin, permezz tal-Kunsill għall-Professjoni tal-Għalliema, se jkun qed jiltaqa' mal-għalliema kollha mill-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex biex flimkien jiddiskutu l-aħjar triq il- quddiem. Din il-gazzetta ħadet ukoll il-kummenti ta' Therese Comodini Cachia, Shadow Minister għall-Edukazzjoni li min-naħa tagħha qalet li l-Oppożizzjoni hija kontra kull każ ta' bullying u vjolenza, tant li anke l-Kap tal-Partit fil-jiem li għaddew ingħaqad fil- kampanja organizzata mill-Bay Radio kontra s-cyber bullying. "Dan mhux aċċettabbli, jsir minn min isir. L-Oppożizzjoni hija miftuħa għal kull tip ta' diskussjoni kemm mal-MUT kif ukoll ma' unions oħra fis-settur dwar proposti li qed jingħaddew bil-għan li titjieb il-ħajja kemm tal-istudenti kif ukoll tal-għalliema." Comodini Cachia qalet ukoll li wieħed irid jifhem li deċiżjonijiet bħal dawn m'għandhomx jittieħdu mil-lum għal għada, iżda għandha ssir diskussjoni ma' dawk kollha involuti, bil-għan li l-aħħar proposta tkun l-aqwa waħda. "Il-Gvern sab pjattaforma b'saħħitha fis-settur edukattiv li wieħed jittama li din tkompli tissaħħaħ. Mhux fl-interess tal- Oppożizzjoni li l-edukazzjoni tkun ballun politiku, iżda l-Oppożizzjoni trid biss li l-istudenti tagħna jkollhom l-aqwa edukazzjoni possibbli, u l-għalliema l-aqwa ambjent u għodda fil-ħidma tagħhom." SEJĦA GĦALL- OFFERTI: Provvediment ta' Servizzi għall-Iżvilupp ta' Pjan t'Azzjoni sabiex jiġu rreklamati l-Programmi Operattivi 2014-2020 għall- Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (MEAIM/PPCD/006/2015) Id-Direttur Ġenerali, Diviżjoni għall-Ippjanar u Koordinazzjoni tal-Prijoritajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u għall-Implimentazzjoni tal- Manifest Elettorali, jgħarraf illi offerti elettroniċi rigward dan l-avviż jintlaqgħu sad-09:30am CET tat-Tlieta, 10 ta' Marzu 2015. L-offerti gћandhom jintbaghtu online BISS fuq: http://www.etenders.gov.mt. Programmi Operattivi I u II - Politika ta' Koeżjoni 2007-2013 Ninvestu fil-Kompetittività għall- Kwalità ta' Ħajja Aħjar Insaħħu Ħilitna għal Aktar Impjiegi u Kwalita` ta' Ħajja Aħjar Parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea: Fond Ewropew għal Żvilupp Reġjonal (FEŻR) Fond Soċjali Ewropew (ESF); u Fond ta' Koeżjoni Ko-Finanzjament: 85% Fondi UE (70% FEŻR, 30% FSE) u 15% Fondi Nazzjonali Ninvestu fil-Futur Tiegħek Dan ġie kkawżat minħabba n-nuqqas ta' dixxiplina li hemm fl-iskola