Illum previous editions

illum 22 February 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/467062

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

18 illum | Il-Ħadd 22 ta' Frar 2015 K if għallmitna l-elezzjoni tal-1981, is-siġġijiet mhux kollox. Kellha tkun dik l-elezzjoni biex isiru emendi Kostituzzjonali li jħarsu l-aktar prinċipju ovvju f 'demokrazija: li dak il-Partit li jkollu l-ogħla numru ta' voti għandu jkollu l-akbar numru ta' siġġijiet fil-leġislatura. M'hemmx prinċipju aktar sempliċi minn dan iżda li xorta għadu joħloq tant problemi. Biex nieħdu żewġ pajjiżi li jirrapreżentaw id-demokrazija per eċċellenza, l-Ingilterra u l-Istati Uniti, ukoll għaddew minn mumenti ta' anomaliji, bejn in-numru ta' voti miġjuba u siġġijiet allokati lil min iġibhom. Fl-2003, għalkemm Al Gore kien ġab 300,000 vot aktar minn George Bush, is-sistema tal-Kulleġġi Elettorali rebbaħ l-elezzjoni tal-aħħar. Fl-Ingilterra is-sistema magħrufa bħal "First past the post" ukoll tat riżultati anomali fejn minn l-aktar li ġab voti, mhux neċessarjament rebaħ il-Gvern. Waħda mir-rebħiet ta' Margaret Thatcher hekk kienet. Dawn riżultati, li f 'pajjiżna, għalkemm żgħir, żgur li ma jiġux aċċettati. Kieku ibqgħu ċerti li jsiru l-kawżi kollha immaġinabbli u l-proċeduri kollha possibbli biex kull vot jinkines. It-test tal-Istorja f 'pajjiżna dejjem wera li għandna poplu ġeluż ħafna għan-numri ta' voti, anke jekk finalment ma jfissirx li aktar siġġijiet ifissru li se jirbaħ il- Gvern. Fil-fatt din kienet is-sentenza tal-Qorti li ngħatat fil-5 ta' Frar u li tat żewġ siġġijiet oħra lill-Partit Nazzjonalista. B'din is-sentenza, il-Partit Nazzjonalista bħal donnu jrid jagħti żewġ impressjonijiet jew perċezzjonijiet, sejħilhom li trid, it- tnejn mhumiex minnhom. L-ewwel waħda kienet dik li biż-żieda ta' dawn iż-żewġ siġġijiet żdiedu wkoll il-voti tal-partit Nazzjonalista. Fil- fatt id-distakk ta' voti bejn iż-żewġ partiti baqa' fejn kien. Ma ċċaqlaq xejn. L-impressjoni l-oħra ngħatat, li qisu meta saru l-elezzjonijiet tal-2013, dawn ma sarux taħt amministrazzjoni Nazzjonalista iżda taħt dik Laburista. Għalhekk, meta Claudette Pace qabdet tibki kif ingħatat is-sentenza, ma kinitx qiegħda tintebaħ li l-kawża tad- dmugħ li xerrdet fl-Awla tal-Qorti, kien il-Partit tagħha stess. Iżda dak li qiegħed ikun ikkunsidrat rebħa mill-Partit Nazzjonalista huwa fih innifsu dikjarazzjoni ta' falliment ta' dan il-Partit. Jekk dak li qalet il-Qorti huwa minnu, dan jitfa' dell ikrah fuq min organizza dawk l-elezzjonijiet. Qiegħed ngħid dan għaliex skont il-Qorti, dawk l-elezzjonijiet la kienu ħielsa u lanqas liberi kif jitlob l-artiklu 3 tal-Protokoll numru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea, li fuqu ġiet ibbażata l-kawża li għamel il- Partit Nazzjonalista stess. Din hija sentenza mimlija kontradizzjonijiet, aktar milli legali, politiċi. Il- vittma u l-aggressur f 'din il-kawża huma l-istess wieħed: il-Partit Nazzjonalista! Wara din is-sentenza l-mexxejja tal-Partit Nazzjonalista ħarġu b'waħda tinkiteb. Għamlu appell biex ma jsirx appell minn din is- sentenza! Ara li kieku dan l-appell għamlu l-Partit Laburista. Kieku ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. Ara kemm akkużi kienu jsiru, li l-PL ma jafx xi tfisser demokrazija. Ara kemm "opinjonisti" kienu jitkażaw u jġibu lil min jitkaża. Meta lil Chris Said staqsewh x'kienu jagħmlu huma kieku s-sitwazzjoni kienet bil-kuntrarju baqa' sieket. Naħseb it-tweġiba kienet ċara għalkemm mingħajr kliem. Kieku kienu jaqilbu d-dinja ta' taħt fuq. Iżda hemm raġuni importanti għalfejn għandu jsir appell minn din is-sentenza. Mhux minħabba xi pika, kif qegħdin ipinġuha l-mexxejja tal-Partit Nazzjonalista. Dan l-appell għandu jsir biex inkunu għamilna dmirna lejn dawk li għad iridu jiġu warajna. Mil-lum 'il quddiem, b'din is-sentenza ebda gvern ma qatt jista' aktar ikollu moħħu mistrieħ li l-għeluq tar-riżultat elettorali jkun ġie fi tmiemu mat-tħabbira tal-Kummissjoni Elettorali. B'din is-sentenza nfetaħ bieb li għada pitgħada, kemm jekk ikun hemm Partit jew ieħor fil-Gvern, jista' jkun hemm min f 'din is-sentenza jsib għodda tajba biex joħloq inċertezza politika jew inaqqas l-istabbiltà ta' Gvern. Sa issa s-sitwazzjoni dejjem kienet, li sa mill-għada tar-riżultati elettorali kulħadd ikun jaf fejn qiegħed. Il-Kostituzzjoni tipprovdi mezz rapidu u effikaċi biex fi żmien tlett ijiem, għal dawk li għandhom xi lment jistgħu jmorru quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, kif fil-fatt għamlu Claudette Pace u Frederick Azzopardi. Meta għamlu hekk fl-20 ta' Marzu 2013, il-Qorti Kostituzzjonali qaltilhom li ma kellhomx raġun. Dawk l-istess nies li llum ma jridux li jsir appell, dakinhar kienu huma li marru jappellaw quddiem il-Qorti wara li tilfu l-kawżi msemmija. Sa issa ħadu raġun iżda bi preċedent perikoluż, għaliex bis-saħħa ta' din is-sentenza nfetaħ bieb proċedurali li jarmi barra mit-tieqa l-proċedura rapida u effikaċi tal-Kostituzzjoni. Bis-saħħa ta' din is-sentenza la hemm żmien meta trid issir kawża biex ikun attakkat riżultat elettorali u lanqas hemm zmien meta din trid tinqata' l-kawża. Tant huwa minnu dan, li biex ingħatat is-sentenza tal-5 ta' Frar, il-proċeduri damu għaddejjin kważi sentejn! Għalhekk b'din is- sentenza ġew newtralizzati l-effetti pożittivi tal-Kostituzzjoni, Immaġinaw daqsxejn x'jista' jiġri fil-ġejjieni jekk xi partit jirbaħ elezzjoni b'siġġu wieħed u xi ħadd jitħajjar jimxi fuq dak li ddecidiet f 'din is-sentenza l-Qorti! Anke jekk dak li jkun ma jkollux raġun, għalkemm il-kurituri tal-ġustizzja għandhom il-misteri tagħhom, xorta waħda tinħoloq sens ta' inċertezza għall-Gvern li jkun ġie elett b'mod leġittimu skont il-Kostituzzjoni. Il-Partit Nazzjonalista stess messu jirrealizza li l-anqas huwa fl-interess tiegħu li din is-sentenza ma tkunx appellata, għaliex jista' jkun dan il-Partit stess li għada pitgħada jkun fil-Gvern u jkun hemm jipprova jiddistabbilixxih, b'mod speċjali jekk ikun hemm maġġoranza ta' siġġu wieħed biss! B'dak li qegħdin jgħidu u jagħmlu l-mexxejja Nazzjonalisti qegħdin jaraw biss l-interess dejjaq tagħhom u sa mneħirhom. Jaf sewwa x'inhuma l-konsegwenzi ta' din is-sentenza! Esperti legali u kostituzzjonalisti għandhom kemm iridu madwarhom. L-appelli li se jsiru quddiem il- Qorti Kostituzzjonali ma jfissirx li se jintrebħu. Iżda talinqas, ikun xi jkun ir-riżultat fl-appell, ikollna dikjarazzjoni tal-ogħla Qorti fil- pajjiż jekk dak li ġie deċiż sa issa hux korrett jew le. Dmir tagħna li nkunu nafu, għaliex aħna lkoll responsabbli lejn dawk li għad iridu jiġu warajna. Għaliex għandu jkun hemm appell "Mil-lum 'il quddiem, b'din is-sentenza ebda gvern ma qatt jista' aktar ikollu moħħu mistrieħ li l-għeluq tar-riżultat elettorali jkun ġie fi tmiemu mat-tħabbira tal- Kummissjoni Elettorali" "Claudette qabdet tibki wara li ngħatat is-sentenza, ma kinitx qiegħda tintebaħ li l-kawża tad-dmugħ li xerrdet fl-Awla tal-Qorti kien il-partit tagħha stess" TONI ABELA Meta Claudette Pace u Frederick Azzopardi resqu lment fl-20 ta' Marzu 2013, il-Qorti Kostituzzjonali qaltilhom li ma kellhomx raġun

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 22 February 2015