Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/478861
16 illum | Il-Ħadd 15 ta' Marzu 2015 Il-Punt ILBŻONN ta' arja nadifa qatt ma kien jinħass qawwi daqs fi żminijietna. U dan minkejja t-tijtib kollu li seta' sar tul is-snin. Jekk il-gvernijiet madwar id-dinja, inklużi dawk Ewropej ma jaċċettawx il-fatt li t-tniġġiż tal-arja jwassal għall-qtil tan-nies qabel iż-żmien u f 'mod ħiemed, allura l-problemi joktru jistgħu u mhux jiġu indirizzati. Minn studju li għadha kif ħarġet l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) – l-awtorità ewlenija dwar l-ambjent fl-Ewropa, jidher ċar li mijiet ta' eluf ta' ċittadini Ewropej jistgħu saħansitra jmutu qabel iż-żmien fl-għoxrin sena li ġejjin jekk ma tittieħidx azzjoni xierqa u fil-pront mill-gvernijiet tagħhom. Huwa mifhum li fis-sena 2011, ġie stmat li madwar 400,000 mietu qabel iż- żmien minħabba rwejjaħ tossiċi li belgħu. Filwaqt li bħalissa hemm dibattitu sħiħ dwar jekk għandux jikber l-ilqugħ kontra t-tniġġiż tal-arja permezz ta' direttivi ġodda, hemm min għadu jargumenta li minħabba li lanqas ilħaqna dak li kien mistenni minna sal-lum, ma tantx hemm skop li wieħed jgħolli dawk il-livelli li għandna nilħqu. Dan huwa argument fjakk. Għaliex jista' jwassal biss għal aktar indifferenza - u aktar imwiet ukoll! Fl-Ingilterra nnifisha sabu li f 'Londra, Birmingham u Leeds jafu jdumu sas-sena 2030 sakemm jilħqu l-livelli Ewropej tal-lum. Kull fattur ambjentali negattiv iġorr prezz qares miegħu. Iżda l-agħar meta dan ipoġġi fir-riskju s-saħħa tagħna l-bnedmin. Ma tistax titkellem dwar kwalità ta' ħajja aħjar jekk ma tindirizzax problemi li jwasslu għall-ħsara lis- saħħa ambjentali. Bla dubbju ta' xejn l-agħar huwa t-trab fin. Għax ma tħossux u jagħmillek ħsara rreparabbli, fosthom billi jżid il-prospetti tal-kanċer ukoll. Bħal meta jkollok tazza nofsha vojta u nofsha mimlija, meta nitkellmu dwar kwalità tal-arja jeħtieġ li niffukaw mhux fuq it-tajjeb li sar, iżda fuq l-għadd kbir ta' pajjiżi li għad jridu jilħqu l-livelli meħtieġa. It-tniġġiż tal-arja skont l-istudju tal-EEA ma jiġix biss billi tesponi lilek innifsek għall-arja ħażina, iżda anki billi tesponi lilek innifsek għall-affarijiet li jikkontaminaw u li jinġarru mill-ajru, fosthom dak li jiġi depożitat fuq il-pjanti u l-ħamrija, u anki akkumulat fil-katina tal-ikel ta' dak l-ikel li nieklu. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, it- tniġġiż tal-arja għadu jikkontribwixxi bil-kbir għall-kanċer fil-pulmuni, kif ukoll għall-għadd ta' mard respiratorju u kardjovaskulari. Ġieli tolqot ħażin anki lin- nisa fit-tqala tagħhom, kif tolqot daqstant ieħor ħażin lill-anzjani wkoll. Bħalissa rridu naraw fuq livell Ewropew sa fejn ser naslu fir-rigward tal- Pakkett Għall-Arja Nadifa. Parti sostanzjali taċ- ċittadini Ewropej li jgħixu f 'żoni urbani huma fost l-aktar vulnerabbli għal dan kollu. Il-problema tat- trasport hija fost l-akbar kontributuri għat-tkabbir ta' din il-problema. L-istudju fil-fatt jgħid li: "it-trasport jibqa' kontributur ewlieni għal- livelli ta' kwalità tal-arja baxxi fl-ibliet u fl-impatti tas-saħħa li għandhom x'jaqsmu. Iż-żieda fil-volum tat-traffiku, kif ukoll il- promozzjoni ta' vetturi li jaħdmu bid-diesel kellhom rwol f 'dan kollu" Jidher li anki d-diesel qed joħloq problemi ġodda għaliex filwaqt li ġie stabbilit li jnaqqas il-gassijiet serra, qed ikun hemm bosta każi fejn ħafna jemmnu u anki sabu, li jista' jżid it-trab fin fl-arja. Dan kollu jitlob li nkunu kuraġġużi u ambizzjużi. Billi kif irrekomanda r-rapport Ewropew infittxu li nagħmlu bidliet fundamentali fis-sistemi tagħna tat-trasport, fosthom permezz tat-tfittxija tas- soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda, kif ukoll fix- xejriet tal-imġieba tagħna personali, nistgħu nnaqqsu dawn l-impatti negattivi. Fejn jidħol it-trab fin għandek problemi li jaqsmu u jmorru lilhinn mill- fruntieri. Meta l-karozzi tagħna jimtlew bir-ramel wara l-maltempati li jkun hemm fin-nofsinhar tal-pajjiżi ta' madwarna, ħafna jaħsbu li l-aktar ħsara tkun qed issir lill-karozzi tagħna. Iżda fil-fatt, l-akbar ħsara tkun qed issir lil saħħitna stess - għaliex dak it-trab spiss ikun trab fin li jidħol bil-ħemda fil-pulmuni tagħna lkoll. Tajjeb li jingħad li l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa huma saħansitra ogħla minn dawk tal-UE nnifisha. Meta wieħed iqis l-aspett ekonomiku ta' ċerti miżuri, jrid ipoġġi fil-miżien mhux biss in-nefqa fuq lqugħ aħjar kontra l-arja ħażina, iżda wkoll kemm nistgħu niffrankaw fi spejjeż fuq is- saħħa, sptarijiet u mediċina jekk nieħdu ħsieb għal dan it-tip ta' lqugħ. Biex ma nsemmux ukoll nuqqas ta' produttività fuq il-postijiet tax-xogħol u telfien ta' ħin u tnaqqis fl-effiċjenza ta' ħafna ħaddiema. Wieħed jagħmel żball jekk jaħseb li l-arja ħażina tinġema' biss fil-postijiet miftuħa. Problema li dejjem qed tikber hija dik fuq ġewwa fid-djar tagħna. Dik li tissejjaħ kwalità fqira tal-arja ta' ġewwa - fejn ikollok ventilazzjoni ħażina problemi bħal dawn joktru jistgħu. Meta nqisu li ċ-ċittadini Ewropej iqattgħu madwar 85% minn ħajjithom fil- magħluq, wieħed jifhem aktar għaliex hemm bżonn politika ċara u koerenti bejn ħarsien tas-saħħa, s-saħħa tagħna nfusna, l-użu effiċjenti tal-enerġija u s-sostenibbilità. Il-kisba ta' arja nadifa ma kinitx biss prijorità tal- programm tal-Gvern. Iżda, għandha tkun u tibqa' fuq quddiem tal-ħidma tagħna fil-ġejjieni wkoll. Leo Brincat hu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil- Klima LEO BRINCAT Qtil fil-Ħemda Ittri Demokrazija Parlamentari MICHAEL CAMILLIERI BIRKIRKARA BLEMENDI kollha li saru s'issa fil-kostituzzjoni u fil-liġi elettorali, baqa' jkollna riżultati li ma jirriflettux b'mod fidil ir-rieda espressa bil-vot tal-poplu. Fl-1996, il-PL rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali b'marġini ta' 7,000 vot u ggverna b'maġġoranza ta' siġġu wieħed, li ħa bl-aġġustament skont il- Kostituzzjoni. Fl-2003, il-PN rebaħ b'differenza ta' 13,000 vot u ggverna b'maġġoranza parlamentari ta' 5 siġġijiet. Fl-2008 l-PN kellu 1,500 vot iżjed mill-PL imma inqas minn 50% tal-vot nazzjonali, u ggverna b'maġġoranza ta' siġġu wieħed (bla kwota) allavolja t-tielet partit kellu mal- 5,000 vot bla ma rebaħ siġġu. Fl-2013, l-elezzjoni ntrebħet mill-PL b'marġini ta' 36,000 vot u b'maġġoranza parlamentari ta' 13-il siġġu. Id-differenza ftit sproporzjonata ta' siġġijiet tniżżlet għal disa' aġġustamenti kostituzzjonali. Dawk huma kollha eżempji fattwali ta' riżultati skorretti jew inġusti, li b'modi diversi ma jirriflettux sewwa l-vot tal-elettorat. F'dawk id- differenzi, l-valur ta' siġġu jew l-appoġġ għal deputat varjaw bejn 1,500 vot fl- 2008 għal 2,600 vot fl-2003 u fl-2013, sa 7,000 fl-1996. L-inkonsistenza inġusta, tirriżulta mis-sistema elettorali, fejn tinħela kwota sħiħa ta' voti f 'kull distrett, peress li kull wieħed mill-5 deputati ta' distrett jitla' b'vot minn kull 6 tal-voti validi. Allura, kwota voti minn kull distrett (16.6%) ma jintużawx għar-rebħ ta' siġġu parlamentari. Mela kull elezzjoni jkollna 16-il kwota mitlufa, li jammontaw għal telf globali ta' madwar 60,000 vot. Miċ-ċaqliq tal-appoġġ politiku bejn il-konfini tad-distretti, jiddependi liema partiti jitilfu jew jiggwadanjaw minn dan il- ħela ta' voti. Bl-aħħar emendi fil- kostituzzjoni, ntgħelbu l-problemi tal-manuvrar tal-konfini, imma ma ssolva xejn mid-difett serjissimu tal-interpretazzjoni inkonsistenti u skorretta tal-vot nazzjonali. Hemm bżonn li dan jiġi rimedjat