Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/483472
Il-Ħadd 22 ta' Marzu 2015 | illum 19 W ara l-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin fl-1989 u t-tmiem tal-Unjoni Sovjetika fis-26 ta' Diċembru 1991, drajna b'dinja b'superpotenza waħdanija, l-Istati Uniti tal-Amerika. Ħamsa u għoxrin sena wara, nistgħu ngħidu li x-xenarju qed jinbidel u d-dinja riesqa b'pass mgħaġġel għal mudell bipolari ġdid. Minkejja t-theddida dejjem tikber mill-azzjonijiet irrazjonali u irraxxibili ta' Vladimir Vladimorich Putin, theddid li niftehmu sew, m'għandhux jiġi sottovalutat għax jista' jwassal għat-Tielet Kunflitt Dinji (wara kollox is-Serbja ma kinitx superpotenza fl-1914), wieħed ma jistenniex li r-Russja terġa' takkwista l-istatus ta' superpotenza. Wisq probabli tkun potenza ta' statura medja bħalma huma Franza u r-Renju Unit. Għalkemm ir-Russja qiegħda żżid bil-kbir in-nefqa militari tagħha u qiegħda thedded l-istabilità tal-ġirien tagħha, il-qagħda ekonomika tagħha, speċjalment wara l-kroll tal-prezz taż-żejt li huwa l-akbar sors ta' dħul għar-Russja u s-sanzjonijiet tal-Punent minħabba l-komportament russu fl-Ukrajina, f 'xi ħin jew ieħor ser iġiegħla tirridimensjona l-ambizjonijiet ġeopolitiċi tagħha. M'hemmx dubju li t-tieni superpotenza li ser tieħu post l-Unjoni Sovjetika fid-dinja bipolari li qed titfaċċa hija ċ-Ċina. Meta fil-futur tinkiteb l-istorja tal-bidu tal-wieħed u għoxrin seklu, din il-ġimgħa possibilment titniżżel bħala d-data meta ċ-Ċina bdiet tassew turi kemm tista' ssarraf. Dan perezz li din il-ġimgħa, ir-Renju Unit, l-aktar alleat qrib tal-Amerika, injora l-oġġezzjonijiet amerikani u applika biex isir membru tal-Bank tal-Investiment fl-Infrastruttura Asjatika. Dan huwa bank li ċ-Ċiniżi qegħdin jippromwovu ħalli bil-biljuni li għandhom imġemmgħin jiffinanzjaw l-iżvilupp infrastrutturali fl-Asja. Minkejja l-kritika tal-Amerikani għal dan il-pass tal-Ingliżi, Franza, il-Ġermanja u l-Italja ma damux ma segwew il-pass Ingliż. F'kelma waħda, għalkemm ħadd ma għandu jistenna li l-Amerika ser tisparixxi mix-xena dinjija ħabta u sabta, il-kelma taz-ziju Sam m'għadhiex aktar vanġelu, l-anqas fost l-aktar alleati fidili u fdati fil-punent. Probabilment imkien m'hu dan daqshekk evidenti daqs kemm hu fil-Lvant Nofsani. L-Amerika hija l-unika potenza barranija li tipprova teżerċita xi forma ta' pressjoni fuq Iżrael u l-Palestinjani biex jippruvaw jilħqu ftehim aħħari għal dan il-konflitt li dalwaqt jagħlaq sebgħin sena. Ir-Russja u ċ-Ċina qajla jippruvaw jinvolvu ruħhom fil-proċess ta' paċi mentri l-Unjoni Ewropea tillimita ruħha għall-għajnuna ġeneruża, speċjalment lill-Palestinjani, u dikjarazzjonijiet li Iżrael qajla tagħti kashom. Madankollu, l-Amerika għadha tilgħab rwol ferm importanti fil-proċess li suppost ser iwassal għal paċi. Dan ma jistax jonqos meta wieħed iqis li l-Amerika tagħti € 3 biljun f 'għajnuna militari lill-Iżrael fis-sena u tipproteġi diplomatikament lill-Iżrael fil-Ġnus Magħquda mir-riżoluzzjonijiet li b'xi mod jew ieħor jiċċensuraw l-aġir tal-Iżrael. Ilni nsegwi l-iżviluppi fil-Lvant Nofsani mill-gwerra tal-Yom Kippur tal-1973 u dejjem niftakar lill-Amerika bħala l-protettriċi suprema ta' Iżrael, u dan speċjalment fiż-żmien meta l-Unjoni Sovjetika kienet tforni bl-armi lill- Eġittu u lis-Sirja. Wara l-ftehim ta' Camp David tal-1978, l-Eġittu wkoll sar dipendenti fuq l-għajnuna militari u finanzjarja Amerikana. Fit-teorija, l-Amerika għandha tkun f 'pożizzjoni unika sabiex timmedja ftehim bejn Iżrael u l-Palestinjani. Imma minkejja l-isforzi diplomatiċi kollha li saru matul is-snin, ftehim aħħar għadu qatt ma ntleħaq. Bill Clinton iddedika l-aħħar xhur tal-Presidenza tiegħu jipprova jilħaq tali ftehim u l-possibilità ta' tali ftehim qatt ma kienet daqshekk reali. Il-Prim Ministru Laburista ta' Iżrael, Eħud Barak offra lil Yasser Arafat anke kwartieri minn Ġerusalemm tal-Lvant. Imma Arafat, li l-familja tiegħu kienet tkeċċiet minn Ġerusalemm meta twieled l-Istat ta' Iżrael, ma ried bl-ebda mod iċedi Ġerusalemm tal-Lvant. U l-ftehim ma ntlaħaqx. Kellhom jgħaddu bosta snin sabiex l-amministrazzjoni Amerikana terġa' turi l-istess impenn sabiex jintlaħaq ftehim bejn Iżrael u l-Palestinjani. L-amministrazzjoni Bush kienet distratta bi kwistjonijiet oħra u Iżrael seta' jibqa' għaddej bil-politika gradwali ta' espansjoni territorjali fil-Lvant ta' Ġerusalemm u fix-Xatt tal-Punent okkupat fejn il-kolonizzazzjoni Lhudija dejjem tiżdied bin-numru ta' kolonji fit-territorju okkupat jikber minn 177,000 fl-1999 għal 359,000 fl-2013. U dan barra l-200,000 jew aktar Lhud f 'Ġerusalemm tal-Lvant. Wara bosta taħdidiet bil-medjazzjoni tal-Amerikani li ma waslu mkien, fis-sajf tal-2013, is-Segretarju ta' l-Istat Amerikan, John Kerry ikkonvinċa liż-żewġ naħat sabiex jerġgħu jibdew it-taħdidiet bejniethom. Imma lanqas dawn it-taħdidiet ma rnexxew minkejja l-impenn personali ta' Kerry u ntemmu f 'April 2014. Kerry waħħal fil-Prim Ministru ta' Iżrael, Benjamin Netanyahu għal dan in-nuqqas ta' ftehim. Netanyahu, jew kif inhu mlaqqam, Bibi, hu bin storiku Lhudi li tant kien estremist li mar Jgħix fl-Amerika wara t-twelid ta' l-Istat ta' Iżrael. Din iċ-ċirkostanza għenet lil Netanyahu għaliex bl-Ingliż perfett tiegħu sar prominenti bħala kelliemi tal- gvern Iżraeljan waqt l-ewwel gwerra tal- Iraq. Eventwalment, Netanyahu sar Prim Ministru fl-1996 meta kontra l-istennija ta' ħafna rebaħ lil laburista Shimon Peres fl-elezzjoni li ssejħet wara l-qtil ta' Yitzhak Rabin. Bosta kienu dawk li waħlu fit- tixwix ta' Netanyahu għall-assassinju ta' Rabinwara l-ftehim ta' Oslo tal-1993. Netanyahu dejjem kien persuna kontroversjali ħafna imma fl-istess ħin irnexxielu jkun Prim ministru ta' Iżrael bejn l-1996 u l-1999 u mill-2009 sal- lum. Wara r-rebħa sorprendenti tiegħu fl-elezzjoni ta' nhar it-Tlieta, Netanyahu jista' jkun l-aktar Prim Ministru li dam fl-inkarigu mit-twelid ta' l-istat ta' Iżrael. Minkejja li l-previżjonijiet elettorali kienu negattivi għal Netanyahu, il-partit tiegħu Likud akkwista 30 siġġu kontra l-24 tar- rivali prinċipali, l-Unjoni Żionista li hija alleanza tal-Partit Laburista mal-partit li kien waqqaf Ariel Sharon, Kadima. Biex irnexxielu jisraq rebħa mix-xedaq tat-telfa, Bibi kiser ir-regoli kollha. L-ewwelnett, aċċetta stedina mill-ispeaker Republikan tal-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikana, John Boehner biex indirizza seduta konġunta tal-Kungress mingħajr ma ġiet avżata l-White House kif is- soltu jsir. Dan ġie meqjus bħala ksur serju ta' protokoll u insult lill-President Obama li ma Netanyahu qatt ma kellu rapport tajjeb. L-amministrazzjoni Amerikana dlonk ħabret li Obama ma kienx ser jiltaqa' ma' Netanyahu waqt iż-żjara tiegħu minħabba l-politika Amerikana li ma jsirux tali laqgħat qrib elezzjonijiet nazzjonali. Fid- diskors tiegħu lil Kungress, Netanyahu ħadha qatta bla ħabel kontra l-isforzi tal-amministrazzjoni amerikana biex jintlaħaq ftehim ma' l-Iran fuq l-użu tal- enerġija nuklejari, ftehim li Netanyahu jqisu bħala theddida serje għal Iżrael minkejja li ntwera li meta stqarr hekk fil-passat, il-Mossad kienet taħsibha differenti minnu. Ftit jiem qabel l-elezzjoni, Bibi kien qed ixomm telfa imminenti u biex jattira l-vot estremista stqarr li sakemm hu jdum fil-poter, il-Palestinjani qatt m'hu ser ikollhom stat tagħhom. B'hekk ikkontradixxa dak li kien stqarr fl-2009 u dak li wara kollox suppost hija l-politika ta' Iżrael wara l-ftehim ta' Oslo. Il-politika ta' żewġ stati hija ukoll il-pedament ta' l-isforzi kollha internazzjonali għal ftehim bejn Iżrael u l-Palestinjani. Dawn il-kummenti qajmu furur. L-istess ġara wara l-messaġġ ta' Netanyahu lill-votanti tal-Likud f 'jum l-elezzjoni fejn ħeġġiġhom biex joħorġu jivvutaw għaliex skond hu, il-votanti Għarab, li jagħmlu 20% tal-populazzjoni ta' Iżrael, kienu qed imorru jivvutaw bil-gzuz. Dawn il-kummenti ta' natura manifestament razzista ma ntlaqgħu xejn tajjeb mill-amministrazzjoni Amerikana u mill-komunità internazzjonali. Obama ħa jumejn sabiex iċempel lil Netanyahu biex jifraħlu għar-rebħa. Skont l-istqarrija uffiċjali, Obama afferma l-impenn amerikan għal soluzzjoni aħħarija bbażata fuq żewġ stati imma ġie rrapurtat ukoll li kkritika lil Netanyahu għall-istqarrija li għamel dwar il-votanti għarab-iżraeljani u qallu li l-amministrazzjoni sejra tirrikkunsidra l-posizzjoni tagħha dwar Iżrael. Minkejja li wara l-elezzjoni Netanyahu pprova jsewwi l-ħsara li għamel bl- istqarrija tiegħu dwar l-istat Palestinjan u beda jdoqq mużika differenti, huwa ċar li Netanyahu ser iħallas prezz għoli għar-rebħa elettorali tiegħu. Il-kummenti tiegħu ġew interpretati minn ħafna bħala konferma ta' dak li ħafna kienu jissuspettaw: li Bibi ma jridx ftehim aħħari. Meta fl-1 ta' April, l-awtorità Palestinjana ssir membru tal- Qorti Kriminali Internazzjonali, mossa li inizjalment kienet opposta wkoll mill-Amerikani, l-komportament ta' Iżrael fl-aħħar konflitt ta' Gaża kif ukoll il-politika kolonjali ta' Iżrael fix-Xatt tal- Punent sejrin jaqgħu taħt l-iskrutinju tal- ġustizzja internazzjonali. Dan jista' tkun diżastruż għal Iżrael li aktar ma jgħaddi ż-żmien qed jitlef l-awtorità morali tiegħu u bosta Iżraeljani jistgħu jispiċċaw akkużati b'reati ta' gwerra. Ir-rapport mal-amministrazzjoni Amerikana tant iddeterjora li qed tissemma l-possibilità li l-Amerika tappoġġja, jew tal-anqas ma topponiex, riżoluzzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà għat-twaqqif ta' stat Palestinjan bi fruntieri kif kienu fl-1967 ħlief għal xi ftit aġġustamenti territorjali li dwarhom hemm qbil sostanzjali. Jekk jiġri dan, ikun avveniment tassew storiku li l-Amerika ma tużax il-poter ta' veto tagħha sabiex topponi risoluzzjoni li Iżrael ma tridx. Minkejja s-suċċessi elettorali tiegħu, Bibi huwa ftit maħbub kemm f 'Iżrael u anke fi ħdan il-komunità internazzjonali. Ir-rebħa ta' Netanyahu tista' twassal għall-aktar iżolament diplomatiku ta' Iżrael u aktar appoġġ fi ħdan il- komunità internazzjonali għat-tnissil ta' l-istat Palestinjan. Mhux ta' b'xejn li qabel l-elezzjoni, mija u tletin persuna li kienu fl-armata u l-ħajja pubblika ta' Iżrael, inkluż, l-eks kap tal-Mossad, Meir Daggan, kitbu ittra pubblika sabiex iwissu lill-elettorat Iżraeljan dwar il-periklu ta' elezzjoni mill-ġdid ta' Netanyahu. L-istess Daggan iddeskrivieh f 'laqgħa pubblika bħala l-akbar theddida għal Iżrael. Minkejja s-suċċessi tal-politika ekonomika liberali tiegħu, li permezz tagħha Iżrael evita r-riċessjoni imma li bosta jsostnu li żiedet l-inegwaljanza u l-faqar, tassew ir-renju ta' Netanyahu jista' jwassal għall-akbar periklu għall- istat ta' Iżrael minn mindu twieled. Id-dinja xebgħet tistenna għal sinjali ta' kompromess mill-Iżrael, kompromess li Bibi ma jridx li jintlaħaq akkost ta' kollox. Wasal iż-żmien li Iżrael jinduna li hemm prezz xi jħallas għall-intransigenza tiegħu. Segwini fuq Facebook u fuq Twitter @ellisjoseph Ir-rebħa ta' Bibi għandha prezz JOE ELLIS Minkejja l-isforzi diplomatiċi kollha - qatt ma ntleħaq ftehim bejn l-Iżrael u l-Palestinjani