Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/483472
Il-Ħadd 22 ta' Marzu 2015 | illum 9 Dr Tonio Micallef Trigona mar fuq il-post tar-reat fejn mexxa l-aċċess u ħatar lit-tabib forensiku Mario Scerri, lill-Perit Valerio Schembri u lill-Brigadier Maurice Calleja bħala esperti tal-Qorti. L-Uffiċjali tax-Xena tar- Reat bdew jelevaw kull traċċa fosthom loqma ta' sigarett li nstabet fit-triq. Kienu xeni kommoventi minn uħud mill-qraba ta' Galea fejn f 'mument minnhom mara kellha tiġi miżmuma minn xi qraba oħrajn kif ukoll mill- Pulizija għax riedet akkost ta' kollox tmur tara lill-vittma fil- vettura. Hija nstemgħet tgħajjat "ħalluni narah għall-aħħar darba għax dak huwa demmi." Qraba oħrajn ukoll dehru mbikkmin b'xokk fuqhom, fosthom tfal żgħar. Il-katavru ta' Galea nħareġ mill-karozza fejn saru l-ewwel eżamijiet mit-tabib forensiku Mario Scerri kif ukoll ittieħdu ritratti mill-uffiċjali tax-xena tar-reat. Kif dawn lestew, il-katavru ddaħħal fil-hearse tal-Pulizija u ttieħed lejn il- kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei fejn saret l-awtopsja. Minnha sar magħruf li l-vittma kien miet kawża tat-tiri li ġew sparati li minnhom tal-inqas ħamsa laqtuh fil-parti ta' wara ta' ġismu. Anke l-karozza li nqatel fiha Galea ttieħdet mill-Pulizija għal aktar investigazzjoni mill- Uffiċjali tax-Xena tar-Reat. Għamel rapport li kien mhedded b'ħajtu Joseph Galea kien magħruf ma' ħafna fiċ-ċrieki tal-kaxxi tal-logħob u kien allegat li kien ukoll involut fl-użura. Ingħad ukoll li mhux l-ewwel darba li Galea seta' urta lil xi persuni oħrajn, l-aktar fejn jidħol self ta' flus. Dwar dan il-Pulizija qalu li dawn kienu biss allegazzjonijiet tant li qatt ma kellhom rapporti li l-vittma kien involut f 'xi ċirku ta' użura. Nifhmu li l-vittma kien saħansitra għamel rapport mal-Pulizija fuq persuni oħrajn magħrufin fil-qasam tal- kriminalità l-aktar għax ħassu li seta' kien mhedded. Dan ma kienx niżel tajjeb ma' xi wħud u b'hekk seta' għamel diversi għedewwa. Minkejja dan nifhmu wkoll li Galea anke rrapporta nies qrib ħafna tiegħu meta sar jaf li kienu daħlu fil-vizzju tad-droga, iżda dan kien jagħmlu biex jipproteġihom milli jkompli għaddejjin b'dan il-vizzju qerriedi. Ma jemmnux li l-qtil tal- "Imnieħru" u ibnu kellhom x'jaqsmu Galea kien iz-ziju ta' George Galea, wieħed mill-akkużati fil-qtil ta' Mario Camilleri ta' 51 sena, magħruf bħala "l-Imnieħru", u ibnu Mario Jr. ta' 21 sena, it-tnejn mis-Swieqi. Il-katavri tal-missier u l-iben kienu nstabu tard filgħaxija l-Ħamis, 18 ta' Lulju 2013 wara li ġurnata qabel kienu ġew irrapportati nieqsin. Il-katavri tagħhom instabu fuq xulxin f 'ħofra u mgħottija bil-ħamrija f 'għalqa fil-Qajjenza, limiti ta' Birżebbuġia. Minkejja li fil-qtil ta' Camilleri u ibnu hemm mixli n-neputi ta' Ġużi Galea, il-Pulizija ma temminx li hemm xi konnessjoni, iżda sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qaluli li l-investigaturi xorta waħda ma jeskludu xejn. Dan kien l-ewwel qtil tas-sena li huwa simili ħafna għal dak li seħħ fit-12 ta' Diċembru, 2012, fil-Mosta meta nqatel Giuseppe Cutajar, magħruf bħala "l-Lion" li kellu 45 sena. Cutajar kien inqatel ukoll b'diversi tiri meta kien fil-karozza tiegħu qed isuq minn Triq it-Trinċetta għal Triq il-Mitħna fil-Mosta. Huwa kien intlaqat minn erba' tiri, li b'kollox jidher li kienu sparati madwar 13-il tir sparati b'machine gun, x'aktarx tal-tip Kalashnikov, li hija arma Russa. Il-qattiel kien spara minn għalqa minn wara siġra tal- bajtar u ħarab min-naħa ta' wara u qatt ma nstab. Intant, dwar il-qtil ta' Ġużi Galea, waqt konferenza dwar ir-reati, l-Pulizija ma kinux ikkonfermaw kemm ġew sparati tiri, qalu biss li qiegħda tiġi investigata l-possibbilità li min wettaq dan id-delitt kien riekeb vettura tat-tip Toyota RAV 4 u li setgħu kienu aktar minn persuna waħda. Il-Pulizija kienu kkonfermaw waqt l-istess konferenza tal- aħbarijiet, li fil-fedina penali ta' Galea kien hemm biss li kien ġie arrestat fuq serq. Vjaġġi lejn Sqallija Minn investigazzjonijiet li komplew isiru dwar il-qtil ta' Galea, ingħad li l-vittma kien spiss imur Palermo, fi Sqallija. Kien allegat ukoll li l-aħħar darba li Galea mar Sqallija kien is-Sibt, 1 ta' Frar bil-Catamaran Jean de La Valette fil-5.00am lejn Pozzallo. Rapporti fil-media kienu rrapportaw li ma kienx eskluż li dakinhar Galea kien baqa' Sqallija minħabba li tilef il- vjaġġ lura lejn Malta dakinhar stess. Dan ġara minħabba l-kundizzjonijiet tal-baħar il-Virtu Ferries kienu għamlu l-vjaġġ minn Pozzallo għal Malta fil-5.00pm minflok fit- 8.00pm. Ingħad li peress li Gużi Galea kien mar Palermo, ma leħaqx għamel fil-ħin il-vjaġġ ta' madwar 340km minn Palermo għal Pozzallo, vjaġġ ta' madwar tliet sigħat u nofs bil-karozza. L-għada, il-Ħadd il- kundizzjonijiet tal-baħar komplew jiħżienu tant li ma sarux vjaġġi. B'hekk Galea ġie lura Malta t-Tnejn, ġurnata qabel ma nqatel. Min-naħa l-oħra, bintu Sefora Galea, ċaħdet li missierha ġie lura Malta t-Tnejn imma qalet li wasal is-Sibt stess kif kien ippjanat. Għamel diversi rapporti fuq terzi persuni Ġużi Galea kien qal lill-Pulizija li kien qiegħed ikun mhedded b'ħajtu minn xi ħadd. L-istess Galea kien ukoll għamel diversi rapporti fuq persuni oħrajn, li hu kien iqis bħala kompetituri tiegħu. Iżda huwa mifhum li meta l-Pulizija investigaw dawn ir-rapporti qatt ma waslu għal konklużjonijiet konkreti biex jittieħdu passi legali. Meta l-Pulizija tkellmu mal-ġurnalisti f 'konferenza tal-aħbarijiet dakinhar tal- omiċidju tal-"Ġilda", intqal ukoll li fl-investigazzjonijiet tagħhom, il-Pulizija kienu qegħdin jimxu fuq diversi teżi tant li kull teżi kienet ikkonsidrata fosthom jekk kienx hemm rabta bejn l-omiċidju ta' Galea u omiċidji oħrajn li seħħew is-sena ta' qabel, fosthom dak ta' Mario Camilleri "l-Imnieħru" u ibnu, kif ukoll oħrajn li għadhom mhux solvuti. Fosthom kien hemm dawk ta' Ġużeppi Cutajar "il-Lion" li nqatel fil-Mosta fit-12 ta' Diċembru 2012, Yosef Grech "il-Yoyo" li nqatel f 'Baħar iċ-Ċagħaq ukoll fit-12 ta' Diċembru 2012 u dak ta' Paul Degabriele, "is-Suldat" li nqatel fil-Marsa fil-31 ta' Mejju 2013. Bħalma qed nagħmlu ma' kull storja ta' omiċidji mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001. Appell Ritratti: Arkivji Uffiċjali tax-xena tar-reat jeżaminaw il-katavru ta' Galea wara li nħareġ mill-vettura tiegħu Uħud mit-toqob mill-bullets sparati li laqtu l-karozza ta' Galea fl-2014 tir - il-vittma ntlaqat minn ħames tiri Fuq wara tal-vettura ta' Galea kien hemm mill-inqas 11-il toqba tal-bullets li nifdu 'l vettura barra dawk li laqtu l-windscreen ta' wara.