Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/487057
18 illum | Il-Ħadd 29 ta' Marzu 2015 F 'anqas minn15-il ġurnata oħra 34 lokalità madwar Malta u Għawdex ser imorru għall-elezzjonijiet lokali. Tul din il-kampanja qed niltaqa' ma' bosta persuni, speċjalment meta nkun għaddejja bil-produzzjoni tal-programm 'Malta Ottimista' li jixxandar kuljum fuq One TV wara l-aħbarijiet tal-5.30pm. In-nies li qed niltaqa' magħhom jitkellmu fuq ħidmet il-kunsill lokali. Jitkellmu fuq il-proġetti li twettqu u anke jersqu 'l quddiem u jissuġġerixxu x'għandu jsir. Min jgħidlek kuntent, min jgħidlek fadal ħafna xi jsir. Min diżappuntat għaliex hawn min mhux kapaċi jirrikonoxxi li l-skart goff ma titfgħux barra jew fil-kampanja u min jilmenta li bqajna ma sibniex soluzzjoni għall- problema tal-ħmieġ tal-klieb fuq il-bankini u t-toroq. Hemm min iħares b'ottimiżmu għaliex jgħidlek li l-kunsill lokali tiegħu kien ta' żvog għalih, għaliex illum anke jekk anzjan, il-kunsill huwa sors li permezz tiegħu huwa possibli li joħroġ, imur postijiet storiċi u anke jitgħallem. Oħrajn jgħidulek li qatt ma ħolmu li jitgħallmu t-teknoloġija, imma permezz tal-kunsill irnexxilhom u llum jistgħu jagħmlu kuntatt anke ma' qrabathom f 'pajjiż oħra. Kien hemm ommijiet li qaluli kemm kienu importanti l-lezzjonijiet li organizza l-kunsill flimkien mad- Direttorat tat-Tagħlim tul il-Ħajja, biex uliedhom setgħu jew jitgħallmu suġġett ġdid inkella jagħmlu revizjoni. Dan kollu huwa ta sodisfazzjon kbir. Imxejna 'l quddiem. Dawk li bħali għoxrin sena ilu kienu fil-Kunsilli Lokali, illum jistgħu jaraw bidla kbira. Kien hemm qabża fil-kwalità. Dwar dan jaqblu wkoll is-Sindki u Kunsilliera li ta' kuljum qed niltaqa' magħhom waqt il-programm 'Lokalità' li jixxandar kuljum fuq One Radio. L-esperjenza tiegħi kemm fil-Kunsilli Lokali u anke fuq livell Ewropew, waslitni sabiex dejjem aktar nemmen li l-pass li jmiss huwa l-ħtieġa li jkollna Kunsilli aktar soċjali. Din il-vizjoni tifforma parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista u nħares b'ottimiżmu għat-twettieq tagħha fiż-żmien li ġej. Filfatt l-ewwel passi sar bil-proċess ta' devoluzzjoni tal-bereġ tas-saħħa, bħal fil-każ taż-Żurrieq. Ta' min ifaħħar ukoll l-inizjattiva tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali li qed jiftaħ ukoll numru ta' ċentri LEAP li joffru servizz għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Nemmen li dan huwa l-bidu tat-triq li dejjem emmint fiha. Għal dawn l-elezzjonijiet il-Partit Laburista qiegħed jippreżenta 177 kandidat. Taħlita ta' irġiel u nisa, żgħażagħ u anqas żgħażagħ ilkoll determinati sabiex jagħtu sehemhom għall-ġid tal-lokalitajiet tagħhom. Minn qalbi nawguralhom l-akbar suċċess. Iżda kif qed insemmi l-Kunsilli Lokali ma nistax ma nagħmilx osservazzjoni. Nemmen li jeħtieġ li nirriflettu ftit issa u mhux nistennew round ieħor ta' elezzjonijiet u nibqgħu inħarsu ċassi lejn realtà inkwetanti. Minkejja li matul is-sena li għaddiet bħala pajjiż esperjenzajna suċċess elettorali kbir għan-nisa b'żewġ terzi tad-delegazzjoni Maltija fil-Parlament Ewropew illum tkun magħmula minn nisa, jidher li għad baqa' ħafna xi jsir sabiex in-nisa tassew ikunu parteċipanti ugwali fil-ħajja pubblika. Nemmen li wasal iż-żmien li tassew nirriflettu ftit u nistaqsu għaliex in-numru ta' nisa kandidati baqa' zgħir meta mqabbel man-numru ta' rgiel f 'dawn l-elezzjonijiet? Nemmen li wasal iż-żmien li nistaqsu wkoll: x'inhu jżomm lin-nisa milli jersqu 'l quddiem? Il-Partit Laburista qed jippreżenta 28 mara għal dawn l-elezzjonijiet lokali. Jeħtieġ li ssir riflessjoni għaliex in-numru baqa' daqstant zgħir. Jekk għandek numru zgħir ta' kandidati nisa, allura n-numru ta' nisa eletti wkoll ser ikun żgħir. Jekk tassew irridu Kunsilli Lokali b'saħħithom, jeħtieġ li jkunu riflessjoni tajba tas-soċjetà li qed imexxu. Għalhekk huwa essenzjali li jkun hemm taħlita ta' nisa u rġiel, żgħażagħ u anzjani. Nemmen li b'taħlita tajba ta' ideat, għaliex fejn ikun hemm l-ideat nistgħu nkunu innovattivi, nistgħu naraw l-affarijiet minn perspettiva differenti u nistgħu allura noħoqlu sinerġija biex intejbu l-ħajja tal-familji li nirrappreżentaw. Illum jien president ta' Nisa Laburisti u nassigurakom li flimkien ma' sħabi fl-Eżekuttiv u d-delegati ta' Nisa Laburisti mferrxa fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin ser nibqgħu kommessi li mhux biss naħdmu sabiex ninkoraġġixxu u ngħinu nisa u tfajliet sabiex jagħmlu dak l-ewwel pass lejn il-ħidma pubblika iżda fuq kollox sabiex immexxu 'l quddiem l-interessi tan- nisa fis-soċjetà Maltija billi naħdmu għal soċjetà ekwa u ġusta fejn kull persuna, irrispettivament minn jekk hix mara jew raġel,timxi 'l quddiem f 'ħajjitha. L-ambjent huwa tagħna lkoll Fi żmien sentejn, konxju mill-impatt ambjentali u tas-saħħa tal-familji, gvern Laburista għalaq il-Power Station tal-Marsa. Din minnha nnifisha hija l-ikbar mossa ambjentali pożittiva li qatt setgħet issir għalina u l-ġenerazzjonijiet futuri. Mhux biss in-nies tal-Marsa, iżda wkoll dawk li joqogħdu fl-inħawi bħal Pietà, Ħamrun, Ħal Qormi, u Raħal Ġdid ħadu nifs kbir għaliex qed jaraw gerħa li ġarrew għal tant snin tibda' tiddewwa. Ma jistax wieħed ma jsemmix kif il-Partit Nazzjonalista fil-manifest elettorali tiegħu tal-1987, kien sejjaħ il-power station tal-Marsa bħala irmixk, iżda xorta żammha miftuħa għal 25 sena sħaħ. Kellu jkun Gvern Laburista li jagħlaqha. Issa rridu nħarsu 'l quddiem. Għandi fiduċja li fiż-żmien li ġej din iż-żona ser tiġi rijabilitata għall- ġawhra li kienet qabel. Kien l-istess Prim Ministru Joseph Musċat li qal li dan il-post wara konsultazzjoni għandu jinbidel biex isir post li fih ikun hemm investiment u li minnu jitkattar ix-xogħol. Minn żona simbolu ta' tniġġiż, din in-naħa ta' Malta għad terġa' ssir ġojjel, għaliex, ejja ngħidu kif inhi - kif setgħu faċilment jikkonstataw dawk kollha li kellhom l-opportunità jżura l-impjant tal-Marsa fl-open weekend li sar ftit tal-ġimgħat ilu, ftit hawn żoni li jikmandaw veduti isbaħ. U ma ninsewx li fil-qrib instabu fdalijiet li jmorru lura għaż-żmien ir-Rumani. Nemmen li l-potenzjal veru ta' dan is-sit għadu mhux totalment magħruf u dan kollu jista' biss jawgura tajjeb għan-nies tal-Marsa u tal-madwar fejn minn żona dipressa għandna l-opportunità li ndawruha f 'waħda b'ħajja ekonomika u soċjali vibranti. Birżebbuġa Bħal fil-każ tal-Marsa, anki dwar Birżebbuġa sar ħafna. Lokal mill- isbaħ sew fis-sajf u anke fix-xitwa. Iżda Birżebbuġa kienet ukoll lokalità li sofriet tul is-snin. Magħha sofrew ir-residenti. Il-familji li investew fil- propjetà tagħhom tul is-snin riedu wkoll iħabbtu wiċċhom ma' tankijiet tal-fuel u anke tal-gass. Illum is-sitwazzjoni nbidlet. Il- Gvern daħħal għand il-MEPA l-applikazzjoni sabiex jiżżarmaw it-tankijiet f 'Birżebbuġa. L-aktar antik minnhom dawn it-tankijiet kien inbena fl-1919. Bit-tneħħija ta' dawn it-tankijiet mhux biss ser tittejjeb il- ħajja tal-familji, iżda wkoll ser jittejjeb l-ambjent tal-madwar b'riżultat li anke l-valur tal-propjetà u l-kwalità tal-ħajja ser jiġu imtejba. Kien ilna nisimgħu wkoll dwar il-Qajjenza. Tkellimt kemm-il darba ma' familji li jgħixu fiż-żona. Jgħidlek li ż-żona hija sabiħa, iżda tul is- snin kienet minsija. Il-Gvern illum huwa kommess li jinvesti fl-inħawi u ser ikun qiegħed jaħdem fuq il- promenade tal-Qajjenza fiż-żmien li ġej. Ottimiżmu Fi ftit tal-ġranet oħra, ser tiġi mwettqa wegħda elettorali oħra ma' dawk li diġà twettqu. In-negozji ser igawdu minn roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma bħalma diġà gawdew il-familji Maltin u Għawdxin. Kien hemm minn sejjaħ dawn il- miżuri, li qed iħallu fil-bwiet tal-familji u n-negozji mas-€70 miljun, bħala gimmick. Imma l-Gvern Laburista qed juri biċ-ċar li jwettaq dak li jwiegħed u li ma jaqtax qalbu mill-isfidi. Kif qed jgħidulna l-aġenziji internazzjonali ta' kreditu, din il-mizura ta' roħs fil- prezzijiet tad-dawl u l-ilma qed tħalli impatt pożittiv qawwi fuq l-ekonomija Maltija - altru mill-bailout li ppruvaw ibezzgħu bih ta' GonziPN! Din il-ġimgħa wkoll il-Gvern ta l-bonus ta' darba - li ġie mwiegħed fil- budget tas-sena li għaddiet lil madwar 220,000 persuna li ma bbenefikawx mit-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul. Dan il-bonus li mhuwiex taxxabli qed jingħata apparti ż-żieda fil- kumpens għall-għoli tal-ħajja. Għal dawk li jaħdmu fil-privat, il-bonus ma ħallsuhomx dak li jħaddmu, iżda qed iħallsu l-Gvern. Hekk il-Gvern bħalma qed jagħmel f 'oqsma oħra, qed jaħseb fiż-żgħir daqskemm qed jaħseb f 'min sejjer tajjeb. Edukazzjoni Nemmen li wasal iż-żmien li nagħmlu riflessjoni dwar il-mudell edukattiv li nadoperaw f 'pajjiżna. Pajjiżi bħall-Ingilterra, li fuq il-mudell tagħhom hija bbażata s-sistema tagħna, qedgħin jimxu lejn direzzjoni differenti u qed iħarsu lejn il-mudelli operati fil-pajjiżi nordiċi, l-aktar il- Fillandja. Nemmen li hawn Malta għandna nagħmlu wisq enfasi fuq il-kwantità aktar milli nfittxu l-kwalità. Nemmen li wasal iż-żmien li nnaqqsu r-riġidità fis-sistema edukattiva tagħna u naraw jekk in-numru ta' suġġetti mitluba għandhomx jonqsu u jekk għandniex naraw li nħallu aktar libertà fl- għażliet f 'idejn iż-żgħażagħ tagħna. Meta nitkellem ma' ġenituri li għandhom it-tfal tagħhom resqin għall-eżamijiet tal-MATSEC, dejjem niskanta kif illum dawn huma mistennija jagħmlu sitt suġġetti meta fi żmienna kienu tlieta. Niskanta kif ħadd għadu ma kkunsidra li jneħħi minn suġġett obbligatorju s-Systems of Knowledge li għal bosta studenti huwa biss piż żejjed u ta' ebda interess reali għalihom. Niskanta wkoll kif għadna ngħixu f 'sitwazzjoni fejn sa minn età żgħira l-istudenti huma mistennija li aktar jitgħallmu l-materjal bl-amment milli jigu nkuraggiti jahsbu, jistaqsu, u anki jikkritikaw. Dan kollu jeħtieġ bidla fil-mentalità - bidla anki fost il-ġenituri li ħafna drabi jsibuha bi tqila jifhmu li l-ħafna xogħol li t-tfal jingħataw għad-dar mhux meħtieġ jew ta' siwi. Jum il-Ħelsien Nhar it-Tlieta Malta tfakkar is-36 Anniversarju ta' Jum il-Ħelsien. Nhar it-Tnejn 30 ta' Marzu 2015, fis-6.30pm, Xatt ir-Risq, il-Birgu l-Partit Laburista jfakkar din il-ġurnata. Nistiednek tingħaqad magħna sabiex flimkien nagħtu gieħ lil Malta Ħielsa. Awguri Jalla din il-Gimgħa Mqaddsa sservi sabiex ilkoll kemm aħna nsibu l-opportunità sabiex nirriflettu ftit dwar it-tifsira tal-ħajja u nagħrfu dak li hu tassew importanti f 'ħajjitna. Nieħu din l-opportunità sabiex nawgura l-Għid it-tajjeb lil kulħadd. Claudette Abela Baldacchino hi l-President ta' Nisa Laburisti Test elettorali Claudette abela baldaCChino