Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/487057
28 illum Il-Ħadd 29 ta' Marzu 2015 SportSillum It-tant mixtieqa kwalifikazzjoni għall- ewwel Logħob Ewropej tal-Waterpolo li se jsiru fl-azerbaijan f 'Ġunju li ġej saret realtà. Dan sforz ta' ħafna xogħol li sar minn dan il-grupp ta' żgħażagħ li riedu jiktbu storja ġdida fl-isport lokali billi għall- ewwel darba pajjiżna rnexxielu jikkwalifika għall-Kampjonati Ewropej tal-waterpolo tal-Juniors b'mertu tagħhom u mhux bħala pajjiż ospitant. Dan il-ġurnal ma setax ma jagħmilx kuntatt mal- kowċ ferm ħabrieki tat-tim nazzjonali tal-waterpolo li jiġi wkoll il-kowċ tat-tim nazzjonali tal-waterpolo ta' taħt is-17-il sena. Tajjeb ngħidu li mertu għar- riżultati li kiseb f 'dawn l-aħħar sentejn l-istess Karl Izzo bl-aktar mod meritat ġie vvutat bħala l-kowċ tas-sena għall-aħħar sentejn konsekuttivi. F'kumment li għadda lill-ILLUM, Karl Izzo saħaq li: "L-ASA ħadet b'serjetà kbira l-parteċipazzjoni f 'dawn il-European Games u b'hekk bdejna proċess twil biex inkunu nistgħu naslu għal dawn il-kwalifikazzjonijiet ippreparati sew u b'ħafna logħob ta' ħbiberija kontra oppożizzjoni iktar ikkwotata minna, kampijiet ta' taħriġ eċċ. Deher ċar ħafna li kien hemm materjal tajjeb u validu biex stajna nagħmlu dan. Kollox beda fis-sajf tal- 2013 meta konna Ostia mat-tim nazzjonali ta' taħt is-17-il sena. Konna qed nipparteċipaw ġewwa tournament ta' ħbiberija għall-European Championships li kellhom dik is-sena jsiru Malta għal din il-kategorija. Hemmhekk rajna kemm konna għadna lura kontra nazzjonijiet oħra parteċipanti kemm fil-fiżika, teknika u tattika. Kien il-President ħabrieki tal-ASA, is-Sur Joe Caruana Curran, li kien laqagħna ġo kamra u wera x-xewqa li minn dakinhar jibda jsir xogħol bis-serjetà biex fi żmien 10 snin aħna nkunu nistgħu nikkwalifikaw għall-fażi finali tal-European Championships. Niftaħar billi ngħid li bis-saħħa tal-għajnuna kontinwa tal- ASA li kkuntentawni f 'kull ma tlabthom kif ukoll riċentament mill-MOC li għoġobhom ukoll jagħtuna għajnuna biex inkunu nistgħu nippreparaw bl-aqwa mod possibli, irnexxielna nagħmlu li ppjanajna għall- perjodu ta' 10 snin sħaħ, f 'sentejn! L-ewwel għażla tiegħi kienet f 'Diċembru tal-2013, ta' 47 plejer ġejjin mill-klabbs kollha. Sejjaħna laqgħa għall-plejers u l-ġenituri kollha fejn spjegajnielhom x'konna qed inħejju u x' konna qed nippretendu mill- plejers magħżulin. Lil dawn il-plejers għamilnielhom 'screening' fejn permezz tat-tim mediku tagħna rajna l-pożittiv u n-negattiv f 'ġisem dawn il-plejers u fuq xiex kellna naħdmu kemm fil-gym kif ukoll fil- pixxina. Din kienet mossa bla preċedent fejn l-ASA daħlet fi spiża qawwija imma li minnha seta' jkollna kull informazzjoni fuq kull plejer magħżul. Dan jgħin biex niksbu l-aqwa mill-plejers tagħna speċjalment fuq il- fiżika tagħhom speċjalment meta niġu biex nilagħbu kontra timijiet barranin ta' saħħa kbira. Hawnhekk beda t-taħriġ kemm fil-gym kif ukoll fil-pixxina għal dawn il- plejers kollha magħżulin. Dan kien numru kbir imma dan għaliex jien ridt nagħti l-opportunità lil kull plejer li jiena ħsibt li seta' jifforma parti minn dan it-tim nazzjonali. Il-plejers kollha magħżula kienu entużjasti li ġew imsejħa biex jittrenjaw ma' Malta. Minn 47 plejer, il-grupp beda dejjem jitnaqqas biex hekk il-plejers li kellhom iktar potenzjal setgħu jitħarrġu b'iktar kumdità u f 'iktar spazju. Ta' min jgħid li tant kienu dedikati il-plejers li konna nittrenjaw tliet darbiet fil-ġimgħa fil-5.30am sas-7am qabel dawn kienu jmorru l-iskola. Flimkien ma' dawn is-sessjonijiet jien kien ikolli lil dawn il-plejers għat-taħriġ miegħi darbtejn fil-ġimgħa għal sagħtejn filgħaxija u l-Ħadd filgħodu għal sessjoni ta' siegħa u nofs. L- ewwel impenn uffiċjali għal din l-iskwadra kien tornew importanti tal-EU 8 Nations Trophy ġewwa Brno fir-Repubblika Ċeka, u minnufih jien flimkien mal-assistent tiegħi Anthony Farrugia u l-kowċ tal-goalkeepers Adrian Cachia bdejna nnaqqsu l-iskwadra, l-ewwel għal 25 u finalment għal 15 li kellhom ikunu l-plejers li jsiefru u jirrappreżentaw lil Malta, ġewwa r-Repubblika Ċeka. Deher mill-ewwel li dan tagħna kien tim b'saħħtu, b'talent kbir u magħqud! Fil-fatt anki jekk f 'ċerti logħbiet konna qed nilagħbu kontra timijiet ikbar minna, irnexxielna nirbħu 5 minn 5 logħbiet u spiċċajna rebbieħa. Dan kien fl-Għid tal-2014. Wara dan, il-plejers kollha rritornaw mal-klabbs tagħhom bi preparament għall-Kampjonat tas-Sajf. Kif spiċċa l-Kampjonat tas-Sajf fil-bidu ta' Settembru jien erġajt sejjaħt skwadra ta' 20 plejer bi preparazzjoni intensiva għall-kwalifikazzjonijiet li issa sirna nafu li kellhom isiru Malta f 'Marzu ta' din is- sena. F'Diċembru li għadda jien għażilt 15-il plejer li magħhom tlajna Siracusa ġewwa Sqallija għal kamp ta' taħriġ iebes u wkoll logħob ta' ħbiberija kontra timijiet Sqallin tal-Under 20. Din kienet okkażjoni importanti biex nara l-progress ta' dan it-tim imma wkoll biex nara kif jirreaġixxu meta jilagħbu kontra plejers iktar b'saħħithom minnhom fiżikament. Ħadt indikazzjonijiet tajbin ħafna u kont ferm sodisfatt b'li għamilna fil-ħamest ijiem hemmhekk. Tajt ħamest ijiem mistrieħ lill-plejers għall-Milied imma fit-2 ta' Jannar bdejna l-aħħar u l-aktar parti importanti tat-tħejjija għar-round ta' kwalifikazzjoni ta' Marzu. Minn Ottubru ta' min jgħid li l-plejers kollha kienu qed jieħdu sehem fil-Kampjonat tax-xitwa tal-U17 li kien qed isir ġewwa l-pixxina nazzjonali u fejn hawn stajt nivvaluta l-forma tal-plejers tiegħi. Fit-3 ta' Marzu, jiena għażilt 14-il plejer (li minnhom kelli naqla' 13) u morna għall- aħħar fażi ta' preparazzjoni qabel it-tournament li kellu jibda fit-12 ta' Marzu ġewwa ċ-Centro Federale ġewwa Ostia viċin Ruma għal kamp ta' taħriġ. Hawnhekk, f 'erbat ijiem lgħabna erba' logħbiet, 2 minnhom kontra n-Nazzjonal tal-istess età Taljan, u kontra timijiet tal-U20 tal-Vis Nova Roma u Roma Nuoto. Il-plejers dehru li kienu f 'forma tajba ħafna u kellna ħafna mumenti ta' logħob sabiħ u aggressiv anki jekk kontra timijiet qawwijin ħafna. Il-ġurnata ta' qabel kellu jibda t-tournament għamilt l-għażla tat-13-il plejer li kellhom jirrapreżentaw lil pajjiżna f 'dan it-tournament ta' kwalifikazzjoni. L-ewwel logħba konna nafu li kienet se tkun faċli u fil-fatt irbaħna faċilment bl-iskor ta' 51-0, kontra t-tim ġdid tal-Latvja. L-għada filgħodu quddiem pixxina mimlija bit-tfal tal-iskola rnexxielna niksbu rebħa komda kontra t-tim nazzjonali tal-Isvizzera bl-iskor tajjeb ta' 20-6. Anki jekk ir-riżultat u d-distakk kien wieħed kbir, l-Isvizzera mhux xi tim faċli imma l-prestazzjoni tat-tfal kienet waħda impekkabbli ta' superjuri mill-bidu sal-aħħar tal-logħba. Waslet il-ġurnata importantissima tas- Sibt! Konna nafu li l-kwalifikazzjoni kienet tiddependi minn din il- logħba tal-lum kontra l-Gran Brittanja, pajjiż kbir b'għażla ta' plejers vasta u li riċentament kienu għamlu Il-plejers Maltin li rrappreżentaw lil pajjiżna f'dan it-tornew Meta l-ħolma Maltija